Is-silta tal-Vanġelu li għadna kemm smajna (Ġw 2:1-11) fiha l-ewwel sinjal ta’ l-għaġeb li nsibu fir-rakkont tal-Vanġelu ta’ Ġwanni.  It-tħassib ta’ Marija jinbidel f’talba lil Ġesù: “M’għandhomx inbid” – tgħidlu, u r-riferiment għas-“siegħa” nifhmuh biss iktar tard, fir-rakkonti tal-Passjoni.

 

U mnalla hu hekk, għax b’hekk nistgħu nifhmu l-ħeġġa ta’ Ġesù biex jgħallem, jakkumpanja, ifejjaq u jferraħ fid-dawl ta’ dik it-talba ta’ ommu: “Ma baqgħalhomx inbid”.

 

It-tieġ ta’ Kana għadu jiġġedded f’kull ġenerazzjoni, f’kull familja, f’kull wieħed u waħda minna u fl-isforzi tagħna biex qalbna jirnexxielha ssib stabbiltà f’relazzjonijiet ta’ mħabba fit-tul, li jħallu l-frott, hienja.  Nagħmlu wisa’ lil Marija, “l-omm”, kif jafferma l-Evanġelista.  U issa ejjew interrqu magħha l-mixja ta’ Kana.

 

Marija hi attenta, hi attenta matul dik il-festa tat-tieġ li kienet ġa bdiet, moħħha f’dak li għandhom bżonn l-għarajjes miżżewġa.  Ma tingħalaqx fiha nfisha, ħsiebha fid-dinja tagħha; anzi, l-imħabba tagħmilha “preżenti” għall-oħrajn.  Lanqas ma tmur tfittex lil sħabha nisa biex joqogħdu jikkummentaw fuq x’inhu għaddej u jikkritikaw il-preparazzjoni fjakka għal dak it-tieġ.  U għax hi attenta, bid-diskrezzjoni tagħha, tintebaħ li naqashom l-inbid.  L-inbid hu sinjal ta’ ferħ, ta’ mħabba, ta’ abbundanza.  Kemm adolexxenti u żgħażagħ jintebħu li fid-djar tagħhom issa ilu sew li naqas l-inbid!  Kemm nisa waħidhom u mdejqa qed jistaqsu meta kien li spiċċat l-imħabba, meta kien li l-imħabba sfaxxat ħelu ħelu minn ħajjithom!  Kemm anzjani qed iħossu li tħallew barra mill-festi tat-tieġ tal-familji tagħhom, mitluqa f’xi rokna u mingħajr dak in-nutriment ta’ l-imħabba ta’ kuljum ta’ wliedhom, tan-neputijiet tagħhom, tal-pro-neputijiet!  In-nuqqas ta’ dak l-inbid jista’ jkun ukoll il-konsegwenza tan-nuqqas ta’ xogħol, tal-mard, tas-sitwazzjonijiet problematiċi li għaddejjin minnhom il-familji tagħna fid-dinja kollha.  Marija m’hix xi waħda li “tippretendiha” ta’ omm, lanqas m’hi xi kunjata li toqgħod tgħasses u tieħu gost bin-nuqqas ta’ esperjenza tagħna, bl-iżbalji tagħna jew bit-traskuraġni tagħna.  Marija hi sempliċement omm!  Hi preżenti, attenta u ħsiebha fina.  Kemm hu sabiħ li nisimgħu dan: Marija hi Omm.  Tippruvaw tgħiduha lkoll miegħi?  Isa: Marija hi Omm!  Għal darb’oħra: Marija hi Omm!  Mill-ġdid: Marija hi Omm!

 

Imma Marija, f’dak il-mument li fih intebħet li naqas l-inbid, iddur b’fiduċja fuq Ġesù.  Dan ifisser li Marija titlob.  Ma tmurx għand dak li jieħu ħsieb il-mejda, imma tressaq direttament id-diffikultà tal-miżżewġin ġodda lil Binha.  It-tweġiba li tirċievi donnha taqtagħlek qalbek: “Aħna x’għandna x’naqsmu, mara?  Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx” (v. 4).  Imma sadattant hi tqiegħed il-problema f’idejn Alla.  L-attenzjoni tagħha għall-ħtiġijiet ta’ l-oħrajn tiġi qabel “is-siegħa” ta’ Alla.  U Marija hi parti minn dik is-siegħa, mill-maxtura sa fuq is-salib.  Hi li “għar ta’ l-annimali taf tibdlu f’dar għal Ġesù, bi ftit faxex fqajra u ħafna ħlewwa” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 286), u laqgħetna bħala wliedha meta sejf nifdilha qalbha.  Hi tgħallimna nqiegħdu l-familji tagħna f’idejn Alla; tgħallimna nitolbu, u tqawwi fina t-tama li turina li l-inkwiet tagħna hu wkoll l-inkwiet ta’ Alla.

 

U t-talb dejjem jgħinna naqbżu l-ħajt li jdawwar it-tħassib tagħna, jeħodna lil hemm minn dak li jġagħilna nbatu, dak li jinkwetana jew li jonqosna, u jgħinna nidħlu fiż-żarbun ta’ l-oħrajn.  Il-familja hi skola fejn it-talb ifakkarna wkoll li jeżisti l-“aħna”, li jeżisti l-proxxmu tagħna, li jidher, li jgħix taħt l-istess saqaf magħna, li jaqsam magħna l-ħajja u għandu wkoll il-bżonnijiet tiegħu.

 

U, fl-aħħar nett, Marija taġixxi.  Il-kelmiet “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu” (v. 5) lill-qaddejja, huma stedina lilna wkoll, biex nagħmlu dak li jitlob minna Ġesù, li ġie biex jaqdi u mhux biex ikun moqdi.  Il-qadi hu l-kriterju ta’ l-imħabba vera.  Min iħobb, jaqdi, jingħata f’servizz lill-oħrajn.  U dan nitgħallmuh l-aktar fil-familja, fejn bi mħabba nsiru qaddejja ta’ xulxin.  Fi ħdan il-familja, ħadd m’hu mħolli barra, kulħadd jiswa l-istess.  Niftakar li darba staqsew lil ommi min mill-ħames uliedha – għax aħna ħamest aħwa niltaqgħu – lil min kienet tħobb l-iżjed mill-ħames uliedha.  U hi wieġbet [juri jdejh]: “Bħas-subgħajn, jekk jolqtuli dan, juġagħni daqs kieku jolqtuli dan”.  L-omm lil uliedha tħobbhom kif inhuma.  U f’familja l-aħwa jinħabbu kif inhuma.  Ħadd m’hu mormi.

 

Hemm fil-familja “nitgħallmu nitolbu permess bla ma nkunu arroganti, illissnu ‘grazzi’ bħala espressjoni ta’ apprezzament sinċier għal dak li nirċievu, naħkmu fuq l-aggressività u r-regħba tagħna, u nitolbu skuża meta nagħmlu xi ħaġa ħażina.  Dawn il-ġesti ċkejknin ta’ edukazzjoni u ħlewwa sinċiera jgħinuna nibnu kultura tal-ħajja li ngħixuha ma’ l-oħrajn u ta’ rispett għal kull ma għandna madwarna” (Enċiklika Laudato sì, 213).  Il-familja hi l-eqreb sptar: meta wieħed jimrad, hemm jikkurawh, sakemm ikun possibbli.  Il-familja hi l-ewwel skola għat-tfal, hi l-punt ta’ riferiment essenzjali għaż-żgħażagħ, hi l-aqwa kenn għall-anzjani.  Il-familja hi dak l-għana kbir soċjali li istituzzjonijiet oħra ma jistgħux jeħdulu postu, li għandu jiġi megħjun u msaħħaħ, biex hekk ma jintilef qatt is-sens ġust tas-servizzi li s-soċjetà tagħti liċ-ċittadini tagħha.  Fil-fatt, dawn is-servizzi li s-soċjetà tagħti liċ-ċittadini tagħna m’humiex xi forma ta’ karità, imma “dejn soċjali” awtentiku fil-konfront ta’ l-istituzzjoni tal-familja, li hi l-bażi tagħha u li twassal għal tant ġid komuni.

 

Il-familja ssawwar ukoll Knisja ċkejkna, isejħulha “Knisja domestika”, li, barra li tagħti l-ħajja, tittrasmetti l-ħlewwa u l-ħniena divina.  Fil-familja l-fidi titħallat mal-ħalib ta’ l-omm: meta nħossu l-imħabba tal-ġenituri, inħossu iktar qrib tagħna l-imħabba ta’ Alla.

 

U fil-familja – aħna lkoll xhieda ta’ dan – il-mirakli jsiru b’dak li hemm, b’dak li aħna, b’dak li wieħed ikollu f’idejh; u ħafna drabi dan ma jkunx l-ideal, ma jkunx dak li noħolmu u lanqas dak li “għandu jkun”.  Hemm dettall li għandu jagħtina fuqiex naħsbu: l-inbid ġdid, dak l-inbid hekk bnin kif jgħid sid il-mejda fit-tieġ ta’ Kana, ġej mill-ġarar tat-tisfija, jiġifieri, mill-post fejn kulħadd ħalla d-dnub tiegħu; ġej mill-eħżen: “fejn kotor id-dnub, kotrot fuq li kotrot il-grazzja” (Rum 5:20).  F’kull waħda mill-familji tagħna u fil-familja komuni li lkoll nagħmlu parti minnha, xejn ma jintrema, xejn m’hu bla siwi.  Ftit qabel ma tibda s-Sena Ġubilari tal-Ħniena, il-Knisja sa tiċċelebra s-Sinodu Ordinarju ddedikat lill-familji, biex timmatura f’dixxerniment veru spiritwali u ssib soluzzjonijiet u għajnuniet konkreti għall-ħafna diffikultajiet u sfidi importanti li l-familja l-lum trid tħabbat wiċċha magħhom.  Nistedinkom iżżidu fit-talb tagħkom skond din il-fehma, biex anki dak li f’għajnejna jidher impur – bħall-ilma f’dawk il-ġarar –, li jiskandalizzana jew ibeżżagħna, Alla – x’ħin jgħaddih mis-“siegħa” tiegħu – jibdlu f’miraklu.  Il-familja l-lum għandha bżonn ta’ dan il-miraklu.

 

Din l-istorja kollha bdiet għax “ma kellhomx iżjed inbid”, u dan kollu seta’ jitwettaq għax kien hemm mara – il-Verġni Mbierka – li kienet attenta, għarfet tqiegħed l-inkwiet tagħha f’idejn Alla, u mxiet b’għerf u b’kuraġġ.  Imma hemm dettall, li mhux ta’ b’xejn li hu l-fatt aħħari: daqu l-inbid itjeb.  U din hi l-aħbar it-tajba: l-inbid it-tajjeb għadu jrid jinxtorob, l-aktar realtà bnina, profonda u sabiħa għall-familja għad trid tasal.  Ġej iż-żmien li fih għad niggustaw l-imħabba ta’ kuljum, fejn uliedna jiskopru mill-ġdid l-ispazju li flimkien naqsmu u l-anzjani jkunu preżenti fil-ferħ ta’ kuljum.  L-inbid it-tajjeb qiegħed ‘fit-tama’, għadu ġej għal kull persuna li tilqa’ r-riskju li tħobb.  U fil-familja hemm bżonn nirriskjaw li nħobbu, hemm bżonn nistagħnu bl-imħabba ta’ xulxin.  U l-aqwa fost l-inbejjed kollha għadu jrid jasal, imqar jekk il-varjabbli u l-istatistiċi kollha qed jgħidulna bil-kontra.  L-aqwa nbid għadu ġej għal dawk li l-lum qed jaraw kollox jikkrolla.  Għiduh lilkom infuskom sakemm tibdew temmnu fih: l-aqwa nbid għadu ġej.  Għiduh minn taħt l-ilsien lil kull persuna fil-qalb tagħha: l-aqwa nbid għadu ġej.  U għiduh lil dawk ta’ qalbhom maqtugħa u lil dawk li ftit għandhom imħabba: stabru, ittamaw, agħmlu bħal Marija, itolbu, aġixxu, iftħu qalbkom, għax l-aqwa fost l-inbejjed għadu ġej.  Alla dejjem jersaq qrib tal-periferiji ta’ dawk li spiċċalhom l-inbid, ta’ dawk li l-uniku xorb tagħhom hu l-qtigħ il-qalb; Ġesù jippreferi jferra’ l-aqwa nbid lil dawk li għal xi raġuni jew oħra qed iħossu li tkissrulhom il-ġarar kollha.

 

Kif tistedinna nagħmlu Marija, ħa nagħmlu “dak li jgħidilna Alla” (ara Ġw 2:5).  Agħmlu dak li jgħidilkom Hu.  U nkunu grati li fi żmienna u f’din is-siegħa tagħna, l-inbid il-ġdid, l-aqwa nbid, sa jagħtina mill-ġdid il-ferħ fil-familja, il-ferħ li ngħixu fil-familja.  Hekk ikun.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard