Il-Kelma ta’ Alla tistedinna ngħixu fl-għaqda biex id-dinja temmen.

 

Qed nistħajjel dak li Ġesù lissen minn taħt l-ilsien fl-Aħħar Ċena bħala karba, f’din il-Quddiesa li qed niċċelebraw fil-Pjazza tal-Biċentenarju.  Nistħajluh flimkien.  Il-Biċentinarju ta’ dik l-għajta ta’ indipendenza ta’ l-Amerika ta’ lingwa Spanjola.  Din kienet għajta li tnisslet mill-għarfien tan-nuqqas ta’ libertà, l-għarfien li sfajna mgħattna u misruqa, “suġġetti għall-konvenjenzi li jinbidlu skond il-bżonn ta min ikun fil-poter” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 213).

 

Nixtieq li l-lum dawn iż-żewġ karbiet jingħaqdu flimkien taħt is-sinjal ta’ l-isfida ħelwa ta’ l-evanġelizzazzjoni.  Mhux bi kliem għoli, jew termini kkumplikati, imma f’armonija li titnissel “mill-ferħ tal-Vanġelu”, li “jimla l-qalb u l-ħajja kollha ta dawk li jiltaqgħu maĠesù.  Dawk li jħallu lilu jsalvahom, jinħelsu mid-dnub, min-niket, mill-vojt ġewwieni, mill-iżolament” (ibid., 1), mill-kuxjenza iżolata.  Aħna hawnhekk miġbura, ilkoll flimkien mal-mejda ma’ Ġesù, insiru karba, għajta kbira ħierġa mill-konvinzjoni li l-preżenza tiegħu tmexxina lejn l-għaqda u timmarka “xefaq sabiħ ikla mixtieqa” (ibid., 14).

 

“Missier, ħa jkunu lkoll ħaġa waħda biex id-dinja temmen” (ara Ġw 17:21): hekk Ġesù esprima x-xewqa tiegħu b’ħarstu lejn is-Sema.  Mill-qalb ta’ Ġesù toħroġ din it-talba, f’kuntest ta’ missjoni: “Kif int bgħatt lili fid-dinja, hekk jien nibgħat lilhom fid-dinja” (Ġw 17:18).  F’dak il-ħin, il-Mulej qed iġarrab f’ġismu stess il-ħażen ta’ din id-dinja, li safrattant iħobbha bi mħabba tal-ġenn: intrigi, sfiduċja, tradiment, imma ma jinħebiex, ma jgergirx.  Anki aħna l-lum ta’ kuljum qed ngħixu f’dinja mifnija mill-gwerer u l-vjolenza.  Nibqgħu wisq fuq il-qoxra jekk inżommu li l-firda u l-mibegħda jolqtu biss it-tensjonijiet bejn il-pajjiżi jew il-gruppi soċjali.  Fir-realtà, huma manifestazzjonijiet ta’ dak l-“individwaliżmu mifrux” li jifridna bejnietna u jġibna wieħed kontra l-ieħor (ara l-Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 99), frott il-ġerħa tad-dnub fil-qalb tal-persuni, li l-konsegwenzi tagħha jixterdu wkoll fuq is-soċjetà u fuq il-ħolqien kollu.  Hu sewwa sew f’din id-dinja li qed tisfidana, bl-egoiżmi tagħha, li Ġesù jibgħatna, u t-tweġiba tagħna ma tistax tkun li nagħmlu tabirruħna m’hu jiġri xejn, li nsostnu li m’għandniex il-mezzi jew li r-realtà hi ’l fuq minna.  It-tweġiba tagħna għandha tkun eku tal-karba ta’ Ġesù u jeħtieġ tilqa’ l-grazzja u l-ħidma favur l-għaqda.

 

Dik l-għajta ta’ libertà li nstemgħet b’qawwa ftit iżjed minn mitejn sena ilu ma kinitx nieqsa la mill-konvinzjonijiet u lanqas mill-qawwa, imma l-istorja tgħidilna li kienet deċiżiva biss meta warrbet għall-ġenb il-personaliżmi, l-aspirazzjoni għal awtorità waħda, in-nuqqas ta’ għarfien ta’ proċessi oħra ta’ liberazzjoni b’karatteristiċi diversi, imma mhux antagonisti għal xulxin.

 

U l-evanġelizzazzjoni tista’ tkun strument ta’ għaqda, ta’ sensibbiltà, ta’ ħolm u saħansitra ta’ ċerti utopiji.  Żgur tista’ tkun hekk u dan na nemmnuh u ngħajtuh.  Diġà sibt l-okkażjoni biex ngħid: “Waqt li fid-dinja, speċjalment fxi pajjiżi, qed jerġgħu jitfaċċaw bosta forom tagwerer u kunflitti, aħna l-Insara nibqgħu ninsistu fuq il-proposta li nsiru nafu lill-persuna l-oħra, li ndewwu l-ġrieħi, li nibnu l-pontijiet, li nibnu relazzjonijiet u ngħinu lil xulxin, ‘nerfgħu t-tagħbija taxulxin’” (ibid., 67).  Ix-xenqa għall-għaqda titlob il-ferħ ħelu u farrâġi ta’ l-evanġelizzazzjoni, il-konvinzjoni li għandna ġid kbir x’ngħaddu lill-oħrajn, u li, ladarba nwassluh, jagħmel l-għeruq; u kull persuna li għexet din l-esperjenza tikseb sensibbiltà iżjed għolja għall-ħtiġijiet ta’ l-oħrajn (ara ibid., 9).  Minn hawn, il-ħtieġa li nissieltu għall-inklużjoni fuq kull livell!  U nevitaw l-egoiżmu, billi nippromovu l-komunikazzjoni u d-djalogu, ninċentivaw il-kollaborazzjoni.  “Jeħtieġ nafdaw ruħna f’idejn seħibna fit-triq mingħajr ebda suspetti, mingħajr xettiċiżmu  Li nafdaw ruħna f’idejn l-ieħor hi sengħa, il-paċi hi sengħa” (ibid., 244).  Ma tista’ qatt tiddi l-għaqda jekk il-mondanità spiritwali żżommna dejjem fi gwerra bejnietna, fit-tiftixa sterili għall-poter, il-prestiġju, il-pjaċir u ċ-ċertezza ekonomika.  U dan minn fuq dahar l-iżjed foqra, l-iżjed imwarrba, dawk li l-inqas għandhom min jiddefendihom, dawk li ma jitilfux id-dinjità tagħhom minkejja l-fatt li kuljum qed tisfa mġarrba.

 

Din l-għaqda hi diġà azzjoni missjunarja “biex id-dinja temmen”.  L-evanġelizzazzjoni ma tfissirx li nagħmlu proselitiżmu – il-proselitiżmu hu karikatura ta’ l-evanġelizzazzjoni – imma li niġbdu lil dawk li huma mbiegħda bix-xhieda tagħna, billi umilment noqorbu lejn dawk li jħossuhom imbegħdin minn Alla u mill-Knisja, noqorbu lejn dawk li jħossuhom iġġudikati u kkundannati minn qabel minn dawk li jħossuhom perfetti u puri.  Nersqu qrib lejn dawk li jibżgħu jew lejn l-indifferenti biex ngħidulhom: “Il-Mulej qed isejjaħ lilek ukoll biex tagħmel sehem mill-poplu tiegħu u dan jagħmlu brispett u mħabba kbira!” (ibid., 113).  Għax Alla tagħna jirrispettana saħansitra fil-baxx u d-dnub tagħna.  B’liema umiltà u b’liema rispett it-test ta’ l-Apokalissi jiddeskrivi din is-sejħa tal-Mulej: Qed tara?  Ninsab wara l-bieb u qed inħabbat; jekk trid tiftaħ…; ma jisfurzax, ma jkissirx is-serratura, sempliċement idoqq il-qanpiena, iħabbat bil-ħlewwa u jistenna.  Dan hu Alla tagħna!

 

Il-missjoni tal-Knisja, bħala sagrament ta’ salvazzjoni, hi koerenti ma’ l-identità tagħha ta’ Poplu li jinsab f’mixja, bis-sejħa li fl-iżvilupp tagħha ddaħħal il-ġnus kollha ta’ l-art.

 

Iżjed ma hi intensa l-komunjoni bejnietna, iktar tħalli frott il-missjoni (ara Ġwanni Pawlu II, Pastores gregis, 22).  Jekk irridu lill-Knisja fi stat ta’ missjoni hemm bżonn noħolqu mill-ġdid il-komunjoni, u għalhekk m’aħniex nitkellmu biss fuq azzjoni lejn l-estern; aħna missjunarji sew lejn l-intern u sew lejn l-estern billi nidhru kif tidher “omm li toħroġ tiltaqa’, dar li tilqa’, skola permanenti ta’ komunjoni missjunarja” (Dokument ta’ Aparecida, 370).

 

Din il-ħolma ta’ Ġesù hi possibbli għax hu kkonsagrana: “U jien minħabba fihom nagħti ħajti, biex huma wkoll ikunu mqaddsin permezz tal-verità” (Ġw 17:19).  Il-ħajja spiritwali ta’ l-evaġelizzatur titwieled minn din il-verità hekk profonda, li ma rridux nifxluha ma’ xi mumenti reliġjużi li joffru ċertu serħan – spiritwalità pjuttost mifruxa –; Ġesù jikkonsagrana biex infittxu dik il-laqgħa tagħna miegħU, wiċċ imb’wiċċ, laqgħa li mbagħad twassal għal-laqgħa tagħna ma’ l-oħrajn, l-impenn fid-dinja, il-passjoni evanġelizzatriċi (ara l-Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 78).

 

L-intimità ta’ Alla, li aħna ma nistgħux nifhmuha, tidher quddiemna bi xbihat li jkellmuna fuq komunjoni, komunikazzjoni, għotja, imħabba.  Għalhekk l-għaqda li jitlob minna Ġesù m’hix uniformità imma l-“armonija ta’ ħafna forom li tiġbed lejha” (ibid., 117).  L-għana immens ta’ dak li hu differenti, il-ħafna li jsir ħaġa waħda kull darba li nfakkru dak il-Ħamis ix-Xirka, ibegħidna mit-tentazzjoni ta’ proposti integralisti, iktar jixbhu xi dittatura, ideoloġija jew settarjaniżmu.  Il-proposta ta’ Ġesù hi konkreta: “Mur u agħmel hekk int ukoll”, jgħid lil dak ir-raġel li jistaqsih: “U l-proxxmu tiegħi min hu?”, wara li kien irrakkuntalu l-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb: “Mur u agħmel l-istess”.

 

Il-proposta ta’ Ġesù lanqas ma hi xi tibdil għall-aħjar skond il-kejl tagħna, fejn huwa aħna li nagħmlu l-kundizzjonijiet, nagħżlu l-partijiet u neskludu oħrajn.  Reliġjożità ta’ l-élite…  Ġesù jitlob li aħna nagħmlu parti minn familja kbira, fejn Alla hu Missier tagħna u aħna lkoll aħwa.  Ħadd ma jitħalla barra, u dan m’hux għax aħna jkollna l-istess gosti, l-istess preokkupazzjonijiet, l-istess talenti.  Aħna aħwa għax, għall-imħabba tiegħu, Alla ħalaqna u ppredestinana, b’inizjattiva pura tiegħu, biex inkunu wliedu (ara Efes 1:5).  Aħna aħwa għax “Alla bagħat l-Ispirtu ta’ Ibnu f’qalbna jgħajjat: ‘Abbà!  Missier’” (Gal 4:6).  Aħna aħwa għax, iġġustifikati mid-demm ta’ Kristu Ġesù (ara Rum 5:9), għaddejna mill-mewt għall-ħajja billi sirna “werrieta flimkien miegħu” tal-wegħda (ara Gal 3:26-29; Rum 8:17).  Din hi s-salvazzjoni li Alla jwettaq u li l-Knisja xxandar bil-ferħ: li nagħmlu parti minn “aħna” li jwassal għall-“aħna” divin.

 

L-għajta tagħna, f’dan il-post li jfakkar dik l-ewwel karba ta’ libertà, twettaq il-lum dik ta’ San Pawl: “Għajb għalija jekk ma nxandarx il-Vanġelu!” (1 Kor 9:16).  Hi hekk urġenti u tagħfas fuqna bħal dik li fiha dehret ix-xewqa kbira għall-indipendenza.  Għandha faxxinu simili, għandha l-istess nar li jiġbed lejh.  Ħuti, ħa jkollkom l-istess sentimenti ta’ Ġesù!  Kunu xhieda ta’ komunjoni bejn l-aħwa li ssir dawl jixgħel!

 

U kemm kienet tkun ħaġa sabiħa kieku kulħadd seta’ jammira kif aħna nieħdu ħsieb ta’ xulxin, kif infarrġu lil xulxin u kif insieħbu lil xulxin!  Id-don tagħna nfusna hu dak li jagħmel ir-relazzjoni interpersonali li ma ssirx billi nagħtu l-“affarijiet”, imma billi nagħtu lilna nfusna.  F’kull għotja wieħed joffri lilu nnifsu.  “Ningħataw” ifisser inħallu taħdem fina l-qawwa ta’ l-imħabba li hu l-Ispirtu ta’ Alla u  hekk ninfetħu għall-qawwa tiegħu li toħloq.  U ningħataw anki fil-waqtiet l-aktar iebsin, bħal f’dak Ħamis ix-Xirka ta’ Ġesù li fih Hu kien jaf li qed jintisġu t-tradimenti u l-intrigi, imma ngħata, ta lilu nnifsu, ingħata għalina bil-pjan tiegħu ta’ salvazzjoni.  Il-bniedem, meta jingħata, jiltaqa’ mill-ġdid miegħu nnifsu, bl-identità vera tiegħu ta’ iben ta’ Alla, li jixbah lill-Missier u, f’komunjoni miegħU, jagħti l-ħajja, ħu Ġesù, li tiegħu jagħti xhieda.  Hekk ifisser tevanġelizza, dik hi r-rivoluzzjoni tagħna – għax il-fidi tagħna hi dejjem rivoluzzjonarja – dan hi l-għajta l-aktar profonda u kostanti tagħna.

 


 

Kelmtejn spontanji fi tmiem il-Quddiesa

 

Għeżież ħuti,

 

Grazzi ta’ din iċ-ċelebrazzjoni, talli nġbarna hawn madwar l-altar tal-Mulej, li qed jitlobna nkunu ħaġa waħda, li nkunu tassew aħwa, li l-Knisja tkun dar ta’ l-aħwa.  Il-Mulej iberikkom.  U nitlobkom ma tinsewx titolbu għalija.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard