Bażilika tal-Qabar Imqaddes, Ġerusalemm

Il-Ħadd 25 ta’ Mejju 2014

 

Santità, għeżież Isqfijiet ħuti, għeżież ħuti,

 

F’din il-Bażilika, li lejha kull Nisrani jħares b’qima kbira, jilħaq il-qofol tiegħu l-pellegrinaġġ li qed nagħmel flimkien ma’ ħija l-maħbub fi Kristu, il-Qdusija Tiegħu Bartilmew.  Qed nagħmluh fuq il-passi tal-predeċessuri meqjuma tagħna, il-Papa Pawlu VI u l-Patrijarka Atenagora, li, b’kuraġġ u b’doċilità għall-Ispirtu s-Santu, ħamsin sena ilu, fil-Belt qaddisa ta’ Ġerusalemm, wettqu l-laqgħa storika bejn l-Isqof ta’ Ruma u l-Patrijarka ta’ Kostantinopli.  Insellem minn qalbi lilkom ilkoll hawn preżenti.  B’mod partikulari, tabilħaqq irrodd ħajr, talli għamel possibbli dan il-mument, lill-Beatitudni Tiegħu Teofilu, li għoġbu jagħmlilna kelmtejn sbieħ ta’ merħba, kif ukoll lill-Beatitudni Tiegħu Nourhan Manoogian u lir-Reverendu Patri Pierbattista Pizzaballa. 

 

Hi grazzja straordinarja għalina li ninsabu miġbura fit-talb hawnhekk.  Il-Qabar vojt, dak il-qabar ġdid fil-ġnien, fejn Ġużeppi ta’ Arimatija b’qima kien qiegħed il-ġisem ta’ Ġesù, hu l-post li minnu titlaq il-bxara tal-Qawmien: “Tibżgħu xejn intom, għax jiena naf li qegħdin tfittxu lil Ġesù li kien imsallab.  M’huwiex hawn, għaliex qam, kif kien qal.  Ejjew araw il-post fejn kien qiegħed.  U morru malajr għidu lid-dixxipli tiegħu li hu qam mill-imwiet” (Mt 28:5-7).  Din il-bxara, imwettqa mix-xhieda ta’ dawk li lilhom deher Kristu Rxoxt, hi l-qalba tal-messaġġ Nisrani, mgħoddi fedelment minn ġenerazzjoni għall-oħra, kif sa mill-bidu jixhed l-Appostlu Pawlu: “Qabel xejn, jien għallimtkom dak li tgħallimt jien, jiġifieri, li Kristu miet minħabba dnubietna, skond l-Iskrittura; difnuh u qam mill-imwiet fit-tielet jum, skond l-Iskrittura” (1 Kor 15:3-4).  Din hi l-bażi tal-fidi li tgħaqqadna, li biha nistqarru li Ġesù Kristu, l-Iben il-waħdieni tal-Missier u l-Mulej waħdieni tagħna, “bata l-ħaqq taħt Ponzju Pilatu, sallbuh, miet u difnuh; niżel il-Limbu; mat-tielet jum qam minn bejn l-imwiet” (Kredu ta’ l-Appostli).  Kull wieħed u waħda minna, kull imgħammed fi Kristu, hu spiritwalment imqajjem minn ġo dan il-qabar, għax fil-Magħmudija lkoll kemm aħna ġejna tabilħaqq imwaħħda fil-ġisem ta’ l-Ewwel Wieħed fost il-ħlejjaq kollha, midfuna flimkien miegħU, biex miegħU stajna nqumu u nimxu f’ħajja ġdida (ara Rum 6:4).

 

Ejjew nilqgħu l-grazzja speċjali ta’ dan il-mument.  Nieqfu għal ftit f’ġabra qaddisa f’riġlejn il-qabar vojt, biex niskopru mill-ġdid il-kobor tas-sejħa Nisranija tagħna: aħna rġiel u nisa tal-Qawmien, mhux tal-mewt.  Minn dan l-imkien, nitgħallmu ngħixu l-ħajja tagħna, it-taħbit tal-Knejjes tagħna u tad-dinja kollha f’dawl il-għodwa ta’ l-Għid.  Kull ġerħa, kull tbatija, kull uġigħ, refagħhom fuq spallejh stess ir-Ragħaj it-Tajjeb, li offra lilu nnifsu u bis-sagrifiċċju tiegħu fetħilna t-triq għall-ħajja ta’ dejjem.  Il-pjagi tiegħu miftuħa huma bħall-mogħdija li minnha tinżel tiġri fuq id-dinja n-nixxiegħa tal-ħniena tiegħu.  Ma nħallux lil min jisirqilna l-bażi tat-tama tagħna, li hi propju din: Christòs anesti!  Ejjew ma nċaħħdux lid-dinja mill-bxara hienja tal-Qawmien!  U ma nibqgħux torox għas-sejħa qawwija għall-għaqda li ħierġa tidwi propju minn dan il-post, fil-kliem ta’ Dak li, Rebbieħ fuq il-mewt, isejjaħ lilna lkoll “ħuti” (ara Mt 28:10; Ġw 20:17).

 

Bla dubju, ma nistgħux niċħdu l-firdiet li għad hemm bejnietna, id-dixxipli ta’ Ġesù: dan l-imkien qaddis b’uġigħ ikbar ta’ qalb jiġbdilna l-attenzjoni dwar din il-qagħda drammatika.  Minkejja dan, ħamsin sena wara t-tgħanniqa ta’ dawk iż-żewġ Missirijiet għeżież, nagħrfu bi gratitudni u għoġba mġedda kif kien possibbli għalina, misjuqa mill-Ispirtu s-Santu, immiddu passi tassew importanti lejn l-għaqda.  Nafu li fadal biċċa triq sew xi nterrqu biex nilħqu dik il-milja tal-komunjoni li tista’ tesprimi ruħha anki fil-qsim mill-istess Mejda Ewkaristika, kif b’qalb imħeġġa nixtiequ tassew; imma d-diverġenzi m’għandhomx ibeżżgħuna u jipparalizzaw il-mixja tagħna.  Jeħtieġ nemmnu li, kif ġiet imgerrba l-blata ta’ quddiem il-qabar, hekk jista’ jitneħħa x-xkiel kollu li għadu qed ifixkel il-komunjoni sħiħa bejnietna.  Tkun grazzja ta’ qawmien, li mil-lum diġà nistgħu nduqu.  Kull darba li nitolbu maħfra lil xulxin għad-dnubiet imwettqa fil-konfront ta’ Nsara oħra u kull darba li nsibu l-kuraġġ nagħtu u nilqgħu din il-maħfra, aħna nagħmlu esperjenza tal-Qawmien!  Kull darba li negħlbu l-preġudizzji qodma u nsibu l-kuraġġ li nippromovu relazzjonijiet ġodda bejn l-aħwa, aħna nkunu nistqarru li Kristu qam tassew!  Kull darba li naħsbu fil-futur tal-Knisja billi nitilqu mill-vokazzjoni tagħha għall-għaqda, jilma b’qawwietu d-dawl ta’ l-għodwa ta’ l-Għid!  F’dan ir-rigward, nixtieq inġedded l-awgurju diġà mlissen mill-Predeċessuri tiegħi, li jinżamm djalogu ma’ l-aħwa kollha fi Kristu biex tinstab forma ta’ tħaddim tal-ministeru propju ta’ l-Isqof ta’ Ruma li, fi qbil mal-missjoni tiegħu, tinfetaħ għal sitwazzjoni ġdida u tista’ tkun, fil-kuntest tal-lum, servizz ta’ mħabba u ta’ komunjoni rikonoxxut minn kulħadd (ara Ġwanni Pawlu II, Enċiklika Ut unum sint, 95-96). 

 

Waqt li nieqfu għal ftit pellegrini f’dawn l-Imkejjen imqaddsa, fit-talb tagħna niftakru fir-reġjun kollu tal-Lvant Nofsani, sfortunatament tant spiss immarkat minn vjolenzi u kunflitti.  U ma ninsewx fit-talb tagħna tant irġiel u nisa oħra li, f’bosta rkejjen tal-pjaneta, qed ibatu minħabba l-gwerra, il-faqar, il-ġuħ; l-istess bħall-bosta Nsara ppersegwitati għall-fidi tagħhom fi Kristu Rxoxt.  Meta Nsara ta’ diversi konfessjonijiet isibu ruħhom qed ibatu flimkien, wieħed ħdejn l-ieħor, u bi mħabba fraterna jgħinu lil xulxin, jitwettaq ekumeniżmu tat-tbatija, jitwettaq l-ekumeniżmu tad-demm, li għandu effikaċja partikulari mhux biss fil-kuntesti li fihom iseħħ, imma, bil-merti miksuba mix-xirka tal-qaddisin, għall-Knisja kollha wkoll.  Dawk li b’mibegħda lejn il-fidi joqtlu, jippersegwitaw lill-Insara, ma joqogħdux jistaqsuhom jekk humiex Ortodossi jew Kattoliċi: huma Nsara.  Id-demm Nisrani hu l-istess.

 

Santità, maħbub Ħija, għeżież ħuti kollha, inwarrbu għall-ġenb id-dubji li writna mill-imgħoddi u niftħu qalbna għall-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu, l-Ispirtu ta’ l-Imħabba (ara Rum 5:5), biex nistgħu nimxu flimkien b’pass imgħaġġel lejn il-jum imbierek tal-komunjoni sħiħa mill-ġdid.  Tul din il-mixja nħossuna mwieżna mit-talba li, f’din il-Belt, lejlet il-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu, Ġesù nnifsu għolla quddiem il-Missier għad-dixxipli tiegħu, u li ma negħjew qatt bl-umiltà kollha nagħmluha tagħna: “Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni” (Ġw 17:21).  U meta l-firda tagħmilna pessimisti, ftit li xejn kuraġġjużi, qalbna maqtugħa, inħaffu lkoll nistkennu taħt il-mant ta’ l-Omm Qaddisa ta’ Alla.  Meta fir-ruħ Nisranija jkun hemm it-taqlib spiritwali, taħt il-mant ta’ l-Omm Qaddisa ta’ Alla biss nistgħu nsibu l-paċi.  Ħa tkun Hi li tgħinna f’din il-mixja.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard