Sur Segretarju Ġenerali, Sinjura President,
E
ċċellenzi, Sinjuri,

Inħossni ferħan li nista’ nitkellem quddiem din il-miġemgħa li fiha hawn miġbura rappreżentanza kbira tal-assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, ir-rappreżentanti tal-pajjiżi membri, l-imħallfin tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll l-istituzzjonijiet varji li jiffurmaw il-Kunsill tal-Ewropa.  Fil-fatt, kważi l-Ewropa kollha hi preżenti f’din is-sala bl-espressjojnijiet kulturali u reliġjużi li jiffurmaw ir-rikkezza ta’ dan il-kontinent.  Jien grat partikolarment lejn is-Sur Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, is-Sur Thorbjørn Jagland, għall-korteżija tal-istedina tiegħu u għall-kliem ġentili li laqgħani bih.  Insellem ukoll lis-Sinjura Anne Brasseur, Presidenta tal-Assemblea Parlamentari.  Nirringrazzja mill-qalb lil kulħadd għall-impenn tagħkom u għall-kontribut li tagħtu lill-paċi fl-Ewropa bit-tisħiħ tad-demokrazija, tad-drittijiet umani u tal-istat tad-dritt.

L-għan tal-Missirijiet Fundaturi kien li il-Kunsill tal-Ewropa, li dis-sena qed jiċċelebra l-65 annivdersarju, jkun tweġiba ideali għall-għaqda li, ħafna drabi, sa mil-antikità, kienet tanima l-kontinent.  Madankollu, matul is-sekli, spiss ħarġu minn fuq l-imbuttaturi partikolaristi karatteristiżżati minn serje ta’ ideali eġemonisti..  Biżżejjed niftakru li għaxar snin qabel dak il-5 ta’ Mejju 1949, il-jum li fih kien ġie ffirmat it-Trattat ta’ Londra li waqqaf il-Kunsill tal-Ewropa, kien beda l-aktar kunflitt krudili u mdemmi li qatt raw dawn il-pajjiżi, li ħolqu firdiet li baqgħu għaddejjin snin twal wara meta l-purtiera tal-ħadid kienet taqsam il-kontinent fi tnejn mill-Baħar Baltiku sal-Golf ta’ Trieste.  Il-proġett tal-Missirijiet Fundaturi kien li jerġgħu jibnu l-Ewropa fi spirtu ta-servizz reċiproku li anki llum, f’dinja li aktar moħħha biex tiddomina milli biex isservi, għandu jkun il-muftiħ tal-missjoni tal-Kunsill tal-Ewropa favur il-paċi, il-libertà u d-dinjità umana.

Min-naħa l-oħra t-triq privileġġjata lejn il-paċi – biex ikun evitat li jerġa’ jiġri dak li ġara fiż-żewġ gwerrer dinjin tas-seklu li għadda – hi li fl-ieħor aħna nagħrfu mhux għadu li rridu niġġildulu imma ħuna li rridu ntuh merħba.  Dan hu proċess kontinwu li qatt ma nistgħu ngħidu li lħaqna l-milja tiegħu għal kollox.  Din kienet propju l-intuwizzjoni tal-Missirijiet Fundaturi li fehmu li l-paċi hija ġid li rridu nirbħu bil-ħidma li ma taqtax u li jitlob minna attenzjoni assoluta.  Huma kienu jagħrfu li l-gwerrer isiru bil-ħsieb li wieħed jakkwista l-ispazju, jikkristalliżża l-proċessi jew bil-ħsieb li jitwaqqfu; għall-kuntrarju il-Missirijiet Fundaturi kienu qed ifittxu l-paċi li tista’ tinkiseb biss b’atteġġjament li l-proċessi li jinbdew, jibqgħu mexjin ‘il quddiem.

B’hekk huma kienu qed jaffermaw ir-rieda ta’ mixja li timmatura maż-żmien, għax hu propju ż-żmien li jiggverna l-ispazji, idawwalhom, jibdilhom f’katina ta’ tkabbir kontinwu mingħajr ma wieħed iħares lura.  Għalhekk il-kostruzzjoni tal-paċi titlob li wieħed jipprivileġġja dawk l-azzjonijiet li jiġġeneraw dinamiżmi ġodda fis-soċjetà li jinvolvu persuni u gruppi oħra li jibqgħu jiżviluppawhom sakemm jagħtu l-frott b’avvenimenti storiċi importanti (1).

Din kienet ir-raġuni għaliex huma waqqfu dan l-organiżmu stabbli.  Ftit snin wara, il-Beatu Pawlu VI fakkar «li l-istituzzjonijiet infushom, li fl-ordni ġuridiku u fil-kunċett internazzjonali għandhom il-funzjoni u l-mertu li jipproklamaw u jħarsu l-paċi, jilħu l-iskop prudenti tagħhom jekk huma jibqgħu jaħdmu bla heda, jekk jagħrfu jiġġeneraw il-paċi f’kull mument, jekk jafu jagħmlu l-paċi» (2).  Meħtieġa mixja kostanti ta’ umaniżżazzjoni li jifisser «li mhux biżżejjed li jitrażżnu l-gwerrer, li nwaqqfu t-taqbid għal xi żmien (.....) mhix biżżejjed paċi imposta, paċi ta’ utilità, proviżorja: hemm bżonn ta’ paċi fl-imħabba, libera, fraterna, jiġifieri mibnija fuq ir-rikonċiljazzjoni tal-qlub» (3).  Dan ifisser li nimbarkaw fuq il-proċessi mingħajr ansjetà imma ċertament bil-konvinzjonijiet ċari u bit-tenaċja.

Biex nirbħu l-paċi, li hi ġid, jeħtieġ qabelxejn nedukaw għaliha, inwarrbu l-kultura tal-kunflitt li jitnissel mill-biża’ tal-ieħor, l-emarġinazzjoni ta’ min jaħseb jew jgħix b’mod differenti.  Hu minnu li l-kunflitt ma nistgħux ninjorawh jew naħbuh, iridu naċċettawh.  Imma jekk nibqgħu imblukkati fih nitilfu l-perspettiva, ix-xefaq ikun limitat u l-istess realtà tibqa’ frammentarja.  Meta aħna neħlu f’sitwazzjoni ta’ kunflitt nitilfu s-sens tal-unità profonda tar-realtà (4), inwaqqfu l-mixja tal-istorja u naqgħu fis-sogħba interjuri ta’ kontradizzjonijiet sterili.

Sfortunatament il-paċi spiss għadha miġruħa.  Hekk hi f’tant inħawi tad-dinja li jinsabu f’dagħdigħa ta’ kunflitti ta’ kull tip.  Dan insibuh fl-Ewropa wkoll, fejn għad hemm it-tensjonijiet.  Kemm niket u kemm mejta għadna naraw f’dan il-kontinent, li jaspira għall-paċi, imma faċilment iċedi għat-tentazzjonijiet ta’ żmien ilu!  Għalhekk il-ħidma tal-Kunsill tal-Ewropa li jfittex soluzzjoni politika għall-kriżi li għaddejja, hija importanti u inkoraġġjanti.

Imma l-paċi hi mhedda wkoll b’għamliet oħra ta’ kunflitt bħalma huma t-terroriżmu reliġjuż u internazzjonali, li jiddisprezza profondament il-ħajja umana u jaħsad bla diskriminazzjoni ħajjiet umani innoċenti.  Dal-fenomenu, sfortunatament, hu mantnut mit-traffikar tal-armi li spiss isir mingħajr tfixkil ta’ xejn.  Il-Knisja tqis li «l-ġirja għall-armamenti hija waħda mill-ġrieħi l-aktar gravi tal-umanità u tagħmel ħsara intollerabbli lill-foqra» (5).  It-traffikar tal-persuni wkoll jipprofana l-paċi.  Din hija l-iskjavitù ta’ żmienna li tittrasforma lill-persuni f’oġġetti ta’ merkanzija u tneżża’ lill-vittmi minn kull dinjità.  Mhux rari li ninnutaw kif dawn il-fenomeni huma marbutin bejniethom.  Permezz tal-Kumitati u l-Gruppi ta’ esperti tiegħu, il-Kunsill tal-Ewropa għandu rwol importanti u sinifikattiv fil-ġlieda kontra dawn l-għamliet ta’ diżumanità.

Madankollu, il-paċi ma tfissirx biss in-nuqqas tal-gwerrer, kunflitti, tensjonijiet.  Fil-viżjoni Kristjana, il-paċi hi fl-istess ħin rigal ta’ Alla u frott l-azzjoni ħielsa u razzjonali tal-bniedem li għandu ħila jfittex il-ġid komuni fil-verità u fl-imħabba.  «dan l-ordni razzjonali u morali jistrieħ preċiżament fuq id-deċiżjoni kuxjenzjuża tal-bnedmin li jfittxu l-armonija fir-relazzjonijiet reċiproċi b’rispett lejn il-ġustizzja għal kulħadd» (6).

Allura kif se nimmiraw li niksbu dan l-għan ambizzjuż tal-paċi?

It-triq li għażel il-Kunsill tal-Ewropa hi qabelxejn dik li jippromwovi d-drittijiet umani, li magħhom jintrabat l-iżvilupp tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt.  Hi biċċa xogħol prezzjuża miżgħuda b’implikazzjonijiet etiċi u soċjali, għax l-iżvilupp tas-soċjetajiet tagħna, il-konvivenza paċifika bejniethom u l-futur tagħhom jiddependu mill-fehim rett ta’ dawn it-termini u minn riflessjoni kostanti dwarhom.  Dan l-istudju hu waħda mill-kontribuzzjonijiet kbar li l-Ewropa tat u għadha tagħti lid-dinja kollha.

F’din is-sede għalhekk, inħoss id-dmir li niġbed l-attenzjoni dwar l-importanza tal-kontribut u r-reponsabbiltà li l-Ewropej għandhom lejn l-iżvilupp kulturali tal-umanità.  Irrid nibda b’tixbiha li nislet minn poeżija ta’ poeta Taljan tas-seklu li għadda, Clemente Rebora, li f’waħda mill-liriċi tiegħu jiddeskrivi siġra tal-luq bil-friegħi tagħha mifruxin lejn is-sema jixxengllu mar-riħ, biz-zokk solidu u ma jitħarrikx u l-għeruq fondi li jgħoddsu ‘l isfel fl-art (7).  F’ċertu sens nistgħu naraw l-Ewropa fid-dawl ta’ din it-tixbiha.

Mal-mixja tal-istorja tagħha, l-Ewropa dejjem ħarset ‘il fuq, lejn miri ġodda u ambizzjużi, mqanqla minn xewqa bla temma ta’ għarfien akbar, żvilupp, progress, paċi u għaqda.  Imma l-ħsieb, il-kultura, l-iskoperti xjentifiċi possibbli li jitilgħu ‘l fuq biss, jekk iz-zokk u l-fond tal-għeruq ikunu qed imantnuhom.  Jekk l-għeruq jintilfu, iz-zokk jiżvojta bil-mod il-mod u l-friegħi – li darba kienu jwarrdu u dritti – jintlewew lejn l-art u jaqgħu.  Hawn forsi naraw wieħed mill-paradossi li mentalità xjentifika iżolata ma tistax tifhem: biex nimxu lejn il-futur għandna bżonn il-passat, neħtieġu għeruq fondi u neħtieġu wkoll il-kuraġġ li ma ninħbewx wara l-preżent u l-isfidi li joffrilna.  Għandna bżonn il-memorja, il-kuraġġ, utopija f’saħħitha u umana.

Min-naħa l-oħra – josserva Rebora - «iz-zokk jgħodos ‘l isfel fejn hu l-aktar b’saħħtu»(8).  L-għeruq jixorbu l-verità li hi l-ikel tagħhom, il-limfa vitali ta’ kull  soċjetà li trid tkun verament ħielsa, umana u solidali.  Min-naħa l-oħra l-verità ssejjaħ lill-kuxjenza, li ma ċċedix quddiem il-kundizzjonamenti biex ikollha ħila tagħraf id-dinjità propja tagħha u tinfetaħ għall-assolut.  B’hekk issir għajn ta’ għażliet fundmentali mmexxijin mit-tfittxija għall-ġid tal-oħrajn u tagħha nfisha u tkun ukoll imkien ta’ libertà responsabbli (9).

Jeħtieġ imbagħad niftakru li mingħajr din it-tfittxija għall-verità, kulħadd isir qies tiegħu innifsu u ta’ kif iġib ruħu.  B’hekk tinfetaħ it-triq lejn l-affermazzjoni soġġettiva tad-drittijiet, tant li l-kunċett tad-dritt uman, li minnu nnifsu għandu valur universali, jinbidel f’idea ta’ dritt individwalista.  Dan iwassl biex fis-sustanza ninjoraw lill-oħrajn u niffavorixxu l-globaliżżazzjoni tal-indifferenza li tinbet mill-egoiżmu, frott tal-kunċett tal-bniedem li m’għandux ħila li jilqa’ l-verità u li jgħix dimensjoni soċjali awtentika.

Din il-kwalità ta’ individwaliżmu tirrendina umanament foqra u sterili għax fil-fatt tkun qed tqaċċat l-għeruq fondi li fuqhom tistrieħ is-siġra.  Mill-individwaliżmu indifferenti jinbet il-kult tal-għana esibizzjonista, li magħha hemm marbuta l-kultura tal-iskart li bħalissa aħna mgħaddsin fiha.  Fil-fatt għandna wisq affarijiet, li spiss mhumiex utli, imma m’għadx għandna l-ħila  li nibnu relazzjonijiet umani mfasslin fuq il-verità u r-rispett reċiproku.  B’hekk illum għandna quddiem għajnejna x-xbieha ta’ Ewropa miġruħa minħabba l-ħafna provi tal-passat, imma wkoll minħabba l-kriżi tal-preżent, li tidher li m’għadx għandha ħila taffrontahom bl-istess enerġija u vitalità ta’ darba.  Ewropa ftit jew wisq għajjiena, pessimista, li tħossha assedjata u maqbuda fil-morsa tan-novitajiet li qed jaslulha minn kontinenti oħra.

Lill-Ewropa nistgħu nistaqsuha: fejn hi l-ħeġġa tiegħek?  Fejn hi dik it-tensjoni ideali li tatek il-ħajja u għamlitek kbira fl-istorja?  Fejn hu l-ispirtu ta’ intraprendenza mimlija kurżità tiegħek?  Fejn hu l-għatx għall-verità tiegħek, li s’issa tajt lid-dinja b’tant passjoni?  Il-futur tal-kontinent jiddependi mit-tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet.  Min-naħa l-oħra – biex nerġgħu lura għat-tixbiha ta’ Remora – zokk mingħajr għeruq jista’ jibqa’ jkollu apparenza vitali imma minn ġewwa jiżvojta u jmut.  L-Ewropa trid tirrifletti dwar jekk il-patrimonju immens uman, artistiku, tekniku, soċjali, politiku, ekonomiku u reliġjuż hux sempliċiment wirt tal-passat jew jekk għadux kapaċi jispira l-kultura u jiftaħ it-teżori tiegħu għall-umanità kollha.  Fit-tweġiba għal din il-mistoqsija l-Kunsill tal-Ewropa bl-istituzzjonijiet tiegħu għandu rwol ta’ importanza primarja.

Qed naħseb partikolarment fir-rwol tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li b’xi mod, hija l-kuxjenza tal-Ewropa rigward id-drittijiet umani.  L-awgurju tiegħi hu li din il-kuxjenza tibqa’ timmatura dejjem, mhux b’sempliċi kunsens bejn il-partijiet, imma frott il-ġibda lejn dawk l-għeruq profondi li jiffurmaw il-pedamenti li fuqhom għażlu li jibnu l-Missirijiet Fundaturi tal-Ewropa kontemporanja.

Flimkien mal-għeruq – li jeħtieġ li nfittxuhom u nżommuhom ħajjin bl-eżerċizzju tal-memorja dejjiema, għax huma l-patrimonju ġenetiku tal-Ewropa – hemm l-isfidi attwali tal-kontinent li jobbligawna li jkollna kreattività ma taqta xejn, ħalli dawn l-għeruq ikunu għammiela u jippjanaw l-utopiji tal-futur.  Nieħu l-okkażjoni biex insemmi tnejn: l-isfida tal-“multipolarità” u l-isfida tat-“trasversalità”

B’mod inġenwu, l-istorja tal-Ewropa tista’ ġġiegħlna nikkonċepuha bħala “bipolarità” jew l-aktar “tripolarità” (niftakru fil-kunċett antik: Ruma – Biżanzju – Moska), u f’din l-iskema, frott ta’ riduzzjoniżmi ġeopolitiċi eġemoniċi, ninterpretaw il-preżent u nipproġettaw l-utopiji tal-futur f’dan id-dawl.

Illum l-affarijiet m’għadhomx l-istess u għalhekk nistgħu nitkellmu leġittimament dwar Ewropa “multipolari”.  Bejn il-poli varji, kulturali, reliġjużi u politiċi jeżistu t-tensjonijiet – kemm dawk li jibnu kif ukoll dawk li jifirdu.  L-Ewropa llum qed taffronta b’mod oriġinali l-isfida tal-“globaliżżazzjoni” ta’ din il-multipolarità.  Mhux neċessarju li l-kulturi jidentifikaw ruħhom mal-Pajjiżi: uħud minnhom iħaddnu kulturi differenti, filwaqt li kulturi oħrajn issibhom f’Pajjiżi differenti.  L-istess jiġri fl-espressjonijiet tal-politika, reliġjużi u assoċjattivi.

Nigglobaliżżaw b’mod oriġinali – nisħaq fuha din: b’mod oriġinali – il-multipolarità mhix ħlief sfida għal armonija kostruttiva, ħielsa mill-eġemoniji li, minkejja li prammatikament jidhru li qed iħaffu t-triq, jispiċċaw biex jeqirdu l-oriġinalità kulturali u reliġjuża tal-popli.

Meta nitkellmu dwar il-multipolarità Ewropea nifhmu li qed nitkellmu dwar popli li qed jitwieldu u jipprojettaw ruħhom lejn il-futur.  Ix-xogħol li nigglobaliżżaw il-multipolarità tal-Ewropa ma nistgħux nimmaġinawh f’għamla sferika – li fiha kollox hu ugwali u ordnat, imma li jirriżulta riduttiv għax kull punt huwa bogħod indaqs l-istess miċ-ċentru -, imma pjuttost bħala priżma fejn l-unità armonika tal-ħaġa sħiħa tikkonserva l-partikolarità ta’ kull waħda mill-partijiet.  Illum l-Ewropa hija multipolari fir-relazzjonijiet u t-tensjonijiet tagħha: ma nistgħux nimmaġinaw jew nibnu Ewropa mingħajr l-inkarigu sħiħ ta’ din il-multipolarità

L-isfida l-oħra li rrid insemmi hi t-trasversalità.  Nibda minn esperjenza personali: fil-laqgħat mal-politiċi ta’ pajjiżi differenti tal-Ewropa innutajt li l-politiċi żgħażagħ jaffrontaw ir-realtà minn perspettiva differenti minn dik tal-kollegi tagħhom akbar minnhom.  Forsi jgħidu affarijiet li fid-dieher huma l-istess, imma jarawhom minn lentijiet differenti.  Il-kliem huwa l-istess, imma l-mużika differenti.  Dan isir mill-politiċi żgħażagħ tal-partiti kollha.  Din l-osservazzjoni empirika turi realtà tal-Ewropa moderna li ma nistgħux ngħaddu mingħajrha fil-mixja lejn il-konsolidament kontinentali u l-projezzjoni tiegħu lejn il-futur: irridu nżommu quddiem għajnejna din it-trasversalità li tidher fl-oqsma kollha. Dan ma jistax isir mingħajr ma nirrikorru għad-djalogu, anki inter-ġenerazzjonali.  Jekk illum irridu niddefinixxu l-kontinent, irridu nitkellmu dwar Ewropa djaloganti li fiha t-trasversalità tal-opinjonijiet tkun ta’ servizz għall-popli magħqudin f’armonija.

Li nieħdu fuq spallejna din il-mixja ta’ komunikazzjoni trasversali jfisser mhux biss empatija ġenerazzjonali imma metodoloġija storika ta’ tkabbir.  Fid-dinja politika Ewropea attwali jidher li d-djalogu li jsir esklussivament fi ħdan l-organiżmi (politiċi, reliġjużi, kulturali) li wieħed ikun jifforma parti minnhom, huwa sterili.  Illum l-istorja titlob il-ħila li wieħed joħroġ mill-istrutturi li fihom isib l-identità tiegħu biex “jiltaqa’” ħalli l-identità tiegħu tissaħħaħ u ssir aktar għammiela permezz tal-konfront fratern tat-trasversalità.  Ewropa li tiddjaloga biss fi ħdan il-gruppi ta’ appartenenza tibqa’ nofs triq; hemm bżonn tal-ispirtu żgħażugħ li jaċċetta l-isfida tat-trasversalità.

Fid-dawl ta’ dan li qed ngħid nilqa’ bil-ferħ ir-rieda tal-Kunsill tal-Ewropa li jinvesti fid-djalogu inter-kulturali, inkluż id-dimensjoni reliġjuża, permezz tal-“Laqgħat dwar id-Dimensjoni Reliġjuża tad-Djalogu Inter-Kulturali”.  Din hija okkażjoni profikwa għal bdil miftuħ, rispettuż, li jagħni lill-persuni ġejjin minn gruppi ta’ oriġini differenti, ta’ tradizzjoni etnika, lingwistika u reliġjuża, fi spirtu ta’ fehim u rispett reċiproku.  Dawn il-laqgħat jidhru partikolarment importanti fl-isfond tal-ambjent multikulturali u multipolari attwali, fit-tfittxija tal-identità propja ffurmata matul is-sekli biex b’għaqal tikkonjuga ruħha ma’ dak li qed jintalab minn popli oħra li issa qed jitfaċċaw fil-kontinent.

Il-kontribut li l-Kristjaneżimu jista jagħti llum lill-iżvilupp kulturali u soċjali Ewropew fil-qafas ta’ relazzjoni korretta bejn ir-reliġjon u s-soċjetà, għandu jiftiehem f’din il-loġika.  Fil-viżjoni Kristjana, ir-raġuni u l-fidi, ir-reliġjon us-soċjetà huma msejħin biex idawlu lil xulxin reċiprokament, billi jsostnu lil xulxin u, jekk ikun meħtieġ, jippurifikaw lil xulxin mill-estremiżmi ideoloġiċi li jistgħu jaqgħu fihom.  Is-soċjetà Ewropea kollha kemm hi ma tistax ħlief tiggwadanja minn rabta mġedda bejn dawn iż-żewġ sferi, kemm biex taffronta l-fundamentaliżmu reliġjuż, li fuq kollox huwa għadu ta’ Alla, kif ukoll biex tkun imwarrba “raġuni” riduttiva li ma tagħmilx ġieħ lill-bniedem.

Jiena konvint li t-temi li jistgħu jkunu ta’ arrikkiment reċiproku, li fihom il-Knisja Kattolika – partikolarment permezz tal-Konferenzi Episkopali Ewropej (CCEE) – tista’ tikkollabora mal-Kunsill tal-Ewropa u tagħti kontribut fundamentali, huma ħafna u attwali.  Qabel xejn, fid-dawl ta’ dak li għidt ftit ilu, hemm l-isfera tar-riflessjoni etika dwar id-drittijiet umani, li fuqhom l-organiżżazzjoni tagħkom spiss tkun mitluba tirrfletti.  Qed naħseb b’mod partikolari fit-temi marbutin mal-ħarsien tal-ħajja umana, kwistjonijiet delikati li jeħtieġ ikunu eżaminati bl-attenzjoni u jagħtu każ tal-verità tal-bniedem sħiħ mingħajr ma jillimitaw ruħhom għal konfini mediċi, xjentifiċi u ġuridiċi speċifiċi.

Bl-istess mod hemm ħafna sfidi fid-dinja kontemporanja li jeħtieġu studju u impenn komuni, ibda mill-akkoljenza tal-migranti, li qabel kollox, għandhom bżonn ta’ dak li hu essenzjali biex jgħixu, imma prinċipalment għandhom bżonn li jingħata għarfien lid-dinjità tagħhom ta’ persuni.  Hemm imbagħad il-problema gravi tax-xogħol, fuq kollox, minħabba l-livelli għoja ta’ nuqqas ta’ xogħol għaż-żgħażagħ li teżisti f’ħafna pajjiżi – il-veru ipoteka tal-futur – imma anki fejn tidħol il-kwistjoni tad-dinjità tax-xogħol.

Nawgura minn qalbi li jkun hemm kollaborazzjoni ġdida bejn il-qasam soċjali u l-ekonomija, hielsa minn kundizzjonamenti ideoloġiċi, li tagħraf taffronta lid-dinja globaliżżata billi żżomm ħaj is-sens ta’ solidarjetà u karità reċiproki li mmarkaw wiċċ l-Ewropa bis-saħħa tal-ħidma ġeneruża ta’ mijiet ta’ rġiel u nisa – li wħud minnhom il-Knisja Kattolika tqishom qaddisin – li, tul il-mixja tas-sekli, impenjaw ruħhom biex jiżviluppaw il-kontinent kemm permezz tal-attivitajiet imprenditorjali kif ukoll bil-ħidma edukattiva, assistenzjali u ta’ promozzjoni umana.

Dawn tal-aħħar, aktar minn kollox, jirrapreżentaw punt ta’ riferiment importanti għall-għadd kbir ta’ foqra li jeżistu fl-Ewropa.  Kemm hemm minnhom fit-toroq tagħna!  Huma ma jitolbux biss il-ħobż biex jgħixu, li hu l-aktar dritt elementari, imma li jiskopru mill-ġdid il-valur ta’ ħajjithom, li jinsewh minħabba l-faqar tagħhom, u li jsibu mill-ġdid id-dinjità mogħtija lilhom mix-xogħol.

Fl-aħħar, fost it-temi li jitolbu r-riflessjoni u l-kollaborazzzjoni tagħna hemm id-difiża tal-ambjent ta’ din l-art maħbuba li hi l-akbar riżorsa li tana Alla u li qiegħda għad-dispożizzjoni tagħna mhux biex tkun imħassra, sfruttata u avvilita, imma għax meta aħna ngawdu s-sbuħija immensa tagħha, nkunu nistgħu ngħixu bid-dinjità.

Sur Segretarju, Sinjura President, Eċċellenzi, Sinjuri,

Il-Beatu Pawlu VI kien iddeskriva l-Knisja bħala «esperta fl-umanità» (10).  Fid-dinja, għax hi timita lil Kristu, minkejja d-dnubiet ta’ uliedha, ma tfittex xejn aktar ħlief li sservi u tagħti xhieda tal-verità (11).  Fis-sapport li nagħtu lill-mixja tal-umanità xejn aktar ma jmexxina ħlief dan l-ispirtu.

B’din id-dispożizzjoni is-Santa Sede trid tkompli l-kollaborazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa, li llum għandu rwol fundamentali biex jifforma l-mentalità tal-ġenerazzjonijiet Ewropej tal-futur.  Dan jitlob li aħna flimkien nagħmlu riflessjoni wiesa sabiex tkun stabbilta “agorà” ġdida, li fiha kull eżiġenza ċivili u reliġjuża jkunu jistgħu jidħlu f’konfront ħieles ma’ xulxin imqanqlin esklussivament mix-xewqa għall-verità u l-bini tal-ġid komuni.  Infatti, il-kultura tibda’ dejjem mill-laqgħa reċiproka li għandha l-għan li tistimola l-għana intellettwali u l-kreattività ta’ kull min jieħu sehem fiha; u dan, minbarra li jkun ir-realiżżazzjoni tal-ġid, huwa wkoll sbuħija.  L-awgurju tiegħi hu li l-Ewropa, issib mill-ġdid dak l-ispirtu żgħażugħ li għamilha għammiela u kbira, billi tiskopri mill-ġdid il-patrimonju storiku u l-profondità ta’ għeruqha u billi tinkariga ruħha mill-multipolarità ħajja u mill-fenomenu tat-trasversalità li tiddjaloga.

Grazzi!


[1] Cfr Il-Ferħ tal-Vanġelu, 223.

[2] PAWLU VI, Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi: 8 ta’ Diċembru 1974

[3] Ibid.

[4] Cfr Il-Ferħ tal-Vanġelu, 226.

[5] Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 2329 u Gaudium et spes, 81.

[6] ĠWANNI PAWLU II, Messaġġ għall-XV il-Jum Dinji tal-Paċi 8 ta’ Diċembru 1981, 4.

[7] «Vibra nel vento con tutte le sue foglie / il pioppo severo; / spasima l'aria in tutte le sue doglie / nell'ansia del pensiero: / dal tronco in rami per fronde si esprime/ tutte al ciel tese con raccolte cime: / fermo rimane il tronco del mistero, / e il tronco s'inabissa ov'è più vero»: Il pioppo in: Canti dell'Infermità, ed. Vanni Scheiwiller, Milano 1957, 32.

[8] Ibid.

[9] Cfr ĠWANNI PAWLU II, Diskors lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, Strasburgu, 8 ta’ Ottubru 1988, 4.

[10] Ittra Enċiklika. Populorum progressio, 13.

[11] Cfr ibid.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber