Għeżież ħbieb,

Il-lejla t-tajba, u skużawni jekk qed tarawni mill-ġenb, imma għandi bżonn id-dawl fuq il-karta, ma narax sew.  Inħossni ferħan li ninsab magħkom, irġiel u nisa li tirrappreżentaw u tanimaw il-ħajja soċjali, politika, ekonomika tal-pajjiż.

Eżatt qabel ma’ dħalt fil-knisja, is-Sur Sindku tani ċ-ċwievet tal-belt.  Għalhekk nista’ ngħid li hawnhekk, f’San Fransisco ta’ Quito, jien qiegħed id-dar.  It-turija ta’ fiduċja u mħabba tagħkom illi ftaħtuli l-bibien tagħkom, tippermettili li ndaħħal ftit ċwievet tal-ġrajja komunitarja bħala ċittadini, ibda minn dal-fatt “li qiegħdin id-dar”, jiġifieri l-esperjenza tal-ħajja familjari.

Is-soċjetà tagħna tkun rebbieħa meta kull persuna, kull grupp soċjali jkun iħossu verament id-dar.  Fil-familja, il-ġenituri, in-nanniet, it-tfal iħossu ruħhom “ta’ ġewwa”; ħadd mhu eskluż.  Jekk membru jsib ruħu f’diffikultà, anki kbira, anki jekk ikun ġab il-gwaj b’idejh stess, l-oħrajn jgħinuh, ituh is-sapport; it-tbatija tiegħu issir ta’ kulħadd.  Tiġini f’moħħi x-xena ta’ dawk l-ommjiet, nisa miżżewġa, rajthom fi Buenos Aires, li fil-jiem tal-parlatorju jkunu fil-kju biex jidħlu l-ħabs ħalli jżuru lil binhom, lir-raġel, li ma kinux ġabu ruħhom kif jixraq, biex ngħiduha b’lingwaġġ sempliċi, imma ma abbandunawhomx għax huma dejjem jibqgħu “ta’ ġewwa”.  X’tagħlima jtuna dawn in-nisa!  Fis-soċjetà m’għandux isir l-istess?  Imma, madnakollu, ir-relazzjonijiet soċjali tagħna jew il-logħba politika (fis-sens l-aktar wiesa tal-kelma – ma ninsewx li l-politika, kien jgħid Pawlu VI, hija waħda mill-aqwa għamliet ta’ karità) spiss l-imġieba tagħna hi dominata mill-kompetizzjoni li tipproduċi l-iskart.  B’hekk nibnu kultura tal-iskart li llum ħadet bixra ta’ firxa mondjali….. Dan hu l-mod kif inkunu familja?  Fil-familja kulħadd jagħti sehemu fil-proġett komuni, ilkoll jaħdmu favur il-ġid komuni mingħajr ma’ jxejnu lill-individwu; bil-maqlub, isostuh u jmexxuh ‘il quddiem.  Jitlewmu imma hemm xi ħaġa li ma tiċċaqlaqx: ir-rabta familjari.  It-tilwim fil-familja, wara, spiss jinbidel f’rikonċiljazzjoni.  Il-ferħ u d-dwejjaq ta’ kull membru jsiru ta’ kulħadd.  Dan hu l-mod kif tkun verament il-familja!  Kemm ikun sabiħ jekk jirnexxilna naraw lill-avversarju politiku jew il-ġar tagħna bl-istess għajnejn li bihom inħarsu lejn it-tfal, il-mara, ir-raġel, il-missirijiet, l-ommijiet!  Aħna nħobbu lis-soċjetà tagħna jew din tibqa’ xi ħaġa bogħod minna, li m’għandniex x’naqsmu magħha, li lilna ma tolqotniex, li għalina mhix impenn? Inħobbuh lill-pajjiżna, inħobbuha l-komunità li qed nippruvaw nibnu?  Aħna nħobbuha biss bid-diskussjoni tad-dinja tal-ideat? Sant’Injazju (ippermettuli l-pubbliċità!)  Sant’Injazju kien jgħidilna fl-Eżerċizzi, li l-imħabba tidher aktar fl-għemil milli fil-kliem.  Inħobbuha lis-soċjetà, aktar bl-għemil milli bil-kliem!  F’kull persuna, bil-konkretezza, fil-ħajja li naqsmu mal-oħrajn.  U mbarra dan kien jgħidilna li l-imħabba tintwera dejjem, hi mezz li bih tikkomunika, qatt mhi iżolata.  Hemm żewġ kriterji li jgħinuna biex inħarsu lejn is-soċjetà b’għajnejn differenti.  Mhux biss inħarsu lejha: inħossuha, naħsbu fiha, immissuha, inħarsuha.

Minn imħabba bħal din jinbtu ġesti sempliċi li jsaħħu r-rabtiet personali.  F’ħafna okkażjonijiet iddeskrivejt il-familja bħala ċ-ċellula tas-soċjetà.  Fil-familja l-persuni jirċievu l-valuri fundamentali tal-imħabba, tal-fraternità u tar-rispett reċiproku, li jissarfu f’valuri soċjali essenzjali, u huma l-gratwità, is-solidarjetà u s-sussidjarjetà.  Għalhekk, meta nibdew minn das-sens li nkunu “ta’ ġewwa”, fuq il-mudell tal-familja, naħsbu fis-soċjetà pemezz ta’ dawn il-valuri soċjali li aħna nixorbu fid-dar, fil-familja: il-gratwità, is-solidarjetà, is-sussidjarjetà.

Il-gratwità. Għall-ġenituri, l-ulied kollha, anki jekk kull wieħed u waħda għandhom il-karattru tagħhom, huma denji tal-imħabba b’mod indaqs.  Iżda meta t-tifel jirrifjuta li jaqsam dak li rċieva b’xejn mingħandhom, mingħand il-ġenituri, dir-relazzjoni tinkiser inkella tidħol fi kriżi, fenomenu komuni ħafna.  L-ewwel reazzjonijiet, li kultant jitfaċċaw qabel ma l-omm stess issir konxja minnhom, jibdew meta l-omm tkun tqila: it-tifel/tifla jibda jkollhom atteġġjamenti strambi, jibdew iħossu l-fastidju għax fil-psikoloġija tagħhom tixgħel bozza ħamra: attenzjoni għax ġejja l-kompetizzjoni, attenzjoni għax issa mhux se tibqa’ waħdek.  Hija kurjuża.  L-imħabba tal-ġenituri tgħinhom joħorġu mill-egoiżmu tagħhom biex jitgħallmu jgħixu ma’ dik it-tarbija li tkun ġejja, u mal-oħrajn, jitgħallmu jiċċaħħdu biex jinfetħu għall-oħrajn.  Lit-tfal jien inħobb nistaqsihom: “jekk ikollok żewġ ħelwiet u jiġi ħabib tiegħek, x’tagħmel?”  Ġeneralment jgħiduli: “nagħtih waħda”.   Ġeneralment.  “U jekk ikollok ħelwa waħda u jiġi ħabib tiegħek, x’tagħmel?”  Hemmhekk jidħlu l-inċertezzi li jvarjaw minn “nagħtihielu”, għal “naqsmuha bejnietna” jew “indaħħalha fil-but”.  It-tifel/tifla li jitgħallmu jinfetħu għall-oħrajn: fl-ambitu soċjali dan ifisser li l-gratwità mhix kumpliment imma kundizzjoni meħtieġa biex ikun hemm il-ġustizzja.  Dak li aħna u dak li ngħatalna ġie għandna bħala rigal biex aħna nqegħeduh għas-servizz tal-oħrajn – b’xejn irċevejnih, b’xejn nagħtuh -; dmirna hu li minn dak li għandna nagħmlu l-frott biex isir opri tajba. Il-ġid hu destinat għal kulħadd, u li bniedem jiddandan b’dak li għandu (li hi ħaġa leġittima) iġorr miegħu l-piż li fuq ġidu hemm ipoteka soċjali.  Dejjem.  B’hekk il-kunċett ġust tal-ekonomija mibni fuq il-bejgħ u xiri jkun mgħelub mill-kunċett tal-ġustizzja soċjali li jiddefendi d-dritt fundamentali tal-individwu li jgħix ħajja denja.

Dejjem rigward il-ġustizzja, l-isfruttament tar-riżorsi naturali, li fl-Ekwador huma abbundanti, m’għandux ifittex il-qliegħ ta’ malajr.  Li nkunu ħarriesa ta’ dan il-ġid li rċevejna jfisser għalina impenn mas-soċjetà u mal-ġenerazzjonijiet futuri, li ma nistgħux inħallulhom b’wirt dan il-patrimonju mingħajr kura xierqa għall-ambjent, mingħajr l-għarfien tal-gratwità li titnissel mill-kontemplazzjoni tal-ħolqien.

Ilum hawn magħna żewġt aħwa mill-popli indiġeni li ġejjin mill-Amażonja Ekwadorjana.  Dik iż-żona hija fost l-aktar mogħnija bi speċi varji, speċi endemiċi li huma rari u li l-protezzjoni tagħhom hija fost l-anqas effikaċi.  Hemm postijiet li jeħtieġu kura partikolari minħabba l-importanza enormi tagħhom għall-ekosistema tad-dinja għax għandhom biodiversità kumplessa ħafna, li kważi impossibbli li nkunu nafuha kollha.  Imma meta dawn iż-żoni jingħatw in-nar jew jinqerdu biex titkattar il-koltivazzjoni, fi ftit snin jinqerdu għadd bla qies ta’ speċi, jew dawn il-postijiet isiru desert niexef (Enċ. Laudato si’, 37-38).  U f’dal-qasam, l-Ekwador – flimkien ma pajjiżi oħra tal-faxxa Amażonika – għandu l-opportunità li jqiegħed fis-seħħ pedagoġija ta’ ekoloġija integrali.  Aħna rċevejna d-dinja b’wirt mingħand il-ġenituri tagħna imma rridu niftakru wkoll li dan irċevejnih b’self mingħand uliedna u mingħand il-ġenerazzjonijiet futuri, li lilhom irridu ngħadduh aħjar milli sibnih.  U din hi l-gratwità!

Mill-fraternità mgħejxa fil-familja jinbet it-tieni valur: is-solidarjetà fi ħdan is-soċjetà li ma tfissirx biss li tagħti lil min ikun fil-bżonn imma li nkunu responsabbli ta’ xuxlin.  Jekk fl-ieħor aħna naraw lil ħuna, ħadd ma jibqa’ mwarrab, ħadd ma jista’ jibqa’ mifrud.

L-Ekwador bħal ħafna pajjiżi Latinoamerikani oħra, illum il-ġurnata għaddej minn tibdil soċjali u kulturali profond, sfidi ġodda li jitolbu l-parteċipazzjoni ta’ kull min għandu x’jaqsam.  Il-migrazzjoni, il-konċentrazzjoni urbana, il-konsumiżmu, il-kriżi tal-familja, in-nuqqas ta’ xogħol, l-irqajja tal-faqar, kollha joħolqu inċertezzi u tensjonijiet li huma ta’ theddida għall-konvivenza soċjali.  Ir-regoli u l-liġijiet, l-istess bħall-proġetti tal-komunità ċivili, għandhom ifittxu l-inklużjoni biex jiffavorixxu d-djalogu, spazji ta’ laqgħa biex it-tifkira mimlija djieqa ta’ kull tip ta’ ripressjoni, il-kontrolli bla limiti u t-telfien tal-libertà, jibqgħu jimirħu biss fit-tifkira mimlija djieqa tal-passat.  It-tama ta’ futur aħjar titlob li ċ-ċittadini jingħataw opportunitajiet reali, speċjalment iż-żgħażagħ, billi jinħolqu postijiet tax-xogħol bi tkabbir ekonomiku li jasal għand kulħadd, u ma jibqax biss statistika mal-makroekonimija.  Dan isir bil-ħolqien ta’ żvilupp sostenibbli li jiġġenera nisġa soċjali b’saħħitha u magħquda sewwa.  Jekk ma jkunx hemm solidarjetà dan ikun impossibbli.  Irreferejt għaż-żgħażagħu n-nuqqas ta’ xogħol.  Dan hu fenomenu allarmati fuq livell dinji.  Pajjjiżi Ewropej li sa ftit għexieren ta’ snin ilu kienu fuq quddiem, issa qed jaraw li fil-popolazzjoni żgħażugħa – minn 25 sena ‘l isfel – 40/50% minnhom jinsabu bla xogħol.  Mingħajr solidarjetà mhemmx soluzzjoni għal dan.  Kont qed ngħid lis-Sależjani (f’Turin): “Intom, li Don Bosco waqqafkom biex tedukaw, illum, x’edukazzjoni ta’ emerġenza qiegħdin tagħtu lil dawk iż-żgħażagħ li jinsabu bla xogħol?”  Għaliex?  Emerġenzi biex iħejjuhom għal xogħol ħafif li jtihom dinjità ħalli jkunu jistgħu jieħdu l-biċċa tal-ħobż id-dar.  Lil dawn iż-żgħażagħ qegħda, lil dawk li qed isejħulhom “nè nè”, la jistudjaw u lanqas jaħdmu, xi prospettivi jibqgħalhom?  Id-dipendenzi, id-dwejjaq, id-dipressjoni, is-suwiċidju - l-istatistiċi dwar is-suwiċidji taż-żgħażagħ qatt ma jkunu pubblikati kollha – jew inkella li jissieħbu fi proġetti ta’ ġenn soċjali, li għallanqas ituhom ħjiel ta’ xi ideal?

Illum aħna mitlubin nikkuraw, b’mod speċjali, bis-solidarjetà, dan it-tielet settur ta’ esklużjoni, tal-kultura tal-iskart.  L-ewwel huma t-tfal, għax, jew ma rriduhomx – hemm pajjiżi żviluppati li r-rata ta’ twelid tagħhom hi kważi xejn fil-mija - jew inkella noqtluhom qabel ma jitwieldu.  Imbagħad l-anzjani, li jisfaw abbandunati u mwarrbin u ninsew li huma l-għerf u l-fakra tal-poplu tagħhom.  Inwarrbuhom fil-ġenb.  Issa miss liż-żgħażagħ.  Lil min ċedew posthom?  Lill-qaddejja tal-egoiżmu, tal-alla flus li hu l-pern ta’ sistema li qed jgħaffiġna lkoll.

Fl-aħħar, ir-rispett lejn l-ieħor li nitgħallmu fil-familja, li jfisser li fil-qafas soċjali jkun hemm is-sussidjarjetà.  Għalhekk: gratwità, solidarjetà, sussidjarjetà.  Meta naċċettaw li l-għażla personali mhix l-unika waħda leġittima, huwa eżerċizzju san ta’ umiltà.

Meta nagħtu għarfien lil dak li hu tajjeb fl-oħrajn, bil-limiti tagħhom ukoll, naraw ir-rikkezza li hi karatteristika tad-diversità u l-valur tal-kumplimentarjetà.  Il-bnedmin, il-gruppi, għandhom dritt li jimxu t-triq tagħhom, anki jekk xi min daqqiet dan iwassalhom għall-iżball.  Bir-rispett lejn il-libertà, is-soċjetà ċivili hi msejħa biex tmexxi ‘l quddiem lil kull persuna jew agent soċjali biex ikunu jistgħu iwettqu r-rwol tagħhom u jagħtu sehemhom bl-ispeċifiċità tagħhom, lejn il-ġid komuni.  Id-djalogu hu meħtieġ, essenzjali, biex naslu għall-verità, li ma tistax tkun imposta, imma mfittxija bis-sinċerità u spirtu kritiku.  F’demokrazija parteċipattiva, kull waħda mill-forzi soċjali, il-gruppi indiġeni, l-afro-ekwadorjani, in-nisa, l-organiżżazzjonijiet ċivili u kull min jaħdem favur il-kollettività fis-servizzi pubbliċi, huma protagonisti essenzjali f’dan id-djalogu u mhux biss spettaturi.  Il-ħitan, il-btieħi, il-kjostri ta’ dan il-post jixhdu dan kollu bil-kbir: meta msejsa fuq elementi ta’ kultura Inca u Caranqui, is-sbuħija tal-għamliet u l-proporzjonijiet tagħhom, il-kuraġġ tal-istili differenti tagħhom imħalltin flimkien b’mod mirabbli, l-opri tal-arti msejħin “skola ta’ Quito”, jiġbru fihom djalogu mifrux bis-suċċessi u l-iżbalji tal-istorja Ekwadrojana.  Illum dan hu miżgħud bis-sbuħija u jekk hu minnu li l-passat saru l-iżbalji u l-abbużi tal-poter, kif nistgħu dan niċħduh?, anki fl-istejjer personali tagħna?, nistgħu ngħidu li t-twaħħid jiġġenera tant entużjażmu u jgħinna nħarsu lejn il-futur b’tama kbira.  Anki l-Knisja trid tikkollabora fit-tfittxija tal-ġid komuni, bl-attivitajiet soċjali, edukattivi tagħha, billi tippromwovi l-valuri etiċi u spiritwali għax hi sinjal profetiku li jwassal raġġ ta’ dawl u tama lil kulħadd, speċjalment lil min hu l-aktar fil-bżonn.  Ħafna jistaqsuni: Padre, għaliex titkellem tant dwar in-nies fil-bżonn, il-persuni esklużi, il-persuni abbandunati mal-ġenb tat-triq?  Sempliċiment għaliex din ir-realtà hija t-tweġiba    għal din ir-realtà li nsibuha fil-qalbatal-Evanġelju.  U propju għaliex l-atteġġjament li nieħdu quddiem din ir-realtà hu miktub fil-protokoll li fuqu aħna se niġu ġudikati, kif insibu f’Mattew 25.

Grazzi talli qiegħdin hawn, talli qed tisimgħuni, nitlobkom jekk jogħġobkom li twasslu l-kliem ta’ inkoraġġiment tiegħi lill-gruppi li intom tirrappreżentaw fis-setturi differenti tas-soċjetà.  Jalla l-Mulej jagħti lis-soċjetà ċivili li intom tirrappreżentaw, li tkun dejjem l-imkien addattat biex kulħadd jgħix bħal fid-dar, biex jgħix dawn il-valuri ta’ gratwità, ta’ soldiarjetà u s-sussidjarjetà.  Grazzi!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber