Sur President, Sinjuri Viċi-Presidenti,

Onorevoli Deputati Ewropej,

Persuni li taħdmu f’karigi diversi f’dan l-emiċiklu,

Għeżież ħbieb,

 

Grazzi ta’ l-istedina li għamiltuli biex nitkellem quddiem din l-istituzzjoni fundamentali fil-ħajja ta’ l-Unjoni Ewropea u ta’ l-opportunità li qed toffruli li, permezz tagħkom, inkellem lil iktar minn ħames mitt miljun ċittadin li intom tirrappreżentaw fit-28 stat membru.  Nixtieq b’mod partikulari nesprimi l-gratitudni tiegħi lejk, Sur President tal-Parlament, tal-kelmtejn kordjali ta’ merħba li għamiltli, f’isem dawk kollha li jsawru din l-Assemblea.

 

Iż-żjara tiegħi qed issir iktar minn kwart ta’ seklu wara dik li għamel il-Papa Ġwanni Pawlu II.  Minn dak iż-żmien seħħu ħafna bidliet fl-Ewropa u fid-dinja kollha.  M’għadhomx jeżistu l-blokok għedewwa li dak iż-żmien kienu jaqsmu l-kontinent fi tnejn, u bil-mod il-mod qed isseħħ ix-xewqa li “l-Ewropa, bl-istituzzjonijiet sovranament ħielsa li għandha, tista’ jum wieħed titwessa’ għad-dimensjonijiet li ngħatawlha mill-ġografija u iżjed u iżjed mill-istorja”.1

 

Flimkien ma’ Unjoni Ewropea ikbar, għandna wkoll dinja iktar kumplessa u f’moviment qawwi.  Dinja dejjem b’aktar rabtiet fi ħdanha u fuq livell globali, u għalhekk dejjem inqas “ewroċentrika”.  Imma ma’ din l-Unjoni usa’, iktar influwenti, donnha dejjem qed tintrabat ix-xbieha ta’ Ewropa xi ftit xiħa u fgata, li donnha qed tkun inqas protagonista f’kuntest li spiss iħares lejha b’distakk, diffidenza u xi drabi b’suspett.

 

Jien u nkellem lilkom il-lum, nitlaq mis-sejħa tiegħi ta’ ragħaj, u għalhekk liċ-ċittadini kollha ta’ l-Ewropa nixtieq inwasslilhom messaġġ ta’ tama u ta’ inkuraġġiment.

 

Messaġġ ta’ tama msejjes fuq il-fiduċja li d-diffikultajiet jistgħu jinbidlu fi promuturi b’saħħithom ta’ għaqda, biex nirbħu l-biżgħat kollha li l-Ewropa – flimkien mad-dinja kollha – għaddejja minnhom.  Tama fil-Mulej li jista’ jibdel il-ħażin f’tajjeb u l-mewt f’ħajja.

 

Inkuraġġiment biex nerġgħu lura għall-konvinzjoni soda tal-Missirijiet fundaturi ta’ l-Unjoni Ewropea, li xtaqu futur mibni fuq il-ħila li naħdmu flimkien biex nistgħu negħlbu l-firdiet u nħabirku għall-paċi u l-komunjoni bejn il-popli kollha tal-kontinent.  Fil-qalba ta’ dan il-proġett politiku ambizzjuż kien hemm il-fiduċja fil-bniedem, mhux daqshekk bħala ċittadin, lanqas bħala suġġett ekonomiku, imma fil-bniedem bħala persuna mżejna b’dinjità traxxendenti.

 

Nixtieq qabel xejn nagħfas fuq ir-rabta qawwija li teżisti bejn dawn iż-żewġ kelmiet: “dinjità” u “traxxendenti”.

 

Id-“dinjità” hi kelma-muftieħ li kkaratterizzat il-proċess ta’ fejqan wara t-Tieni Gwerra Dinjija.  L-istorja riċenti tagħna bla dubju ta’ xejn tispikka għax fiċ-ċentru tagħha hemm il-promozzjoni tad-dinjità umana kontra l-bosta forom ta’ vjolenza u diskriminazzjoni, li lanqas fl-Ewropa ma naqsu tul is-sekli.  L-għarfien ta’ l-importanza tad-drittijiet umani joħroġ sewwa sew minn mixja twila, magħmula wkoll minn għadd ta’ tbatijiet u sagrifiċċji, li għenet ħafna biex issawwar l-għarfien ta’ kemm hi prezzjuża, unika u irripetibbli kull persuna umana.  Dan l-għarfien kulturali jsib il-bażi tiegħu mhux biss fil-ġrajjiet ta’ l-istorja, imma fuq kollox fil-ħsieb Ewropew, ikkaratterizzat minn laqgħa għanja, li l-bosta għejun imbiegħda tiegħu ġejjin “mill-Greċja u minn Ruma, minn sottostrati Ċeltiċi, Ġermaniċi u Slavi, u mill-Kristjaneżmu li sawwarhom profondament”,2 biex hekk inħoloq spazju għall-kunċett ta’ “persuna”.

 

Il-lum, il-promozzjoni tad-drittijiet umani tilgħab rwol ċentrali fl-impenn tal-Unjoni Ewropea biex tiffavorixxi d-dinjità tal-persuna, kemm fi ħdanha u kemm fir-relazzjonijiet ma’ pajjiżi oħra.  Dan hu impenn importanti u ta’ min jammirah, għax għad fadlilna wisq sitwazzjonijiet fejn l-essri umani qed jiġu ttrattati bħala oġġetti, li tista’ tipprogrammalhom it-tnissil, il-mod kif jaħdmu u għal xiex jintużaw, u li mbagħad meta ma jibqgħu jgħoddu għal xejn, jistgħu jintremew, għax ikunu saru dgħajfa, morda jew xjuħ.

 

Effettivament x’dinjità tibqa’ meta tonqos il-possibbiltà li wieħed jesprimi ruħu b’mod ħieles jew li jistqarr bla ħabi l-fidi reliġjuża tiegħu?  Liema dinjità hi possibbli mingħajr qafas ġuridiku ċar, li jillimita d-dominju ta’ min hu b’saħħtu u jara li l-liġi tirbaħ fuq it-tirannija tal-poter?  X’dinjità qatt jista’ jkollhom raġel jew mara li jkunu saru oġġett ta’ kull xorta ta’ diskriminazzjoni?  X’dinjità tista’ qatt issib persuna li m’għandhiex l-ikel jew il-minimu essenzjali biex tgħix u, agħar u agħar, li m’għandhiex xogħol li jlibbisha bid-dinjità?

 

Li nippromovu d-dinjità tal-persuna jfisser nagħrfu li hi għandha drittijiet inaljenabbli li ma tistax tiġi mċaħħda minnhom għax hekk irid xi ħadd u wisq inqas minħabba fl-interessi ekonomiċi.

 

Imbagħad jeħtieġ noqogħdu attenti biex ma naqgħu fl-ebda ekwivoku li jista’ jinħoloq jekk nifhmu ħażin il-kunċett tad-drittijiet umani u minħabba fl-abbuż paradossali tagħhom.  Fil-fatt il-lum teżisti t-tendenza li nfittxu dejjem iktar id-drittijiet individwali tagħna – għandi t-tentazzjoni li ngħid individwalistiċi –, u taħtha din taħbi kunċett ta’ persuna umana maqlugħ minn kull kuntest soċjali u antropoloġiku, kważi bħal “monadu” (μονάς), dejjem inqas sensibbli għall-“monadi” l-oħra ta’ madwaru.  Mal-kunċett ta’ dritt jidher li m’għadniex norbtu iżjed dak daqstant ieħor essenzjali u kumplimentari ta’ dmir, u hekk spiċċajna naffermaw id-drittijiet ta’ l-individwu mingħajr ma nżommu f’moħħna li kull bniedem hu marbut ma’ kuntest soċjali, fejn id-drittijiet u d-dmirijiet tiegħu huma marbuta ma’ dawk ta’ l-oħrajn u mal-ġid komuni tas-soċjetà stess.

 

Għalhekk inħoss li hu essenzjali iżjed minn qatt qabel li nniżżlu aktar fil-fond kultura ta’ drittijiet umani li b’mod għaref kapaċi torbot id-dimensjoni individwali, jew, aħjar, personali, ma’ dik tal-ġid komuni, ma’ dak l-“aħna-kollha” magħmul minn individwi, familji u gruppi intermedji li flimkien jingħaqdu f’komunità soċjali.3  Fil-fatt, jekk id-dritt ta’ kull wieħed u waħda m’hux armonikament ordnat lejn il-ġid ikbar, jispiċċa bla limiti ta’ xejn u għalhekk isir għajn ta’ kunflitti u vjolenza.

 

Li nitkellmu dwar id-dinjità traxxendenti tal-bniedem, għalhekk, ifisser infittxu fl-istess natura tiegħu, fil-kapaċità li għandu ġo fih stess li jagħraf bejn it-tajjeb u l-ħażin, dik il-“boxxla” miktuba fuq qlubna u li Alla qiegħed fil-ħolqien;4 fuq kollox ifisser inħarsu lejn il-bniedem mhux bħala assolut, imma bħala essri relazzjonali.  Waħda mill-mardiet li l-lum nara li xterdu l-iżjed fl-Ewropa hi s-solitudni, li tolqot propju lil min hu xott mir-relazzjonijiet.  Nilmħuha l-iżjed fl-anzjani, spiss mitluqa waħidhom għad-destin tagħhom, kif ukoll fiż-żgħażagħ nieqsa minn punti ta’ riferiment u minn opportunitajiet għall-futur; nilmħuha fl-għadd ta’ foqra li jimlew il-bliet tagħna; narawha fl-għajnejn mifxula ta’ l-immigranti li ġew hawn ifittxu futur aħjar.

 

Din is-solitudni mbagħad kibret mal-kriżi ekonomika, li l-effetti tagħha għadhom jinħassu b’konsegwenzi li huma drammatiċi jekk tħares lejhom mill-ottika soċjali.  Rajna kif, matul l-aħħar snin, flimkien mal-proċess ta’ tkabbir ta’ l-Unjoni Ewropea, żdiedet ukoll l-isfiduċja min-naħa taċ-ċittadini fil-konfront ta’ istituzzjonijiet li huma rawhom imbiegħda, impenjati biex jagħmlu regoli li ħafna jqisuhom maqtugħin mis-sensibbiltà ta’ kull wieħed mill-popli, jekk mhux ukoll jagħmlulhom ħsara.  F’bosta bnadi tinħass impressjoni ġenerali ta’ għeja, ta’ xjuħija, ta’ Ewropa nanna u mhux iżjed fertili u vivaċi.  Għalhekk l-ideali għoljin li nebbħu l-Ewropa donnhom tilfu dak l-element li jagħmilhom attraenti, u flokhom daħlu t-tekniċiżmi burokratiċi ta’ l-istituzzjonijiet.

 

Ma’ dan jintrabtu ċerti stili ta’ ħajja xi ftit egoisti, ikkaratterizzati minn għana li issa sar insostenibbli u hu spiss indifferenti għad-dinja ta’ madwaru, fuq kollox quddiem dawk l-iktar foqra.  B’dispjaċir ninnutaw li fil-qalba tad-dibattitu iktar qed jingħataw importanza l-kwistjonijiet tekniċi u ekonomiċi, b’dannu għall-orjentament antropoloġiku awtentiku.5  L-essri uman qed jirriskja li jispiċċa sempliċi ingrangaġġ ta’ mekkaniżmu li jittrattah fuq l-istess livell ta’ prodott tal-konsum biex jiġi użat, hekk li – u dan b’xorti ħażina ninnutawh spiss – meta l-ħajja ma tibqax funzjonali għal dan il-mekkaniżmu, tiġi mormija mingħajr inkwiet ta’ xejn, bħal fil-każ tal-morda, il-morda terminali, l-anzjani abbandunati jew bla ħadd jieħu ħsiebhom, jew it-trabi maqtula qabel jitwieldu.

 

Hu l-ekwivoku l-kbir li jinħoloq “meta tgħolli rasha l-assolutizzazzjoni tat-teknika”,6 li tispiċċa ġġib “konfużjoni bejn l-għanijiet u l-mezzi”.7  Dan hu r-riżultat inevitabbli tal-“kultura ta’ l-iskart” u tal-“konsumiżmu bla rażan”.  Għall-kuntrarju, li naffermaw id-dinjità tal-persuna jfisser nagħrfu kemm hi prezzjuża l-ħajja umana, li ngħatatilna b’xejn u għalhekk ma tistax issir oġġett ta’ skambju jew negozjar.  Intom, fil-vokazzjoni tagħkom ta’ parlamentari, imsejħin ukoll għal missjoni għolja mqar jekk tista’ tidher inutli: li tieħdu ħsieb tad-dgħufija, id-dgħufija tal-popli u tal-persuni.  Li tieħu ħsieb tad-dgħufija jitlob qawwa u ħlewwa, jitlob li tissieltu u tagħtu l-frott, anki jekk il-mudell li qed taħdmu fih hu funzjonalista u privatista, wieħed li jista’ jwassal biss għall-“kultura ta’ l-iskart”.  Li tieħdu ħsieb tad-dgħufija tal-persuni u tal-popli jfisser tħarsu l-memorja u t-tama; ifisser terfgħu r-responsabbiltà tal-preżent, hemm fejn il-bniedem hu l-aktar imwarrab u qed ibati, biex tagħrfu tidilkuh bid-dinjità li jistħoqqlu.8

 

Mela kif nistgħu nagħtu mill-ġdid it-tama lill-futur, biex hekk, ibda mill-ġenerazzjonijiet żgħażagħ, insibu mill-ġdid il-fiduċja biex nirsistu għall-ideal għoli ta’ Ewropa magħquda u fis-sliem, kreattiva u intraprendenti, li tirrispetta d-drittijiet u taf liema huma d-dmirijiet tagħha?

 

Biex inwieġeb għal din il-mistoqsija, ippermettuli ninqeda bi xbieha.  Wieħed mill-affreski ċelebri ta’ Raffaello li hemm fil-Vatikan juri l-hekk imsejħa Skola ta’ Ateni.  Fin-nofs hemm Platun u Aristotli.  L-ewwel wieħed b’sebgħu qed jipponta ’l fuq, lejn id-dinja ta’ l-ideat, nistgħu ngħidu lejn is-sema; it-tieni għandu idu maħruġa quddiemu, lejn min qed iħares lejh, lejn l-art, ir-realtà konkreta.  Jidhirli li din hi xbieha li tiddeskrivi tajjeb l-Ewropa u l-istorja tagħha, magħmula mil-laqgħa kontinwa bejn sema u art, fejn is-sema juri l-ftuħ għat-traxxendent, għal Alla, li dejjem ikkaratterizza lill-bniedem Ewropew, u l-art tirrappreżenta l-ħila prattika u konkreta tiegħu li jaffronta s-sitwazzjonijiet u l-problemi.

 

Il-futur ta’ l-Ewropa jiddipendi fuq kemm għandna l-ħila niskopru mill-ġdid ir-rabta vitali u inseparabbli bejn dawn iż-żewġ elementi.  Ewropa li m’għadhiex kapaċi tinfetaħ għad-dimensjonijiet traxxendentali tal-ħajja hi Ewropa li bil-mod il-mod tirriskja li titlef ruħha u anki dak l-“ispirtu umanistiku” li xorta tħobb u tiddifendi.

 

Meta qed nitkellem fuq din il-ħtieġa ta’ ftuħ għat-traxxendent, nixtieq nafferma ċ-ċentralità tal-persuna umana, li jekk ma tibqax fiċ-ċentru, tispiċċa merħija għal snien il-moda u l-poteri tal-mument.  F’dan is-sens inħoss li hu fundamentali mhux biss il-wirt li l-Kristjaneżmu ħalla fl-imgħoddi lill-formazzjoni soċjokulturali tal-kontinent, imma fuq kollox il-kontribut li jrid jagħti l-lum u fil-futur għat-tkabbir tiegħu.  Dan il-kontribut m’hu ta’ ebda periklu għal-lajċità ta’ l-Istati u għall-awtonomija ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni, imma jagħnihom iżjed.  Dan juruhulna l-istess ideali li sawruha sa mill-bidu, li huma l-paċi, is-sussidjarjetà u l-solidarjetà reċiproka, umaniżmu mibni fuq ir-rispett tad-dinjità tal-persuna.

 

Nixtieq, għalhekk, inġedded id-disponibbiltà tas-Santa Sede u tal-Knisja Kattolika, permezz tal-Kummissjoni tal-Konferenzi Episkopali Ewropej (COMECE), li jibnu djalogu li jħalli l-frott, miftuħ u trasparenti ma’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea.  Daqshekk ieħor jien konvint li Ewropa li tkun kapaċi tgħożż l-għeruq reliġjużi tagħha, u tagħraf tħaddem l-għana u l-potenzjalitajiet tagħhom, tkun tista’ tevita wkoll b’mod iżjed faċli tant estremiżmi li qed jiddominaw id-dinja tal-lum, anki minħabba l-vojt ideoloġiku kbir li qed naraw fl-hekk imsejjaħ Punent, għax “hu sewwa sew it-twarrib permanenti ta’ Alla, u mhux il-glorifikazzjoni tiegħu, li jġib il-vjolenza”.9

 

Hawn ma nistgħux ma niftakrux fl-għadd ta’ inġustizzji u persekuzzjonijiet li ta’ kuljum jolqtu l-minoranzi reliġjużi, u partikularment Insara, f’diversi partijiet tad-dinja.  Komunitajiet u persuni li jsibu ruħhom oġġett ta’ vjolenzi barbariċi: imkeċċija minn djarhom u pajjiżhom; mibjugħa bħala lsiera; maqtula, rashom maqtugħa, imsallba u maħruqa ħajjin, taħt għajnejn is-silenzju tal-mistħija u kompliċi ta’ ħafna.

 

Il-motto ta’ l-Unjoni Ewropea hu Għaqda fid-diversità, imma l-għaqda ma tfissirx uniformità politika, ekonomika, kulturali, jew fil-ħsieb.  Fir-realtà kull għaqda vera tgħix bl-għana tad-diversitajiet li jsawruha: bħal familja, li tkun iżjed magħquda iktar ma kull waħda mill-komponenti tagħha tista’ tkun tassew dak li hi mingħajr biża’.  F’dan is-sens, nemmen li l-Ewropa hi familja ta’ popli, li jistgħu jħossu qrib tagħhom l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni skond kemm b’mod għaref jagħrfu jorbtu flimkien l-ideal ta’ l-għaqda li lejha jimmiraw mad-diversità propja ta’ kull wieħed, u jagħtu valur lit-tradizzjonijiet partikulari; jagħrfu l-istorja tagħha u l-għeruq tagħha; jeħilsu mill-ħafna manipulazzjonijiet u mill-ħafna biżgħat.  Li nqiegħdu lill-persuna umana fiċ-ċentru jfisser qabel xejn li nħalluha turi b’mod ħieles il-wiċċ tagħha u l-kreattività tagħha, kemm fuq livell ta’ individwi u kemm ta’ poplu.

 

Min-naħa l-oħra, il-partikularità ta’ kull wieħed hi tassew għana daqskemm titqiegħed għas-servizz ta’ kulħadd.  Jeħtieġ inżommu dejjem f’moħħna kif inhi l-arkitettura propja ta’ l-Unjoni Ewropea, imsejsa fuq il-prinċipji ta’ solidarjetà u sussidjarjetà, b’mod li jispikkaw l-għajnuna ta’ wieħed lill-ieħor u nistgħu nimxu ’l quddiem, imqanqla minn fiduċja f’xulxin.

 

F’din id-dinamika ta’ għaqda-partikularità, Sinjuri Ewrodeputati, hu wkoll dmir tagħkom li żżommu ħajja d-demokrazija, id-demokrazija tal-popli ta’ l-Ewropa.  Nafu biżżejjed li kunċett wieħed tal-globalità jolqot ħażin il-vitalità tas-sistema demokratika u jdgħajjef il-kuntrast għani, għammiel u kostruttiv li jeżisti bejn l-organizzazzjonijiet u l-partiti politiċi.  Hawn inkunu qed nirriskjaw li ngħixu fis-saltna ta’ l-idea, tal-kelma waħidha, ta’ l-immaġni, tas-sofiżmu… u li nispiċċaw nifxlu r-realtà tad-demokrazija ma’ nominaliżmu politiku ġdid.  Biex inżommu ħajja d-demokrazija fl-Ewropa rridu nevitaw tant “modi globalizzanti” li jxejnu r-realtà: il-puriżmi anġeliċi, it-totalitariżmi tar-relattiv, il-fundamentaliżmi astoriċi, l-etiċiżimi bla ebda tjieba, l-intellettwaliżmi bla għerf.10

 

Li nżommu ħajja r-realtà tad-demokrazija hi sfida f’dan il-mument storiku, biex nistgħu nevitaw li l-qawwa vera tagħhom – qawwa politika espressiva tal-popli – tiġi fix-xejn quddiem il-pressjoni ta’ interessi multinazzjonali mhux universali, li jdgħajfuha u jibdluha f’sistemi uniformanti ta’ poter finanzjarju għas-servizz ta’ imperi moħbija.  Din hi sfida li l-istorja qed tqiegħed quddiemkom il-lum.

 

Nagħtu tama lill-Ewropa ma jfissirx biss nagħrfu ċ-ċentralità tal-persuna umana, imma jimplika wkoll li nippromovu t-talenti tagħha.  Għalhekk ifisser li ninvestu fiha u fl-ambjenti li fih it-talenti tagħha jiffurmaw ruħhom u jġibu l-frott.  L-ewwel qasam bla dubju ta’ xejn hu dak ta’ l-edukazzjoni, ibda mill-familja, ċellola fundamentali u element prezzjuż ta’ kull soċjetà.  Il-familja magħquda, fertili u indissolubbli ġġib magħha elementi fundamentali biex tagħti tama lill-futur.  Mingħajr din is-solidità nispiċċaw nibnu fuq ir-ramel, b’konsegwenzi soċjali gravi.  Min-naħa l-oħra, meta nagħfsu fuq l-importanza tal-familji mhux biss inkunu ngħinu biex nagħtu perspettivi u tamiet lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda, imma anki lil għadd ta’ anzjani, li spiss ikollhom jgħixu f’kundizzjonijiet ta’ solitudni u ta’ telqa għax m’għadx hemm is-sħana ta’ dik il-qalb domestika li tista’ takkumpanjahom u tweżinhom.

 

Flimkien mal-familji hemm l-istituzzjonijiet edukattivi: skejjel u universitajiet.  L-edukazzjoni ma tistax tieqaf biss ma’ li tforni ġabra ta’ tagħrif tekniku, imma għandha tiffavorixxi l-aktar proċess mirqum ta’ maturità tal-persuna umana fis-sħuħija tagħha.  Iż-żgħażagħ tal-lum qed jitolbu li jingħataw formazzjoni xierqa u sħiħa biex iħarsu lejn il-futur b’tama, pjuttost milli bi qtigħ il-qalb.  Imbagħad ħafna huma l-potenzjalitajiet kreattivi ta’ l-Ewropa f’bosta oqsma tar-riċerka xjentifika, li xi wħud minnhom għadhom ma ġewx esplorati għal kollox.  Biżżejjed naħsbu, ngħidu aħna, fis-sorsi alternattivi ta’ enerġija, li l-iżvilupp tagħhom żgur li jferraħ ħafna minn dawk li jaħdmu għall-ħarsien ta’ l-ambjent.

 

L-Ewropa dejjem kienet minn ta’ quddiem fl-impenn tagħha b’riżq l-ekoloġija, li hu ta’ min ifaħħru.  Din l-art tagħna fil-fatt għad għandha bżonn ta’ għożża u attenzjoni u kull persuna għandha responsabbiltà personali li tieħu ħsieb il-ħolqien, don prezzjuż li Alla qiegħed f’idejn il-bnedmin.  Dan minn naħa jfisser li n-natura qiegħda għad-dispożizzjoni tagħna, nistgħu ngawduha u nagħmlu użu tajjeb minnha; min-naħa l-oħra imma jfisser li aħna m’aħniex sidienha.  Ħarriesa, imma mhux sidien.  Għalhekk jeħtieġ inħobbuha u nirrispettawha, waqt li “aħna spiss inħallu tmexxina s-suppervja li għandna biex niddominaw, nippossiedu, nimmanipulaw, nisfruttaw; ma ‘nħarsuhx’, na nirrispettawhx, ma nqisuhx bħala don li ngħatalna b’xejn u li għandna nieħdu ħsiebu”.11  Imma li nirrispettaw l-ambjent ma jfissirx sempliċiment li nillimitaw ruħna għal li nevitaw li nagħmlulu l-ħsara, imma wkoll li nużawh għall-ġid.  Jiġini f’moħħi fuq kollox il-qasam agrikolu, li xogħlu hu jwieżen u jitma’ lill-bniedem.  Ma nistgħux nittolleraw li miljuni ta’ persuni fid-dinja jmutu bil-ġuħ, meta tunnellati ta’ prodotti ta’ ikel qed jintremew ta’ kuljum minn fuq l-imwejjed tagħna.  Barra dan, ir-rispett lejn in-natura jfakkarna li l-bniedem innifsu hu parti fundamentali minnha.  Flimkien ma’ ekoloġija ambjentali, għalhekk, neħtieġu ekoloġija umana, magħmula mir-rispett tal-persuna, li l-lum xtaqt infakkar jiena u nkellimkom.

 

It-tieni qasam li fih iwarrdu t-talenti tal-persuna umana hu x-xogħol.  Wasal iż-żmien li naħdmu favur politika ta’ l-impjiegi, imma fuq kollox hemm bżonn nagħtu lura d-dinjità tax-xogħol, billi niggarantixxu wkoll kundizzjonijiet xierqa biex dan jista’ jsir.  Dan minn naħa jimplika li nsibu modi ġodda kif inpoġġu ma’ xulxin il-flessibbiltà tas-suq u l-ħtieġa ta’ stabbiltà u ċertezza tal-perspettivi tax-xogħol, indispensabbli għall-iżvilupp uman tal-ħaddiema; min-naħa l-oħra, ifisser niffavorixxu kuntest soċjali xieraq, li ma jfittixx l-isfruttament tal-persuni, imma jiggarantixxi, permezz tax-xogħol, il-possibbiltà li jibnu familja u jedukaw lill-ulied.

 

Bl-istess mod, hemm bżonn naffrontaw flimkien il-kwistjoni ta’ l-immigrazzjoni.  Ma nistgħux inħallu l-Baħar Mediterran isir ċimiterju kbir!  Fuq id-dgħajjes li ta’ kuljum jaslu fuq il-kosti Ewropej hemm irġiel u nisa li għandhom bżonn ta’ min jilqagħhom u jgħinhom.  In-nuqqas ta’ sostenn reċiproku fi ħdan l-Unjoni Ewropea qed jirriskja li jinċentiva soluzzjonijiet partikularistiċi għall-problema, li ftit jagħtu kas tad-dinjità umana ta’ l-immigranti, u jiffavorixxu x-xogħol ta’ skjavitù u tensjonijiet soċjali kontinwi.  L-Ewropa tista’ tkun kapaċi taffaċċja l-problematiċi marbuta ma’ l-immigrazzjoni jekk tagħraf tipproponi b’ċarezza l-identità kulturali tagħha u tgħaddi liġijiet xierqa li fl-istess ħin iħarsu d-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej u jiggarantixxu li l-immigranti jiġu milqugħa; jekk tagħraf tadotta l-politika t-tajba, kuraġġjuża u konkreta li tgħin lill-pajjiżi minn fejn ġejjin fl-iżvilupp soċjo-politiku u biex jingħelbu l-kunflitti interni – kawża prinċipali ta’ dan il-fenomenu – flok politika ta’ interess li żżid u tkabbar dawn il-kunflitti.  Jeħtieġ naġixxu fuq il-kawżi u mhux biss fuq l-effetti.

 

Sur President, Eċċellenzi, Sinjuri Deputati,

 

L-għarfien ta’ l-identità tagħna hu meħtieġ anki biex nistgħu niddjalogaw u noffru proposti lill-Istati li talbu biex ’il quddiem jissieħbu fl-Unjoni.  Qed jiġuni f’moħħi fuq kollox dawk tar-reġjun tal-Balkani li għalihom is-sħubija fl-Unjoni Ewropea tista’ twieġeb għall-ideal tal-paċi f’reġjun li bata ħafna minħabba fil-kunflitti ta’ l-imgħoddi.  Fl-aħħar nett, l-għarfien ta’ l-identità tagħna hi indispensabbli fir-relazzjonijiet ma’ pajjiżi oħra ġirien, partikularment ma’ dawk li jmissu mal-Mediterran, li ħafna minnhom qed ibatu minħabba fil-kunflitti interni u l-pressjoni tal-fundamentaliżmu reliġjuż u tat-terroriżmu internazzjonali.

 

Tagħkom il-leġislaturi hu d-dmir li tħarsu u tkabbru l-identità Ewropea, biex iċ-ċittadini jiksbu mill-ġdid fiduċja fl-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni u fil-proġett ta’ paċi u ħbiberija li hu l-bażi tagħha. Nafu li “aktar ma tikber il-qawwa tal-bnedmin, aktar tikber u tinfirex ir-responsabbilità tagħhom, wieħed wieħed u lkoll flimkien”,12 u għalhekk insejħilkom tirsistu biex l-Ewropa tiskopri mill-ġdid ir-ruħ tajba tagħha.

 

Awtur anonimu tat-tieni seklu kiteb li “l-Insara jirrappreżentaw fid-dinja dak li r-ruħ hi għall-ġisem”.13  Xogħol ir-ruħ hu dak li żżomm ħaj il-ġisem, li tkun il-kuxjenza u l-memorja storika tiegħu.  U hi storja bimillenarja li torbot l-Ewropa u l-Kristjaneżmu flimkien.  Storja li m’hix nieqsa mill-kunflitti u l-iżbalji, lanqas mid-dnubiet, imma dejjem xprunata mix-xewqa li tibni għat-tajjeb.  Dan narawh fil-ġmiel tal-bliet tagħna, u iżjed minn hekk f’dak ta’ l-għadd ta’ opri komuni ta’ karità u ta’ binja umana li jixegħlu bħal kwiekeb lil dan il-kontinent.  Din l-istorja, fil-parti l-kbira tagħha, għadha trid tinkiteb.  Hi l-preżent tagħna u anki l-futur tagħna.  Hi l-identità tagħna.  U l-Ewropa għandha bżonn qawwi li tiskopri mill-ġdid il-wiċċ tagħha biex tista’ tikber, skond l-ispirtu tal-Missirijiet fundaturi tagħha, fil-paċi u fil-ftehim, għax lanqas hi stess m’hi nieqsa mill-kunflitti.

 

Għeżież Deputati Ewropej, waslet is-siegħa li nibnu flimkien Ewropa li ma ddurx ma’ l-ekonomija, imma madwar il-qdusija tal-persuna umana, tal-valuri inaljenabbli; l-Ewropa li tħaddan bil-kuraġġ il-passat tagħha u tħares b’fiduċja lejn il-futur biex tgħix b’mod sħiħ u bit-tama l-preżent tagħha.  Wasal il-mument li nwarrbu l-idea ta’ Ewropa mbeżżgħa u magħluqa fiha nfisha, biex nirxuxtaw u nippromovu l-Ewropa protagonista, ħabbâra tax-xjenzi, ta’ l-arti, tal-mużika, tal-valuri umani u anki tal-fidi.  L-Ewropa li tikkontempla s-Sema u tiġri wara l-ideali; l-Ewropa li tħares u tiddefendi u tieħu ħsieb il-bniedem; l-Ewropa li timxi fi triq żgura u soda, punt ta’ riferiment prezzjuż għall-umanità kollha!

 

Grazzi.

 


1 Ġwanni Pawlu II, Diskors lill-Parlament Ewropew, 11 ta’ Ottubru 1988, nru 5.

2 Ġwanni Pawlu II, Diskors lill-Assemblea Plenarja tal-Kunsill ta’ l-Ewropa, 8 ta’ Ottubru 1988.

3 Ara Benedittu XVI, Caritas in veritate, 7; Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 26.

4 Ara Kompendju tad-Duttrina Soċjali tal-Knisja, 37.

5 Ara Evangelii gaudium, 55.

6 Benedittu XVI, Caritas in veritate, 71.

7 Ibid.

8 Ara Evangelii gaudium, 209.

9 Benedittu XVI, Diskors lill-Membri tal-Korp Diplomatiku, 7 ta’ Jannar 2013.

10 Ara Evangelii gaudium, 231.

11 Franġisku, Udjenza Ġenerali, 5 ta’ Ġunju 2013.

12 Gaudium et spes, 34.

13 Ara Ittra lil Diognetu, 6.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard