Diskors tal-Qdusija Tiegħu

 

Il-Mulej qam, qam tassew! [Al Massih kam, bilhakika kam!]

 

Santità, Ħija l-għażiż,

 

M’ilhiex li għaddiet is-Solennità tal-Għid, il-qalba tal-ħajja Nisranija, li din is-sena kellna x-xorti li niċċelebraw fl-istess jum. Hekk ipproklamajna b’vuċi waħda t-tħabbira tal-Qawmien, u rġajna għexna, f’ċertu sens, l-esperjenza tal-ewwel dixxipli, li f’dak il-jum flimkien “ferħu xħin raw lill-Mulej” (Ġw 20:20). Dan il-ferħ tal-Għid illum ikompli jissebbaħ bid-don tal-qima li fit-talb qed nagħtu flimkien lill-Irxoxt u fil-qsim mill-ġdid, f’ismu, tal-bewsa qaddisa u t-tgħanniqa tas-sliem. Inħossni hekk grat ta’ dan: wasalt hawn bħala pellegrin, konvint li se nirċievi l-barka ta’ Ħija li kien qed jistennieni. Kbira kienet ix-xewqa li nerġgħu niltaqgħu: fil-fatt għadni ngħożż sew it-tifkira taż-żjara tal-Qdusija Tiegħek f’Ruma, ftit wara l-elezzjoni tiegħi, fl-10 ta’ Mejju 2013, data li għall-grazzja ta’ Alla saret l-okkażjoni biex ta’ kull sena niċċelebraw il-Jum ta’ ħbiberija Kopta-Kattolika.

 

Fil-ferħ tagħna li nkomplu mexjin bħal aħwa fit-triq ekumenika, nixtieq infakkar qabelxejn f’dak il-pass importanti fir-relazzjonijiet bejn is-Sede ta’ Pietru u dik ta’ Marku li hi d-Dikjarazzjoni Komuni ffirmata mill-Predeċessuri tagħna iżjed minn erbgħin sena ilu, fl-10 ta’ Mejju 1973. Dakinhar, wara “sekli ta’ storja diffiċli”, li fihom “dehru tant differenzi teoloġiċi, imkebbsa u aċċentwati minn fatturi ta’ karattru non-teoloġiku” u minn sfiduċja dejjem iżjed mifruxa fir-relazzjonijiet, bl-għajnuna ta’ Alla wasalna biex nagħrfu flimkien li Kristu hu “Alla perfett fid-Divinità tiegħu u bniedem perfett fl-umanità tiegħu” (Dikjarazzjoni Komuni ffirmata mill-Qdusija Tiegħu Pawlu VI u mill-Qdusija Tiegħu Amba Shenouda III, 10 ta’ Mejju 1973). Imma mhux b’inqas importanti u attwali huma l-kelmiet dritt qabel dawn, li bihom għarafna lill-“Mulej u Alla u Feddej u Sultan tagħna lkoll, Ġesù Kristu”. B’dawn l-espressjonijiet is-Sede ta’ Marku u dik ta’ Pietru pproklamaw li Ġesù jsaltan: flimkien stqarrejna li aħna ta’ Ġesù u li hu l-kollox tagħna.

 

Iktar minn hekk, fhimna li, la aħna tiegħu, ma nistgħux nibqgħu mexjin ’il quddiem kull wieħed għal rasu, għax inkunu neħduha kontra r-rieda tiegħu: li dawk li huma tiegħu jkunu “lkoll […] ħaġa waħda […] biex id-dinja temmen” (Ġw 17:21). Quddiem il-Mulej, li jixtieqna “perfetti fl-għaqda” (v. 23), m’għadux possibbli ninħbew wara l-iskużi tad-diverġenzi interpretattivi u lanqas wara sekli ta’ storja u ta’ tradizzjoni li ġabuna barranin għal xulxin. Kif qal hawn il-Qdusija Tiegħu Ġwanni Pawlu II: “F’dan m’għandniex żmien x’naħlu! Il-komunjoni tagħna fil-Mulej wieħed Ġesù Kristu, fl-Ispirtu s-Santu wieħed u f’Magħmudija waħda tirrappreżenta diġà realtà profonda u fundamentali” (Diskors fil-laqgħa ekumenika, 25 ta’ Frar 2000). F’dan is-sens, dan mhux biss ekumeniżmu magħmul minn ġesti, kliem u impenn, imma komunjoni li diġà qed tħalli l-frott, li tikber kuljum fir-relazzjoni ħajja mal-Mulej Ġesù, għandha għeruqha fil-fidi mistqarra u tinbena realment fuq il-Magħmudija tagħna, fuq il-fatt li aħna “ħolqien ġdid” (ara 2 Kor 5:17) fih: insomma, “Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda” (Efes 4:5). Dejjem minn hawn nerġgħu nitilqu, biex inħaffu lejn dak il-jum hekk mixtieq li fih għad inkunu f’komunjoni sħiħa u viżibbli madwar l-altar tal-Mulej.

 

F’din it-triq appassjonata li – bħall-ħajja – mhix dejjem ħafifa u dritta, imma li fiha l-Mulej isejħilna biex nibqgħu mexjin, m’aħniex waħidna. Għandna sseħibna sħaba kbira ta’ qaddisin u ta’ martri li, diġà magħqudin b’mod sħiħ, iħeġġuna biex inkunu hawn isfel xbieha ħajja ta’ “Ġerusalemm ta’ fuq” (Gal 4:26). Fost dawn, bla dubju llum jifirħu b’mod partikulari għal-laqgħa tagħna l-qaddisin Pietru u Marku. Kbira hi r-rabta li tgħaqqadhom. Biżżejjed naħsbu li San Mark qiegħed fil-qalba tal-Vanġelu tiegħu l-istqarrija ta’ fidi ta’ Pietru: “Int il-Messija”. Din kienet it-tweġiba għall-mistoqsija, dejjem attwali, ta’ Ġesù: “Imma intom, min tgħidu li jien?” (Mk 8:29). Anki llum ħafna nies ma tafx tagħti tweġiba għal din il-mistoqsija; saħansitra m’għandniex min iqajjimha u fuq kollox min joffri bħala tweġiba l-ferħ tal-laqgħa ma’ Ġesù, dak l-istess ferħ li bih għandna l-grazzja li nistqarruh flimkien.

 

Mela flimkien aħna msejħin nagħtu xhieda tiegħu, inwasslu lid-dinja l-fidi tagħna, qabelxejn bil-mod li jappartieni lill-istess fidi: billi ngħixuha, biex il-preżenza ta’ Ġesù tgħaddi mill-ħajja u titkellem l-ilsien tal-imħabba mogħtija b’xejn u konkreta. Kopti Ortodossi u Kattoliċi, dejjem nistgħu nitkellmu iżjed flimkien din il-lingwa komuni tal-karità: qabel nieħdu xi inizjattiva ta’ ġid, tkun ħaġa sabiħa nistaqsu lilna nfusna nistgħux nagħmluha id f’id ma’ ħutna li jaqsmu l-istess fidi f’Ġesù. Hekk, meta nibnu l-komunjoni fil-konkretezza tal-ħajja ta’ kuljum tax-xhieda li tingħax, l-Ispirtu ma jonqosx li jiftaħ toroq providenzjali lejn l-għaqda, toroq li qatt ma konna ħsibniehom qabel.

 

Hu b’dan l-ispirtu appostoliku kostruttiv li l-Qdusija Tiegħek tkompli turi attenzjoni ġenwina u fraterna fil-konfront tal-Knisja Kopta Kattolika: qrubija li għaliha jien ferm grat u li ssib espressjoni ta’ ġieħ fil-Kunsill Nazzjonali tal-Knejjes Insara, li int ħloqt biex dawk li jemmnu f’Ġesù jistgħu jaħdmu dejjem iżjed flimkien, għall-ġid tas-soċjetà Eġizzjana kollha. Apprezzajt ħafna wkoll l-ospitalità ġeneruża offruta fit-13-il laqgħa tal-Kummissjoni internazzjonali mħallta għad-djalogu teoloġiku bejn il-Knisja Kattolika u l-Knejjes Ortodossi Orjentali, li fuq l-istedina tiegħek iltaqgħet hawn is-sena l-oħra. Hu sinjal sabiħ li l-laqgħa ta’ wara seħħet din is-sena f’Ruma, kważi biex turi kontinwità partikulari bejn is-Sede ta’ Marku u dik ta’ Pietru. Fl-Iskrittura Mqaddsa, Pietru b’xi mod ipatti għall-imħabba ta’ Marku u jsejjaħlu “ibni” (1 Piet 5:13). Imma r-rabtiet ta’ aħwa tal-Evanġelista u l-ħidma appostolika tiegħu huma wkoll ma’ San Pawl li, qabel ma miet martri f’Ruma, tkellem dwar is-siwi għaref ta’ Marku fil-ministeru (ara 2 Tim 4:11) u jsemmih drabi oħra (ara Film 24; Kol 4:10). Imħabba fraterna u missjoni komuni: dawn il-messaġġi li l-Kelma divina u l-għeruq tagħna qegħdin jagħtuna. Huma ż-żerriegħa evanġelika li għandna l-ferħ li nistgħu nkomplu nsaqqu u, bl-għajnuna ta’ Alla, inkabbru flimkien (ara 1 Kor 3:6-7).

 

Il-maturazzjoni tal-mixja ekumenika tagħna hi mwieżna, b’mod misterjuż u dejjem attwali, anki minn ekumeniżmu tad-demm veru u proprju. San Ġwann jikteb li Ġesù ġie “bl-ilma u d-demm” (1 Ġw 5:6); min jemmen fih, hekk “jegħleb lid-dinja” (1 Ġw 5:5). Bl-ilma u d-demm: ngħixu ħajja ġdida fil-Magħmudija komuni tagħna, ħajja ta’ mħabba dejjem u għal kulħadd, anki jekk tiswa s-sagrifiċċju ta’ demmna. Kemm martri f’din l-art, sa mill-ewwel sekli tal-Kristjaneżmu, għexu l-fidi b’mod erojku u sal-aħħar, u xerrdu demmhom flok ċaħdu lill-Mulej u ċedew għall-ġibdiet tal-ħażen jew anki biss għat-tentazzjoni li jwieġbu b’ħażen għall-ħażen. Dan jagħti xhieda tajba tiegħu l-Martiroloġju tal-Knisja Kopta. Sa ftit ilu, b’xorti ħażina, id-demm bla ħtija tal-fidili innoċenti ġie mxerred bi ħruxija. Għażiż Ħija, kif waħda hi Ġerusalemm tas-Sema, wieħed hu l-martiroloġju tagħna, u t-tbatijiet tagħkom huma wkoll it-tbatijiet tagħna, id-demm innoċenti tagħhom isir wieħed. Imqawwija mix-xhieda tagħkom, inħabirku biex neħduha kontra l-vjolenza billi nipprietkaw u niżirgħu t-tajjeb, inkattru l-ftehim u nżommu l-għaqda, nitolbu biex tant sagrifiċċji jiftħu t-triq għal ġejjieni ta’ komunjoni sħiħa bejnietna u ta’ sliem għal kulħadd.

 

L-istorja meraviljuża ta’ qdusija ta’ din l-art mhix partikulari biss minħabba s-sagrifiċċju tal-martri. Malli ntemmu l-persekuzzjonijiet il-qodma, bdiet għamla ġdida ta’ ħajja li, mogħtija għall-Mulej, ma żammet xejn għaliha: fid-deżert beda l-monakiżmu. Hekk, wara s-sinjali kbar li fl-imgħoddi Alla kien wettaq fl-Eġittu u fil-Baħar l-Aħmar (ara Salm 106:21-22), dehret l-għoġba ta’ ħajja ġdida, li warrdet lid-deżert bil-qdusija. B’qima għal dan il-wirt komuni ġejt hawn pellegrin f’din l-art, fejn il-Mulej innifsu jħobb jinġabar: hawn, kollu glorja niżel fuq il-Muntanja Sinaj (ara Eż 24:16); hawn, umli, sab kenn bħala tfajjel ċkejken (ara Mt 2:14).

 

Santità, Ħija l-għażiż, l-istess Alla jagħtina li llum nibdew mill-ġdid, flimkien, pellegrini ta’ komunjoni u ħabbara tas-sliem. F’din il-mixja taqbdilna jdejna Dik li hawn ġiet b’Ġesù u li t-tradizzjoni teoloġika kbira Eġizzjana sejħitilha sa mill-qedem Theotokos, Dik li nisslet lil Alla. F’dan it-titlu jingħaqdu b’mod tal-għaġeb l-umanità u d-divinità, għax fl-Omm ta’ Alla sar bniedem għal dejjem. Il-Verġni Mqaddsa, li dejjem tmexxina għal għand Ġesù, sinfonija perfetta tad-divin mal-uman, tniżżel għal darb’oħra xi ftit mis-Sema fuq l-art tagħna.

 


 

Dikjarazzjoni Komuni

 

DIKJARAZZJONI KOMUNI

TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

U TAL-QDUSIJA TIEGĦU TAWADROS II

 

1. Aħna, Franġisku, Isqof ta’ Ruma u Papa tal-Knisja Kattolika, u Tawadros II, Papa ta’ Lixandra u Patrijarka tas-Sede ta’ San Mark, irroddu ħajr fl-Ispirtu s-Santu lil Alla li tana l-opportunità hienja li niltaqgħu mill-ġdid, li ngħannqu lil xulxin bħal aħwa u li mill-ġdid ningħaqdu f’talba komuni. Insebbħu lil Dak li jista’ kollox għar-rabtiet ta’ fraternità u ta’ ħbiberija li hemm bejn is-Sede ta’ San Pietru u s-Sede ta’ San Mark. Il-privileġġ li nkunu hawn flimkien fl-Eġittu hu sinjal li s-solidità tar-relazzjoni tagħna qed tikber sena wara l-oħra u li qed nikbru fil-qrubija, fil-fidi u fl-imħabba ta’ Kristu Sidna. Irroddu ħajr lil Alla għall-maħbub Eġittu, “art twelidna li tgħix fina”, kif kien iħobb jgħid il-Qdusija Tiegħu l-Papa Shenouda III, “poplu mbierek mill-Mulej” (ara Is 19:25), biċ-ċiviltà antika tiegħu tal-Fargħunijiet, il-wirt Grieg u Ruman, it-tradizzjoni Kopta u l-preżenza Islamika. L-Eġittu hu l-post fejn sabet kenn il-Familja Mqaddsa, hu art tal-martri u tal-qaddisin.

 

2. Ir-rabta qawwija ta’ ħbiberija u fraternità bejnietna terġa’ ssib għeruqha fil-komunjoni sħiħa li kienet teżisti bejn il-Knejjes tagħna fl-ewwel sekli u li ġiet espressa b’kemm-il mod fl-ewwel Konċilji Ekumeniċi, ibda minn dak ta’ Nicea fis-sena 325 u mill-kontribut tal-Missier kuraġġjuż tal-Knisja Sant’Atanasju, li kisiblu t-titlu ta’ “Protettur tal-Fidi”. Il-komunjoni tagħna dehret fit-talb u l-prattiċi liturġiċi simili, fil-qima tal-istess martri u qaddisin, fl-iżvilupp u fit-tixrid tal-monakiżmu fuq l-eżempju ta’ Sant’Anton il-Kbir, magħruf bħala missier l-irħieb kollha.

 

Din l-esperjenza ta’ komunjoni qabel iż-żmien tax-xiżma għandha tifsira partikulari fit-tiftix tagħna biex nerġgħu nwaqqfu l-komunjoni sħiħa fi żmienna. Il-parti l-kbira tar-relazzjonijiet li kienu jeżistu fl-ewwel sekli, minkejja l-firdiet, għadhom sejrin sal-lum bejn il-Knisja Kattolika u l-Knisja Ortodossa Kopta, u dan l-aħħar reġgħu wkoll ħadu ħajja ġdida. Huma jħeġġuna nżidu l-isforzi komuni tagħna, nipperseveraw fit-tiftix tagħna ta’ għaqda viżibbli fid-diversità, taħt il-gwida tal-Ispirtu s-Santu.

 

3. Niftakru bi gratitudni fil-laqgħa storika ta’ erbgħa u erbgħin sena ilu bejn il-predeċessuri tagħna l-Papa Pawlu VI u l-Papa Shenouda III, dik it-tgħanniqa ta’ paċi u ta’ fraternità wara ħafna sekli li fihom ir-rabtiet ta’ mħabba ta’ bejnietna ma setgħux jesprimu ruħhom minħabba d-distanza li nħolqot bejnietna. Id-Dikjarazzjoni Komuni li huma ffirmaw fl-10 ta’ Mejju 1973 tirrappreżenta pass fundamentali fil-mixja ekumenika u serviet bħala punt tat-tluq għat-twaqqif tal-Kummissjoni għad-djalogu teoloġiku bejn iż-żewġ Knejjes tagħna, li tat ħafna frott u fetħet it-triq għal djalogu usa’ bejn il-Knisja Kattolika u l-familja kollha tal-Knejjes Ortodossi tal-Lvant. F’dik id-Dikjarazzjoni l-Knejjes tagħna għarfu li, f’linja mat-tradizzjoni appostolika, huma jistqarru “fidi waħda fl-istess Alla Wieħed u Tlieta” u d-“divinità tal-Iben il-Waħdieni Inkarnat ta’ Alla, […] Alla perfett fid-Divinità tiegħu, u bniedem perfett fl-umanità tiegħu”. Daqstant ieħor għarfu li “l-ħajja divina tingħatalna u tikber fina permezz tas-seba’ sagramenti” u li “aħna nqimu lill-Verġni Marija, Omm tad-Dawl Veru”, it-“Theotokos”.

 

4. Bi gratitudni tassew kbira nfakkru l-laqgħa fraterna tagħna f’Ruma nhar l-10 ta’ Mejju 2013 u t-twaqqif tal-10 ta’ Mejju bħala jum li fih ta’ kull sena ninżlu iktar fil-fond tal-ħbiberija u l-fraternità bejn il-Knejjes tagħna. Dan l-ispirtu mġedded ta’ qrubija għenna niżnu aħjar kif ir-rabta li tgħaqqadna rċivejnieha mis-Sid wieħed tagħna fil-jum tal-Magħmudija. Fil-fatt, hu permezz tal-Magħmudija li nsiru membri tal-Ġisem wieħed ta’ Kristu li hu l-Knisja (ara 1 Kor 12:13). Dan il-wirt komuni hu l-bażi tal-pellegrinaġġ li flimkien qed interrqu lejn il-komunjoni sħiħa, aħna u nikbru fl-imħabba u fir-rikonċiljazzjoni.

 

5. Nafu li f’dan il-pellegrinaġġ baqgħalna ħafna iżjed x’nimxu, u għalhekk niftakru f’dak li diġà twettaq. B’mod partikulari, niftakru fil-laqgħa bejn il-Papa Shenouda III u San Ġwanni Pawlu II, li ġie pellegrin fl-Eġittu matul il-Ġublew il-Kbir tas-sena 2000. Aħna determinati li nimxu fuq il-passi tagħhom, imqanqla mill-imħabba ta’ Kristu r-Ragħaj it-Tajjeb, fil-konvinzjoni sħiħa li jekk nimxu flimkien nistgħu nikbru fl-għaqda. Għalhekk nixorbu l-qawwa minn Alla, għajn perfetta ta’ komunjoni u ta’ mħabba.

 

6. Din l-imħabba ssib l-ogħla espressjoni tagħha fit-talb komuni. Meta l-Insara jitolbu flimkien, jaslu biex jifhmu li dak li jgħaqqadhom hu wisq akbar minn dak li jifridhom. Ix-xewqa mkebbsa tagħna għall-għaqda ssib xi jnebbaħha fit-talba ta’ Kristu “biex ikunu lkoll ħaġa waħda” (Ġw 17:21). Għalhekk ninżlu iktar fil-fond tal-għeruq tagħna fil-fidi waħda appostolika billi nitolbu flimkien, infittxu traduzzjonijiet komuni tat-Talba tal-Mulej u data komuni għaċ-ċelebrazzjoni tal-Għid.

 

7. Waqt li nimxu lejn il-jum imbierek li fih sa fl-aħħar inkunu nistgħu nissieħbu flimkien fl-istess Mejda Ewkaristika, nistgħu nikkollaboraw f’bosta oqsma u nagħmlu tanġibbli l-għana kbir li diġà għandna komuni bejnietna. Nistgħu nagħtu flimkien xhieda tal-valuri fundamentali tal-qdusija u d-dinjità tal-ħajja umana, is-sagralità taż-żwieġ u tal-familja, u r-rispett lejn il-ħolqien kollu li Alla fdalna. Minkejja l-għadd ta’ sfidi ta’ żmienna, bħas-sekularizzazzjoni u l-globalizzazzjoni tal-indifferenza, aħna msejħin noffru tweġiba flimkien, imsejsa fuq il-valuri tal-Vanġelu u fuq it-teżori tat-tradizzjonijiet rispettivi tagħna. F’dan, aħna mħeġġa biex nibdew studju iktar fil-fond tal-Missirijiet tal-Lvant u tal-Punent, u nippromovu qsim ta’ ideat li jħalli l-frott fil-ħajja pastorali, speċjalment fil-katekeżi u fil-ġid spiritwali reċiproku li bih komunitajiet monastiċi u reliġjużi jistgħu jagħnu lil xulxin.

 

8. Ix-xhieda Nisranija li nagħtu flimkien hi sinjal providenzjali ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ tama għas-soċjetà Eġizzjana u għall-istituzzjonijiet tagħha, żerriegħa mħawla biex tagħti frott ta’ ġustizzja u ta’ paċi. Meta nemmnu li l-bnedmin kollha huma maħluqin fuq xbieha ta’ Alla, nagħmlu sforz ikbar biex nippromovu s-serenità u l-ftehim permezz ta’ koeżistenza paċifika bejn l-Insara u l-Musulmani, u b’dan il-mod nagħtu xhieda li Alla jixtieq l-għaqda u l-armonija tal-familja sħiħa tal-bnedmin u d-dinjità ta’ kull bniedem indaqs. Għandna għal qalbna l-ġid u l-futur tal-Eġittu. Il-membri kollha tas-soċjetà għandhom id-dritt u d-dmir li jieħdu sehem sħiħ fil-ħajja tal-pajjiż, igawdu ċittadinanza sħiħa u ndaqs, u jikkollaboraw biex jibnu n-nazzjon tagħhom. Il-libertà reliġjuża, li tiġbor taħtha l-libertà tal-kuxjenza u għandha għeruqha fid-dinjità tal-persuna, hi l-fundament tal-libertajiet l-oħrajn kollha. Hu dritt qaddis u inaljenabbli.

 

9. Inżidu t-talb tagħna bla waqfien għall-Insara kollha fl-Eġittu u fid-dinja, speċjalment għal dawk fil-Lvant Nofsani. Ċerti ġrajjiet traġiċi u t-tixrid tad-demm tal-fidili tagħna, ippersegwitati u maqtula għall-unika raġuni li huma Nsara, ifakkruna iżjed minn qatt qabel li l-ekumeniżmu tal-martri jgħaqqadna u jagħmlilna l-qalb biex nibqgħu mexjin fit-triq tal-paċi u tar-rikonċiljazzjoni. Għax, kif jikteb San Pawl, “jekk membru jbati, ibatu lkoll miegħu” (1 Kor 12:26).

 

10. Il-misteru ta’ Ġesù, li miet u rxoxta għall-imħabba tagħna, jinsab fil-qalba tal-mixja tagħna lejn l-għaqda sħiħa. Għal darb’oħra l-martri huma dawk li jdawluna. Fil-Knisja tal-bidu d-demm tal-martri kien żerriegħa ta’ Nsara ġodda. Hekk ukoll, fi żmienna, id-demm ta’ tant martri jista’ jkun żerriegħa ta’ għaqda bejn id-dixxipli kollha ta’ Kristu, sinjal u strument ta’ komunjoni u ta’ paċi għad-dinja.

 

11. Ubbidjenti għall-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu, li jqaddes lill-Knisja, matul is-sekli jżommha wieqfa u jmexxiha għal dik l-għaqda sħiħa li għaliha talab Kristu, illum aħna, il-Papa Franġisku u l-Papa Tawadros II, biex nogħġbu lill-qalb ta’ Sidna Ġesù, kif ukoll il-qlub ta’ wliedna fil-fidi, niddikjaraw it-tnejn li aħna li b’ruħ waħda u qalb waħda se nfittxu, bis-sinċerità kollha, li ma nirrepetux il-Magħmudija amministrata f’waħda mill-Knejjes tagħna lil xi ħadd li jixtieq jissieħeb mal-oħra. Dan kollu nagħmluh f’ubbidjenza għall-Iskrittura Mqaddsa u għall-fidi mistqarra fit-tliet Konċilji Ekumeniċi ċċelebrati f’Nicea, Kostantinopli u Efesu.

 

Nitolbu lil Alla Missierna jmexxina hu, fiż-żminijiet u fil-modi li l-Ispirtu jagħti, lejn il-milja tal-għaqda sħiħa fil-Ġisem mistiku ta’ Kristu.

 

12. Għalhekk, inħallu jmexxuna t-tagħlim u l-eżempju tal-Appostlu Pawlu, li jikteb: “Ħabirku biex iżżommu spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem; ġisem wieħed u ruħ waħda, l-istess kif kontu msejħa għal tama waħda; Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda; Alla wieħed u Missier ta’ kulħadd, li hu fuq kulħadd, b’kulħadd u f’kulħadd” (Efes 4:3-6).

 


 

Talba ekumenika spontanja

 

Mulej Ġesù, nitolbok tberikna. Bierek lil ħija, il-Papa Tawadros II, u bierek lill-aħwa kollha Isqfijiet li jinsabu hawn. Bierek lill-aħwa kollha Nsara. Mexxina fit-triq tal-imħabba, tal-ħidma flimkien, tal-mejda komuni tal-Ewkaristija. Amen.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard