L-għodwa t-tajba, ħuti,

 

F’dawn il-jumejn, tmienja u erbgħin siegħa, li kont magħkom, innutajt xi ħaġa partikulari – skużawni –, xi ħaġa partikulari fil-poplu Ekwadorjan.  Kull fejn imur, dejjem insib tilqagħni merħba ferrieħa, kuntenta, kordjali, reliġjuża, kollha devozzjoni, f’kull parti.  Imma hawn kien hawn xi ħaġa fir-reliġjożità, fil-mod, ngħidu aħna, kif titolbuni nberikkom – mill-ixjeħ wieħed sal-“bebé”, li l-ewwel ħaġa li jitgħallem hi li jagħmel hekk – kien hemm xi ħaġa differenti…  U anki jien kelli t-tentazzjoni, bħall-Isqof ta’ Sucumbios, li nistaqsi: X’riċetta għandu dan il-poplu?  Liema hi?  Ħsibt fuqha u tlabt…  Staqsejt lil Ġesù iżjed minn darba fit-talb tiegħi: X’għandu differenti dan il-poplu?  U dal-għodu, jiena u nitlob, ħabtet ma’ moħħi l-Konsagrazzjoni lill-Qalb Imqaddsa tiegħu.

 

Naħseb li dan għandi ngħidhulkom bħala messaġġ ta’ Ġesù: dak l-għana kollu li għandkom, l-għana spiritwali, reliġjuż, hekk profond, ġej mill-fatt li kellkom il-kuraġġ – għax kienu mumenti diffiċli ħafna – il-kuraġġ li tikkonsagraw in-nazzjon tagħkom lill-Qalb ta’ Kristu, dik il-Qalb divina u umana li tant tħobbna.  U jien xi ftit jew wisq hekk narakom: divini u umani.  Żgur li intom midinbin, imma dak anki jien…  Imma l-Mulej kollox jaħfer…

 

Ħudu ħsiebu dan!  U mbagħad, xi snin wara, il-konsagrazzjoni lill-Qalb ta’ Marija.  Tinsewx: dik il-konsagrazzjoni kienet mument fundamentali fl-istorja ta’ l-Ekwador, u minn dik il-konsagrazzjoni nħoss li bħal ġejja din il-grazzja li għandkom, din ir-reliġjożità, din il-ħaġa li tagħmilkom differenti.

 

Il-lum imiss li nkellem lilkom is-saċerdoti, seminaristi, reliġjużi rġiel u nisa, u ngħidilkom xi ħaġa.  Għandi diskors imħejji… imma m’għandix aptit naqrah…  Allura ħa ngħaddih lill-President tal-Konferenza tar-Reliġjużi biex imbagħad jippubblikah.

 

U kont qed naħseb fil-Verġni Mbierka, kont qed naħseb f’Marija.  Iż-żewġ kelmiet ta’ Marija – hawn qed tonqosni l-memorja, ma nafx qalitx oħrajn… –: “Ħa jsir minni skond kelmtek”.  Iva, daż-żgur, riedet taf għaliex intgħażlet hi, talbitu lill-Anġlu jgħidilha.  Imma mbagħad tgħid: “Ħa jsir minni skond kelmtek”.  U l-kelma l-oħra: “Agħmlu dak li jgħidilkom Hu”.  Marija qatt ma riedet tkun hi l-protagonista.  Baqgħet dixxiplu ħajjitha kollha.  L-ewwel dixxiplu ta’ Binha.  U kienet taf li dak kollu li hi kellha kien don b’xejn ta’ Alla.  Kienet konxja li kollox ġie mogħti b’xejn.  Għalhekk “ħa jsir”, “agħmlu”, li juru l-gratwità ta’ Alla.  Reliġjużi, saċerdoti, seminaristi, ta’ kuljum erġgħu lura, agħmlu din il-mixja lura lejn dak li Alla takom b’xejn u li bih hu għażilkom.  Intom ma ħallastu l-ebda biljett tad-dħul biex dħaltu s-seminarju, biex dħaltu fil-ħajja reliġjuża.  M’għamilthux b’xi mertu tagħkom.  Jekk xi reliġjuż, saċerdot jew seminarista jew soru minnkom jaħsbu li dan huma mmeritawh, jgħollu idhom!  Kollox b’xejn.  U l-ħajja kollha ta’ reliġjuż, ta’ reliġjuża, ta’ saċerdot u ta’ seminarista li jimxi f’din it-triq – u la qegħdin hawn, ħa ngħidu: u ta’ l-isqfijiet – jeħtieġ timxi f’din it-triq tal-gratwità, terġa’ lura ta’ kuljum: “Mulej, il-lum għamilt dan, din irnexxietli, sibt din id-diffikultà…  Imma dan kollu, kollox ġej minneK, kollox hu b’xejn”.  Il-gratwità.  Aħna oġġett tal-gratwità ta’ Alla.  Jekk dan ninsewh, bil-mod il-mod nibdew naħsbu li aħna importanti.  “U ħarsu ftit, x’qed nagħmel jien…”; “araw, dan għamluh isqof ta’ dak il-post importanti…”; “dan laħħquh monsinjur”; “dak…”.  U hekk naqra naqra nitbiegħdu minn dak li hu l-pedament, u li minnu Marija qatt ma tbiegħdet: il-gratwità ta’ Alla.

 

Parir ta’ ħabib: ta’ kuljum, forsi aħjar fil-għaxija, qabel tidħlu torqdu, ħarsu lejn Ġesù u għidulu: Kollox b’xejn tajtni.  U hekk terġgħu ssibu postkom.  Allura meta jibdluli l-post jew meta nsib quddiemi xi diffikultà, ma nipprotestax, għax kollox hu b’xejn, xejn ma nimmerita!  Hekk għamlet Marija.

 

San Ġwanni Pawlu II, fir-Redemptoris Mater – li nirrikkmandalkom taqrawha.  Iva, aqbduha f’idejkom u aqrawha.  Veru, San Ġwanni Pawlu II kellu stil ta’ ħsieb ċirkulari, kien professur, imma kien bniedem ta’ Alla, u allura wieħed irid jaqraha iżjed minn darba biex jifhem is-sugu kollu li fiha – jgħid li forsi Marija – ma niftakarhiex sew il-frażi, qed nikkwota, imma nixtieq nikkwota l-fatt – fil-mument tas-salib, tal-fedeltà tagħha, xtaqet tgħid: “U dan qaluli li kien se jifdi lil Israel!  Daħku bija”.  Ma qalitx hekk.  Lanqas biss indenjat taħsbu, għax hi kienet il-mara li kienet taf li kollox irċiviet b’xejn.  Parir ta’ ħukom u missierkom: ta’ kull fil-għaxija nġabru u erġgħu sibu postkom f’din il-gratwità.  U għidu: “Ħa jsir minni skond kelmtek; grazzi, għax kull ħaġa tajthieli Int”.

 

It-tieni ħaġa li nixtieq ngħidilkom hi li tieħdu ħsieb saħħitkom, imma fuq kollox tieħdu ħsieb li ma tlaqqtux marda, marda li hi pjuttost perikuluża, jew ħafna perikuluża għal dawk li l-Mulej sejjaħ b’xejn biex jimxu warajh u jaqduh.  Taqgħux fl-alzheimer spiritwali”, titilfux il-memorja, fuq kollox il-memorja tal-post li minnu ġejtu msejħa.  Dik ix-xena tal-profeta Samwel, meta jiġi mibgħut biex jidlek lis-sultan ta’ Israel.  Imur Betlehem, fid-dar ta’ wieħed jismu Ġesse, li għandu seba’ jew tmint itfal, ma nafx, u Alla jgħidlu li minn fost dawk l-ulied sa jsib is-sultan.  U jsibu u jgħidlu: “Dan irid ikun”, għax il-kbir nett kien mibni, twil, sabiħ f’surtu, kien jidher qalbieni…  U Alla jgħidlu: “M’huwiex dan”.  Il-ħarsa ta’ Alla hi differenti minn dik tal-bnedmin.  U hekk iġagħlu jgħaddi minn quddiem l-ulied kollha u Alla jgħidlu: “Le, m’hux dan”.  Il-profeta ma jafx x’jaqbad jagħmel, allura jsaqsi lill-missier: “M’għandekx iżjed?”.  U dan iwieġbu: “Iva, hemm l-iżgħar wieħed, hemm, qed jirgħa l-mogħoż u n-nagħaġ”.  “Sejjaħlu”.  U jasal iż-żagħżugħ, li forsi kellu sbatax, tmintax-il sena, ma nafx, u Alla jgħidlu: “Dan hu”.  Għażlu minn ġo nofs in-nagħaġ.  U profeta ieħor, meta Alla jgħidlu biex jagħmel ċerti affarijiet bħala profeta: “Imma jien min jien jekk ġejt imsejjaħ minn qalb in-nagħaġ?”.  Tinsewx minn fejn ġejtu magħżula.  Qatt tiċħdu l-għeruq tagħkom!

 

San Pawl jidher li kien iħossu dan il-periklu li jitlef il-memorja u lil ibnu l-iżjed maħbub, l-isqof Timotju, li kien ordnah hu, jagħtih xi pariri pastorali, imma hemm wieħed li jmisslek qalbek: “Tinsiex il-fidi li kellhom nanntek u ommok!”, jiġifieri: “Tinsiex minn fejn ġej, tinsiex l-għeruq tiegħek, ixxammarx imnieħrek!”.  Il-gratwità hi grazzja li ma tistax toqgħod mal-promozzjoni, u meta saċerdot, seminarista, reliġjuż jidħol “f’karriera” – qed nifhem karriera umana –, jibda jimrad bl-alzheimer spiritwali u jibda jitlef il-memorja tal-post li minnu beda.

 

Żewġ prinċipji għalikom is-saċerdoti, ikkonsagrati: ta’ kuljum ġeddu dak is-sentiment li kollox hu mogħti lilkom b’xejn, is-sentiment ta’ gratwità ta’ l-għażla ta’ kull wieħed u waħda minnkom – ħadd minna ma jimmeritaha – u itolbu l-grazzja li ma titilfux il-memorja, li ma tħossukomx importanti.  Kemm hi ħaġa ta’ swied il-qalb meta tara saċerdot jew ikkonsagrat, ikkonsagrata, li d-dar tagħha kienet titkellem bid-djalett, jew kienet titkellem b’lingwa oħra, waħda minn dawn il-lingwi qodma għonja li għandhom il-popli – min jaf kemm għandu minnhom l-Ekwador! – u hi ħaġa wisq ta’ swied il-qalb meta jinsewha din il-lingwa, ħaġa kerha meta ma jkunux iridu jitkellmuha iżjed.  Dan ifisser li nsew il-post li minnu ġew imsejħa.  Tinsewh qatt dan.  Itolbu l-grazzja tal-memorja.  U dawn huma ż-żewġ prinċipji li ridt nagħfas fuqhom.  U dawn iż-żewġ prinċipji, jekk qed tgħixuhom – imma ta’ kuljum, hi ħidma ta’ kuljum, ta’ kull fil-għaxija ftakru dawk iż-żewġ prinċipji u itolbu l-grazzja – dawn iż-żewġ prinċipji, jekk tgħixuhom, fil-ħajja jagħtukom li tgħixu b’żewġ atteġġjamenti.

 

L-ewwel, il-qadi.  Alla għażilni, sejjaħli, għaliex?  Biex naqdi.  U l-qadi li jaqbel għalija.  Mhux: “Irrid il-ħin tiegħi”, “għandi l-affarijiet tiegħi”, “għandi dan…”, “le, issa sarli l-ħin biex nagħlaq il-ħanut”, “iva, suppost immur inbierek id-djar imma… inħossni għajjien… il-lum hemm film tajjeb fuq it-televiżjoni, u allura…” – għas-sorijiet! –.  Mela, qadi, naqdu, naqdu.  U ma nagħmlux ħwejjeġ oħra, u naqdu wkoll meta aħna għajjenin u naqdu meta n-nies iddejjaqna.

 

Kien hemm wieħed saċerdot xwejjaħ, li għadda ħajtu kollha jgħallem fl-iskejjel u l-universitajiet, kien jgħallem il-letteratura – ġenju –, u qalli li meta ħareġ bil-pensjoni, talab lill-Provinċjal biex jibagħtu f’żona fqira, waħda minn dawk iż-żoni li jiffurmaw bin-nies li tiġi minn hemm u minn hawn, li jemigraw biex ifittxu xogħol, nies sempliċi ħafna.  U dan ir-reliġjuż darba fil-ġimgħa kien imur fil-komunità tiegħu u jitkellem, kien intelliġenti ħafna; u l-komuni kienet komunità tal-Fakultà tat-Teoloġija; kien jitkellem ma’ saċerdoti oħra teologi ta’ l-istess livell tiegħu, imma jum wieħed qal lil wieħed minnhom: “Min fostkom jgħallem it-trattat fuq il-Knisja?”.  Għolla idu dan il-professur: “Jien”.  “Jonqsuk żewġ teżijiet”.  “Liema?”.  “Il-Poplu fidil u qaddis ta’ Alla hu essenzjalment olimpiku – jiġifieri jagħmel dak li jrid – u ontoloġikament fastidjuż”.  U dan jiġbor ħafna għerf fih, għax min jaqbad it-triq tal-qadi irid iħalli lil min idejqu mingħajr ma jitliflu sabru, għax hu qiegħed hemm biex jaqdi, u l-ebda mument ma hu tiegħu, l-ebda mument m’hu tiegħu.  Jien qiegħed hawn biex naqdi: naqdi f’dak li għandi nagħmel, naqdi quddiem it-Tabernaklu, nitlob għall-poplu tiegħi, nitlob għax-xogħol tiegħi, għan-nies li Alla fdali f’idejja.

 

Il-qadi.  Ħalltu mal-gratwità, u allura… dak li jgħid Ġesù: “Dak li rċivejt b’xejn, b’xejn agħtih”.  Nitlobkom, jekk jogħġobkom!  Tagħmlux kummerċ mill-grazzja!  Nitlobkom, ħallu l-pastorali tagħna tkun b’xejn.  Kemm hi ħaġa kerha meta wieħed jitlef dan is-sens ta’ gratwità u jsir…  Iva, jagħmel ħwejjeġ tajbin, imma tilef dan.

 

U t-tieni, it-tieni atteġġjament li jrid jidher f’ikkonsagrat, ikkonsagrata, saċerdot li jgħix din il-gratwità u din il-memorja – dawn iż-żewġ prinċipji li semmejt fil-bidu, gratwità u memorja – hu l-ferħ, l-allegrija.  Dan hu don ta’ Ġesù, don, u hu don li Hu jagħtihulna jekk nitolbuhulu, u jekk ma ninsewx dawn iż-żewġ kolonni tal-ħajja saċerdotali jew reliġjuża tagħna, li huma appuntu s-sens ta’ gratwità, imġedded ta’ kuljum, u li ma nitilfux il-memorja tal-post li minnu ġejjin.

 

Dan hu li nawguralkom: “Iva, Dun, int għidtilna li forsi r-riċetta tal-poplu tagħna kienet din: aħna hekk grazzi għall-Qalb Imqaddsa”.  Iva, daż-żgur, imma jien nipproponilkom riċetta oħra fl-istess linja, fid-direzzjoni tal-Qalb ta’ Ġesù: is-sens ta’ gratwità.  Hu xxejjen, tbaxxa, iċċekken, ftaqar biex bil-faqar tiegħu nistagħnu aħna.  Gratwità pura.  U sens tal-memorja: niftakru fl-għeġubijiet li l-Mulej wettaq f’ħajjitna.

 

Il-Mulej jagħtikom din il-grazzja, lilkom kollha, jaqlagħha lil kull wieħed u waħda minna hawn preżenti, u jissokta – kont ħa ngħid “jippremja” –, jissokta jbierek lil dan il-poplu Ekwadorjan, li intom għandkom taqdu, li intom imsejħin biex taqdu, jissokta jbierku b’din il-partikularità hekk speċjali li nnutajt minnufih malli wasalt hawn.  Ġesù jberikkom, u l-Verġni Mbierka tħariskom.

 

* * *

 

Nitolbu flimkien lill-Missier, li kollox tana b’xejn, biex iżomm ħajja fina l-memorja ta’ Ġesù.

 

[Missierna…]

 

[Barka]

 

U nitlobkom, jekk jogħġobkom, nitlobkom titolbu għalija, għax anki jien ħafna drabi nħossni ttentat li ninsa li Alla għażilni b’xejn u ninsa l-post li minnu għażilni.

 

Itolbu għalija!

 


 

Diskors imħejji mill-Qdusija Tiegħu:

 

Għeżież ħuti,

 

Qed inġib f’riġlejn Sidtna Marija tal-Quinche dak kollu li għext f’dawn il-jiem taż-żjara tiegħi; nixtieq nafda lill-Qalb tagħha l-anzjani u l-morda, li magħhom qsamt xi waqtiet fid-dar tas-Sorijiet tal-Karità, u anki l-laqgħat l-oħra kollha li kelli qabel.  Inħallihom fil-qalb ta’ Marija, imma nqegħidhom ukoll fil-qlub tagħkom is-saċerdoti, reliġjużi, seminaristi, biex, imsejħa taħdmu fid-dielja tal-Mulej, tkunu ħarriesa ta’ dak kollu li qed jgħix, ibati u jifraħ bih dan il-poplu ta’ l-Ekwador.

 

Nirringrazzja lil Mons. Lazzari, Padre Mina u Swor Sandoval għall-kelmtejn tagħkom, li minnhom nieħu spunt biex naqsam magħkom kollha xi punti fl-għożża komuni għall-Poplu ta’ Alla.

 

Fil-Vanġelu, il-Mulej jistedinna nilqgħu l-missjoni mingħajr ma npoġġu kundizzjonijiet.  Hu messaġġ importanti li mhux sewwa ninsewh u li, f’dan is-Santwarju ddedikat lill-Verġni tal-Preżentazzjoni, jidwi b’aċċent partikulari.  Marija hi xempju ta’ dixxiplu għalina li, bħalha, irċivejna sejħa.  It-tweġiba fiduċjuża tagħha: “Ħa jsir minni skond Kelmtek” (Lq 1:38), tfakkarna fi kliemha fit-tieġ ta’ Kana: “Agħmlu kull ma jgħidilkom Hu” (Ġw 2:5).  L-eżempju tagħha hu stedina lilna biex naqdu bħalha.

 

Fil-Preżentazzjoni tal-Verġni nistgħu nsibu xi suġġerimenti għas-sejħa ta’ kull wieħed u waħda minna.  It-Tfajla Verġni kienet don ta’ Alla għall-ġenituri tagħha u għall-poplu kollu li kien qed jistenna l-ħelsien.  Hu fatt li nsibuh imtenni ta’ spiss fl-Iskrittura: Alla jwieġeb għall-karba tal-poplu tiegħu, jibgħat tfajjel, dgħajjef, iddestinat biex iġib is-salvazzjoni u li, fl-istess ħin, iġedded it-tama tal-ġenituri anzjani.  Il-Kelma ta’ Alla tgħidilna li fl-istorja ta’ Israel l-imħallfin, il-profeti, is-slaten huma don tal-Mulej biex idewwaq il-ħlewwa u l-ħniena tiegħu lill-poplu tiegħu.  Huma sinjal tal-gratwità ta’ Alla: Hu li ħatarhom, għażilhom u bagħathom.  Dan jeħlisna mill-awtoreferenzjalità, jurina li aħna m’għadniex tagħna nfusna, li l-vokazzjoni tagħna ssejħilna biex niċħdu kull egoiżmu, kull tiftix ta’ gwadann materjali jew ta’ kumpens affettiv, kif qalilna l-Vanġelu.  M’aħniex merċenarji, imma qaddejja; ma ġejniex biex niġu moqdija, imma biex naqdu, u dan nagħmlu b’distakk sħiħ, bla ħatar u bla ħorġa.

 

Xi tradizzjonijiet marbuta mat-titlu ta’ Sidtna Marija ta’ Quinche jgħidulna li Diego de Robles lesta x-xbieha skond kif imqabbad mill-indiġeni Lumbicí.  Diego dan m’għamlux b’devozzjoni, imma għall-qligħ tal-flus.  Billi ma setgħux iħallsuh, ħadha Oyacachi u pprova jbiegħha għal xi twavel taċ-ċedru.  Diego lanqas laqa’ t-talba ta’ dawk in-nies biex jagħmel ukoll altar għal dik ix-xbieha, sakemm, wara li waqa’ minn fuq iż-żiemel tiegħu, sab ruħu fil-periklu u ħass fuqu l-ħarsien tal-Verġni Marija.  Reġa’ lura fir-raħal u ħadem pedestall għax-xbieha.  Anki aħna, kull wieħed u waħda minna għamel l-esperjenza ta’ Alla li joħroġ jiltaqa’ magħna f’salib it-toroq, li fil-qagħda tagħna ta’ persuni li waqgħu, sfaw maħbuta, isejħilna.  Jalla l-vanaglorja u l-mondanità ma jnessuniex minn fejn Alla fdiena!  Ħa tkun Marija tal-Quinche li tniżżilna minn fuq il-pedestall ta’ l-ambizzjonijiet tagħna, ta’ l-interessi egoistiċi tagħna, ta’ l-attenzjoni żejda fuqna nfusna!

 

L-“awtorità” li l-Appostli jirċievu minn għand Ġesù m’hix biex jieħdu vantaġġ tagħha huma: id-doni tagħna qegħdin hemm biex iġeddu u jibnu lill-Knisja.  Qatt tibqgħu lura milli taqsmu ma’ l-oħrajn, tirreżistux għas-sejħa biex tagħtu, tingħalqux fil-kumdità, kunu għejun li jfawru u jiffriskaw, speċjalment lill-imjassrin mid-dnub, mid-delużjoni, mill-korla (ara l-Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 272).

 

It-tieni punt li tfakkarni fih il-Preżentazzjoni tal-Verġni hu l-perseveranza.  Fl-ikonografija Marjana suġġestiva ta’ din il-festa, it-Tfajla Verġni tidher qed titbiegħed mill-ġenituri tagħha biex titla’ t-tarġiet tat-Tempju.  Marija ma tħarisx lura u, b’riferiment ċar għas-sejħa tal-Vanġelu, timxi deċiża ’l quddiem.  Aħna wkoll, bħala dixxipli tal-Vanġelu, nimxu biex inwasslu lil kull poplu u post il-Bxara t-Tajba ta’ Ġesù.  Perseveranza fil-missjoni ma tfissirx li noqogħdu niġru minn dar għall-oħra, infittxu fejn ħa jittrattawna l-aħjar, fejn hemm l-iżjed mezzi u kumditajiet.  Titlob minna li nwaħħdu x-xorti tagħna ma’ dik ta’ Ġesù sa l-aħħar.  Xi rakkonti tad-dehriet tal-Verġni ta’ Quinche jgħidulna li “mara b’tarbija f’dirgħajha” żaret għal xi ġranet wara xulxin, kull darba wara nofs in-nhar, lill-indiġeni ta’ Oyacachi meta dawn kienu qed ifittxu l-kenn mill-ħbit ta’ l-orsijiet.  Ħafna drabi Marija marret tiltaqa’ ma’ wliedha; huma ma kinux jemmnuha, iddubitaw minn din il-mara, imma baqgħu milquta mill-perseverenza tagħha li kuljum kienet tirritorna hi u nieżla x-xemx.  Nipperseveraw, anki jekk ma jaċċettawniex, imqar jekk jasal il-lejl u jikbru l-konfużjoni u l-perikli.  Nipperseveraw f’dan l-isforz, għax nafu li m’aħniex waħidna, li dan hu l-Poplu Qaddis ta’ Alla li jinsab miexi.

 

B’xi mod, fix-xbieha ta-Tfajla Verġni li titla’ lejn it-Tempju, nistgħu nilmħu l-Knisja li ssieħeb lid-dixxiplu missjunarju.  Flimkien magħha hemm il-ġenituri tagħha, li għaddewlha l-memorja tal-fidi u issa b’qalb kbira joffruha lill-Mulej biex tista’ tkompli fit-triq tagħha; hemm il-komunità tagħha rrappreżentata fix-“xbejbiet li jimxu warajha”, fi “sħabha”, bl-imsiebaħ mixgħula (ara Salm 44:15) u li fihom il-Missirijiet tal-Knisja jilmħu profezija ta’ dawk kollha li, bħal Marija, ifittxu b’sinċerità li jkunu ħbieb ta’ Alla, u hemm is-saċerdoti li jistennewha biex jilqgħuha u li jfakkruna li fil-Knisja r-rgħajja għandhom ir-responsabbiltà li jilqgħu bil-ħlewwa u jgħinu fid-dixxerniment ta’ kull spirtu u kull sejħa.

 

Nimxu magħqudin, inwieżnu lil xulxin, u nitolbu b’umiltà d-don tal-perseveranza fis-servizz tiegħu.

 

Sidtna Marija tal-Quinche kienet okkażjoni ta’ laqgħa, ta’ komunjoni, għal dan il-post li sa miż-żminijiet ta’ l-Imperu Inca twaqqaf bħala kolonja multietnika.  Kemm hi ħaġa sabiħa meta l-Knisja tippersevera fl-isforz tagħha biex tkun dar u skola ta’ komunjoni, meta nnisslu dak li nieħu gost niddefenixxi bħala l-kultura tal-laqgħa!

 

Ix-xbieha tal-Preżentazzjoni tgħidilna li, ladarba mbierka mis-saċerdoti, it-Tfajla Verġni poġġiet fuq it-turġien ta’ l-altar u mbagħad, wieqfa fuq riġlejha, żifnet.  Jiġini f’moħħi l-ferħ li jinħass fix-xbihat tal-festa tat-tieġ, ta’ sħab l-għarus, ta’ l-għarusa mżejna bil-ġawhar tagħha.  Hu l-ferħ ta’ min sab teżor u ħalla kollox biex jikseb lilu.  Li tiltaqa’ mal-Mulej, tgħix fid-dar tiegħu, tieħu sehem fl-intimità miegħu, jimpenja mbagħad għat-tħabbira tas-Saltna u għat-twassil tas-salvazzjoni lil kulħadd.  Li nirfsu l-għatba tat-Tempju jitlob minna li bħal Marija ninbidlu f’tempji tal-Mulej u nimxu biex inwassluh lill-aħwa.  Il-Verġni, bħala l-ewwel dixxiplu missjunarju, wara t-taħbira ta’ l-Anġlu, telqet bla dewmien lejn raħal tal-Lhudija, biex taqsam dan il-ferħ hekk kbir, l-istess wieħed li ġagħal lil Ġwanni l-Battista jaqbeż f’ġuf ommu.  Min jisma’ l-leħen tagħha “jaqbeż bil-ferħ” u jsir hu wkoll predikatur tal-ferħ tagħha.  Il-ferħ ta’ l-evanġelizzazzjoni jċaqlaq lill-Knisja, jgħinha toħroġ, bħal Marija.

 

Anki jekk huma ħafna r-raġunijiet li jissemmew għat-trasferiment tas-santwarju ta’ Oyacachi lejn dan il-post, nieqaf fuq waħda partikulari: “Hawn hu u kien iżjed aċċessibbli, hu iżjed komdu u qrib għal kulħadd”.  Hekk fehem l-Arċisqof ta’ Quito, Fra Luis López de Solís, meta ordna li jinbena Santwarju li jista’ jiġbor u jilqa’ lil kulħadd fih.  Knisja li toħroġ hi Knisja li tersaq qrib tan-nies, li tadatta biex ma tibqax imbiegħda, li toħroġ mill-kumdità tagħha u għandha l-kuraġġ tilħaq il-periferiji kollha li għandhom bżonn tad-dawl tal-Vanġelu (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 20).

 

Nerġgħu lura issa għar-responsabbiltajiet tagħna, sfidati mill-Poplu qaddis li ġie fdat f’idejna.  Fost dawn, ma ninsewx nieħdu ħsieb, nanimaw u nedukaw id-devozzjoni popolari li tista’ tmissha b’idejk f’dan is-Santwarju u hi tant mifruxa f’ħafna pajjiżi ta’ l-Amerika Latina.  Il-poplu fidil għaraf jesprimi l-fidi bil-lingwaġġ tiegħu, juri s-sentimenti l-aktar profondi tiegħu ta’ wġigħ, dubju, ferħ, falliment, gratitudni b’diversi forom ta’ pjetà: purċissjonijiet, velji, fjuri, kant li jinbidlu f’espressjoni l-ġmiel tagħha ta’ fiduċja fil-Mulej u ta’ mħabba lejn Ommu, li hi wkoll l-Omm tagħna.

 

Fi Quinche, l-istorja tal-bnedmin u l-istorja ta’ Alla jissenslu fl-istorja ta’ mara, Marija.  U f’dar, id-dar tagħna, ommna l-art.  It-tradizzjonijiet ta’ dan it-titlu jevokaw is-siġar taċ-ċedru, l-orsijiet, il-fetħiet fil-blat li hawn kien l-ewwel dar ta’ Omm Alla.  Ikellmuna dwar il-passat ta’ għasafar li kienu dawru l-post, u dwar l-il-lum tal-fjuri li jsebbħu l-inħawi.  L-oriġni ta’ din id-devozzjoni jeħduna lura lejn żminijiet meta kienet iżjed sempliċi “l-armonija serena tagħna mal-ħolqien […] biex nikkontemplaw lill-Ħallieq, li jgħammar fostna u f’dak li għandna madwarna, u li l-preżenza tiegħu m’għandhiex tiġi vvintata, imma mikxufa, murija’ (Enċiklika Laudato sì, 225), imma li jidher fid-dinja maħluqa, f’Ibnu l-maħbub, fl-Ewkaristija li tippermetti lill-Insara li jħossuhom membri ħajja tal-Knisja u jieħdu sehem attiv fil-missjoni tagħha (ara Dokument ta’ Aparecida, 264), f’Sidtna Marija ta’ Quinche, li minn hawn sieħbet iż-żerniq ta’ l-ewwel tħabbira tal-fidi lill-popli indiġeni.  Lilha nafdaw is-sejħa tagħna; ħa tagħmel lil kull wieħed u waħda minna don għall-poplu tagħna, ħa tagħtina l-perseveranza fl-impenn u fil-ħeġġa biex noħorġu nwasslu l-Vanġelu ta’ Binha Ġesù – imxerkin mar-rgħajja tagħna – sa truf l-art, sal-periferiji ta’ l-għażiż Ekwador tagħna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard