Għeżież ħuti,

 

Ġejt Quito bħala pellegrin, biex naqsam magħkom il-ferħ ta’ l-evanġelizzazzjoni.  Wara li ħallejt il-Vatikan, għaddejt insellem ix-xbieha ta’ Santa Marjanna ta’ Ġesù, li mill-absidi tal-Bażilika ta’ San Pietru tħares fuq il-mixja li ħafna drabi jterraq il-Papa.  F’idejha wkoll fdajt il-frott ta’ dan il-vjaġġ, u tlabtha li lkoll kemm aħna nistgħu nitgħallmu mill-eżempju tagħha.  Is-sagrifiċċju tagħha u l-virtù erojka tagħha huma rrappreżentati minn ġilju.  Madankollu, fl-istatwa fuq wara tal-Bażilika ta’ San Pietru tidher b’mazz sħiħ ta’ ward f’idejha, għax flimkien ma’ dik tagħha, lill-Mulej toffrilu, fil-qalba tal-Knisja, il-ward tagħkom kollha, dak ta’ l-Ekwador kollu.

 

Il-qaddisin jistednuna nixbhuhom, noqogħdu fl-iskola tagħhom, kif għamlu Santa Narċisja ta’ Ġesù u l-Beata Merċede ta’ Ġesù Molina, imqanqla mill-eżempju ta’ Santa Marjanna.  Lil dawk kollha li qegħdin hawn il-lum u qed ibatu jew batew bħala ltiema, lil dawk li, anki jekk kienu għadhom żgħar ħafna, kellhom jieħdu ħsieb ta’ ħuthom, lil dawk li ta’ kuljum iħabirku biex jieħdu ħsieb tal-morda jew ta’ l-anzjani, ngħidilhom li hekk għamlet Santa Marjanna u f’dan xebhuha Narċisja u Merċede.  M’hix ħaġa diffiċli jekk Alla hu magħna.  Huma m’għamlux xi ħwejjeġ ta’ barra minn hawn f’għajnejn id-dinja.  Biss ħabbew ħafna u dan urewh fil-ħajja ta’ kuljum sa ma missew il-ġisem batut ta’ Kristu fil-poplu (ara l-Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 24).  U m’għamluhx waħidhom, imma flimkien ma’ oħrajn.

 

Biex seta’ jinbena dan il-katidral, ix-xogħol ta’ trasport, ta’ tinqix u ta’ bini sar skond id-drawwiet tagħna, dawk tal-popli Awtoktoni; xogħol ta’ kulħadd b’riżq il-komunità, xogħol anonimu, bla kartelluni pubbliċitarji jew applawsi.  Ħa jagħmel Alla li, bħall-ġebliet ta’ dan il-katidral, aħna wkoll nerfgħu fuq spallejna l-ħtiġijiet ta’ l-oħrajn, u ngħinu biex tinbena jew tiġi rrestawrata l-ħajja ta’ tant aħwa li m’għandhomx saħħa biex jibnuha huma jew rawha titfarrak biċċa biċċa.

 

Il-lum ninsab hawn magħkom, intom li qed taqsmu miegħi l-ferħ ta’ qalbkom: “Kemm huma sbieħ fuq il-muntanji r-riġlejn ta’ min iħabbar il-bxara, ta’ min ixandar is-sliem, ta’ min iħabbar ir-riżq” (Is 52:7).  Dan hu l-ġmiel li aħna msejħin inxerrdu, bħal fwieħa ta’ Kristu: it-talb tagħna, l-għemejjel tajba tagħna, is-sagrifiċċju tagħna għal dawk l-aktar fil-bżonn.  Hu l-ferħ ta’ l-evanġelizzazzjoni, u “jekk dawn il-ħwejjeġ tafuhom, henjin intom jekk tagħmluhom” (Ġw 13:17).

 

Il-Mulej iberikkom!

 


 

Kelmtejn tal-Qdusija Tiegħu wara ż-żjara lill-Katidral ta’ Quito:

 

Nagħti l-barka tiegħi lil kull wieħed u waħda minnkom, lill-familji tagħkom, lill-persuni kollha għeżież għalikom u lil dan il-poplu kbir u nobbli ta’ l-Ekwador, biex ma jkunx hemm differenzi, ma jkunx hemm esklużjoni, ma jintremewx persuni, ilkoll jgħixu bħal aħwa, kulħadd iħossu inkluż, u ħadd ma jitħalla barra minn dan il-pajjiż kbir Ekwadorjan.  Lil kull wieħed u waħda minnkom, lill-familji tagħkom, nagħti l-barka tiegħi.

 

Imma l-ewwel ejjew ngħidu s-Sliema flimkien.

 

[Sliema]

 

Il-barka ta’ Alla li jista’ kollox, il-Missier, u l-Iben, u l-Ispirtu s-Santu, tinżel fuqkom u tibqa’ dejjem magħkom.

 

U nitlobkom biex titolbu għalija.  Il-lejl it-tajjeb u għal għada.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard