Ħuti fl-Episkopat,
Sur Rettur,
Awtoritajiet Distinti,
Għeżież professuri u studenti,
Ħbieb!

Qed inħoss ferħ kbir li f’dal-waranofsinhar ninsab magħkom f’din l-Universita’ Pontifiċja fl-Ekwador, li għal kważi sittin sena ilha twettaq u tqiegħed fis-seħħ il-frott li l-missjoni edukatriċi tal-Knisja tqiegħed għas-servizz tal-irġiel u n-nisa ta’ dan in-nazzjon.  Nirringrazzjakom għall-kliem ġentili li lqajtuni bih intom u twassluli l-inkwiet u t-tamiet li jitqanqlu fikom quddiem l-isfida personali u soċjali tal-edukazzjoni.  Imma qed nara xi sħab iswed fuq ix-xefaq, nittama li ma taslax it-tempesta, u ma jkun hemm xejn aktar minn raxxa ħafifa.

Fl-Evanġelju smajna kif Ġesu’, l-Imgħallem, kien jgħallem lill-folla u lill-grupp ċkejken tad-dixxipli, billi jadatta ruħu għal-livell tagħhom, skont iċ-ċirkostanza.  Kien jagħmel hekk bil-parabboli, bħal dik taż-żerriegħa (Luqa 8, 4-15).  Il-Mulej dejjem kien “plastiku” fil-mod li bih kien jgħallem biex kulħadd jifhmu.  Ġesu’ ma kienx jipprova jgħallem qiesu xi duttur tal-liġi.  Bil-maqlub, kien jipprova jasal għall-qalb tal-bniedem, għall-moħħu, għal ħajtu, biex din tkun tista’ tagħti l-frott.

Il-parabbola taż-żerriegħa tkellimna dwar il-koltivazzjoni.  Turina l-kwalitajiet ta’ art differenti, il-mod taż-żergħa, il-kwalita’ tal-frott u r-relazzjoni li tinħoloq bejniethom. Diġa’ fil-Ġenesi, Alla jlissen minn taħt l-ilsien lill-bniedem u jgħidlu: kabbar u ħares (cfr Ġen 2,15).

Ma jtihx biss il-ħajja, itih ukoll l-art, il-maħluq.  Ma jtihx biss is-sieħba u possibiltajiet bla qies.  Jagħmillu wkoll stedina, itih missjoni.  Jistiednu biex ikun parti mill-opra tal-ħolqie ntiegħu u jgħidlu: kabbar!  Intik iż-żerriegħa, intik l-art, l-ilma, ix-xemx, intik idejk u idejn ħutek. Dan hu kollu tiegħek.  Huwa rigal, don, offerta.  Mhix xi ħaġa miksuba minnek, mhix xi ħaġa li tinxtara.  Din l-art kienet qabilna u se tibqa’ warajna.

Hija rigal mogħti minn Alla biex aħna nkunu nistgħu nagħmluh tagħna.  Alla ma jridx il-ħolqien għalih waħdu, biex joqgħod jitpaxxa bih Hu nnifsu.  Bil-maqlub, il-ħolqien Alla jtihulna biex jibni flimkien magħna, biex jibnina fl-għaqda.  Id-dinja, l-istorja, iż-żmien, huma l-imkejjen fejn aħna nibnu lilna nfusna flimkien ma’ Alla, “aħna mal-oħrajn”, “aħna mad-dinja”. F’ħajjtna dejjem hemm mistura din l-istedina, stedina li ftit jew wisq aħna konxji tagħha, li tibqa timraħ dejjem.

Pero’ ninnutaw xi ħaġa partikolari.  Fir-rakkont tal-Ġenesi, flimkien mal-kelma “kabbar” mill-ewwel tidher oħra “ħares”, ħu kura.  Waħda tinftiehem b’rabta mal-oħra.  Id tmur lejn l-oħra.  Min jikkoltivax min ma jagħtix każ; huwa aljenat min ma jikkoltivax.

Mhux biss aħna msejħin biex niffurmaw parti minn din l-opra tal-ħolqien billi nikkultivawha, inkabbruha, nżviluppawha, imma aħna mistednin ukoll biex nieħdu kura tagħha, nipproteġuha, inħarsuha.  Din l-istedina llum hi qawwija ħafna.  Mhix sempliċi rakkomandazzjoni, imma hi ħtieġa mnissla mill-“ħażin li qed inwettqu fiha minħabba l-użu irresponsbbli u l-abbuż tal-ġid li Alla qieħed fiha.   Aħna kbirna bl-idea li aħna l-propjetarji tagħha, id-dominaturi, għandna dritt li nħarbtuha… għalhekk, fost il-foqra l-aktar abbandunati u ttrattati ħażin hemm artna tant mgħakusa u mkissra (Enċiklika Laudato si’, 2).

Hemm relazzjoni bejn ħajjitna u l-ħajja ta’ ommna l-art.  Bejn l-eżistenza tagħna u r-rigal li Alla tana. “L-ambjent uman u l-ambjent naturali jitgħarrqu flimkien, u ma nistgħux naffrontaw it-taħsir ambjentali, jekk ma nagħtux każ tal-kawżi li qed iġibu t-taħsir uman u soċjali” (ibid., 48).  Però bl-istess mod li aħna ngħidu li qed jitħassru, nistgħu ngħidu li huma jsostnu ’l xulxin u jistgħu jinbidlu.  Hija relazzjoni li tħares possibiltà kemm ta’ ftuħ, ta’ trasformazzjoni, ta’ ħajja, daqskemm tista’ tkun ta’ qerda u ta’ mewt.

Ħaġa waħda hi żgura: ma nistgħux nibqgħu nagħtu daharna lil ħutna, lill-ommna l-art.  Mhux permess lilna li ninjoraw dak li qed jiġri madwarna qiesu ċerti sitwazzjonijiet ma jeżistux jew m’għandhomx x’jaqsmu mar-realtajiet tagħna.  Mhux sew, u aktar u aktar mhux uman, li nidħlu fil-logħba tal-kultura tal-iskart.

Għal darb’oħra ntenni bil-forza l-mistoqsija ta’ Alla lil Kajin: “Fejn hu ħuk?”.  Jien nistaqsi lili nnifsi jekk it-tweġiba tagħna hix se tkompli tkun: “jaqaw jien l-għassies ta’ ħija?” Ġen 4,9)

Jien ngħix f’Ruma fejn fix-xitwa jagħmel il-ksieħ.  Jiġri li qrib il-Vatikan, kull filgħodu jinstab xi anzjan mejjet minħabba l-kesħa.  Dan ma jasal f’ebda ġurnal, f’ebda bulletin tal-aħbarijiet.  Fqir li jmut bil-ġuħ u bil-bard illum ma jagħmilx aħbar, imma jekk is-suq tal-finanzi tal-bliet kapitali prinċipali tad-dinja jinżlu tnejn jew tliet punti jkun skandlu dinji mill-kbar.  Nistaqsi: Fejn hu ħuk?  U nitlobkom li tagħmlu, kull wieħed u waħda minnkom, din il-mistoqsija lilkom infuskom, lill-Università, lill-Università Kattolika: Fejn hu ħuk?

Fil-kuntest tal-Università jkun tajjeb li nagħmlu mistoqsijiet u ngħarblu l-edukazzjoni tagħna quddiem din l-art li qed tgħolli l-karba tagħha lejn is-sema.

L-iskejjel tagħna huma huma “nurseries”, possibiltà, art fertili biex tikkura, tistimula u tħares.  Art fertili għatxana għall-ħajja.

Nistaqsi flimkien magħkom l-edukaturi: intom issusu fuq l-istudenti tagħkom biex huma jiżviluppaw spirtu kritiku, spirtu ħieles, li jkollu ħila jieħu ħsieb id-dinja tal-lum? Spirtu li jkollu ħila jsib tweġibiet ġodda għall-bosta sfidi li s-soċjetà tqiegħed quddiem l-umanità?  Għandkom ħila tinkoraġġuhom biex ma jdawwrux wiċċhom quddiem ir-realtajiet li mdawwrin bihom?  Biex ma jinjorawx dak li qed jiġri madwarhom?  Għandkom ħila tistimulawhom għal dan?  Biex dan l-għan jintlaħaq hemm bżonn toħorġuhom minn ġol-klassijiet, moħħhom irid joħroġ minn ġol-klassi, qalbhom trid toħroġ minn ġol-klassi.  Kif tidħol fil-programmi universitarji jew fl-oqsma differenti tax-xogħol edukattiv il-ħajja ta’ madwarna bil-mistoqsijiet tagħha, bil-kwistjonijiet tagħha?  Kif qed niġġenerawu nakkumpanjaw id-dibattitu kostruttiv li jinbet mid-djalogu li jimmira li d-dinja tkun aktar umana?  Id-djalogu, dik il-kelma li hi l-pont, dik il-kelma li tibni l-pontijiet.

U hemm riflessjoni li tolqot lilna lkoll: familji, skejjel, għalliema: kif nistgħu ngħinu liż-żgħażagħ tagħna biex ma jħarsux lejn id-diploma tal-università bħala ċertifikat li jagħmilhom xi ħaġa aktar minn ħaddieħor, bħala xi ħaġa li tfisser “aktar flus”, prestiġju soċjali.  Le, dawn ma jfissrux hekk.  Kif nistgħu ngħinuhom biex jagħrfu li din it-tħejjija hi sinjal ta’ responsabbiltà akbar quddiem il-problemi tal-lum, quddiem il-ħtieġa tal-għajnuna lill-aktar foqra, quddiem il-ħtieġa tal-ħarsien tal-ambjent?

U intom għeżież żgħażagħ ta’ issa u l-futur tal-Ekwador, intom dawk li suppost jagħmlu ħafna ħoss. Lilkom, intom li intom iż-żerriegħa tal-bidla ta’ din is-soċjetà, irrid nistaqsi: tafu li daż-żmien ta’ studju mhux biss dritt imma privileġġ ukoll għalikom?  Kemm ħbieb, nies li tafuhom jew le, jixtiequ jkollhom post hawnhekk u minħabba ħafna ċirkustanzi dan ma rnexxilhomx jaslu għalih?  Sa liema qies l-istudju tagħna qed jgħinna u qed iwassalna li nkunu solidali magħhom?  Staqsu dawn il-mistoqsijiet lilkom infuskom, għeżież żgħażagħ.

Il-komunitajiet edukattivi għandhom rwol vitali, rwol essenzjali fil-bini taċ-ċittadinanza u tal-kultura.  L-attenzjoni waħedha mhix biżżejjed, mhux biżżejjed li ssir l-analiżi, li niddeskrivu r-realtà; hu meħtieġ li jinħolqu mkejjen, postijiet ta’ riċerka vera, dibattiti li jiġġeneraw alternattivi għall-problemi li jeżistu, speċjalment illum.  Meħtieġ li nirrikorru għal dak li hu konkret.

Quddiem il-globaliżżazzjoni tal-paradigma teknokratiku li għandu t-tendenza li jemmen «li kull kisba ta’ poter u qawwa hi sempliċiment progress, tkabbir tas-sigurtà, utli, ġid, forza vitali u milja tal-valuri, qiesu r-realtà, it-tajjeb u l-verità jinbtu waħedhom mill-istess poter tat-teknoloġija u tal-ekonomija» (Enċ. Laudatosi’ , 105), lilkom illum, lili, lil kulħadd, aħna mitlubin biex b’urġenza nfittxu  naħsbu, nfittxu, niddiskutu dwar is-sitwazzjoni attwali tagħna – u ngħid urġenti -; li nsibu l-kuraġġ naħsbu dwar liema tip ta’ kultura rridu jew nippretenduli jkollna, mhux biss għalina imma wkoll għal uliedna u għan-neputijiet tagħna.   Din l-art irċevejniha b’wirt, bħala don, bħala rigal.  Nagħmlu tajjeb nistaqsu lilna nfusna: kif irridu nħalluha?  Liema toroq irridu nimmarkaw bihom l-eżistenza tagħna?  «Għal liema raġuni aħna ġejna f’did-dinja?  Għal liema għan ġejna f’dil-ħajja?  Għal liema għan naħdmu u nissieltu?» (ibid., 160), għalfejn qed nistudjaw?

L-inizjattivi idividwali huma dejjem tajbin u fundamentali, imma aħna mitlubin nagħmlu pass ieħor aktar ‘il quddiem: dawn l-inizjattivi qed jinkoraġġuna nħarsu lejn ir-realtajiet b’mod organiku u mhux bi-biċċa; biex nagħmlu mistoqsijiet lilna nfusna, minħabba l-fatt li «kollox hu relatat ma’ xulxin» (ibid., 138).  Mhemmm ebda dritt għall-esklużjoni.

Bħala università, bħala istituzzjonjiet edukattivi, bħala għalliema u studenti, il-ħajja tisfidana nwieġbu għal dawn iż-żewġ mistoqsijiet: għaliex din l-art għandha bżonna?  Fejn hu ħuk?

L-Ispirtu s-Santu jispirana u jakkumpanjana għax Hu kien li sejħilna, stedinna, tana l-opportunità u fl-istess waqt, tana r-responsabbiltà li nagħtu l-aħjar tagħna.  Jalla jtina l-qawwa u d-dawl li għandna bżonn.  Hu l-istess Spirtu li fl-ewwel jum tal-ħolqien kien jittajjar fuq l-ilmijiet biex jittrasformahom, mehdi li jagħti l-ħajja.  Hu l-istess Spirtu li lid-dixxipli tahom il-qawwa fil-Pentekoste.  Hu l-istess Spirtu li ma jabbandunana qatt u jitwaħħad magħna biex insibu modi ta’ ħajja ġodda.  Jalla jkun Hu l-kumpann tagħna u l-gwida tagħna tul il-vjaġġ.  Grazzi!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber