Al Salamò Alaikum/ il-paċi magħkom!

 

Illum il-vanġelu, fit-III Ħadd tal-Għid, ikellimna dwar il-mixja taż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws ħerġin minn Ġerusalemm. Vanġelu li nistgħu niġbruh fi tliet klemiet: mewt, qawmien u ħajja.

 

Mewt. Iż-żewġ dixxipli reġgħu lura għall-ħajja ta’ kuljum, delużi u qalbhom maqtugħa: l-Imgħallem miet u għalhekk x’jiswa li wieħed jibqa’ jittama? Kienu bla direzzjoni, illużi u delużi. Il-mixja tagħhom hi t-triq lura; hi li jitbiegħdu mill-esperjenza kerha tal-Kurċifiss. Il-kriżi tas-Salib, anzi l-“iskandlu” u l-“bluha” tas-Salib (ara 1 Kor 1:18; 2:2), donnha difnet kull tama li kellhom. Dak li fuqu bnew ħajjithom issa miet, mirbuħ, u ġarr miegħu fil-qabar kull aspirazzjoni li kellhom.

 

Ma setgħux iniżżluha li l-Imgħallem u l-Feddej li kien qajjem lill-mejtin u fejjaq lill-morda seta’ jispiċċa mdendel mas-salib tal-mistħija. Ma setgħux jifhmu għaliex Alla li jista’ kollox ma kienx ħelsu minn ħalq mewt hekk kiefra. Is-salib ta’ Kristu kien is-salib tal-ideat tagħhom fuq Alla; il-mewt ta’ Kristu kienet il-mewt ta’ dak li kienu jistħajlu li hu Alla. Imma fil-verità kienu huma l-mejtin fil-qabar tal-limiti ta’ dak li fehmu.

 

Kemm drabi l-bniedem iwaħħal lilu nnifsu xi mkien, jirrifjuta li jmur lil hemm mill-idea li għandu ta’ Alla, ta’ alla maħluq fuq ix-xbieha u s-sura tal-bniedem! Kemm drabi niddispraw, għax ma rridux nemmnu li l-qawwa bla tarf ta’ Alla mhix qawwa mibnija fuq is-saħħa, fuq l-awtorità, imma hi biss qawwa ta’ mħabba, ta’ maħfra u ta’ ħajja!

 

Id-dixxipli għarfu lil Ġesù “fil-qsim tal-ħobż”, fl-Ewkaristija. Jekk aħna ma nħallux jiċċarrat il-velu li jżomm imdallma lil għajnejna, jekk ma nħallux tiċċarrat l-ebusija tal-qalb tagħna u tal-preġudizzji tagħna, ma naslu qatt biex nagħrfu l-wiċċ ta’ Alla.

 

Qawmien. Fid-dalma tal-iktar lejl mudlam, fil-qtigħ il-qalb li jifxel daqshekk, Ġesù jersaq qrib tagħhom u jimxi tul it-triq tagħhom biex jistgħu jiskopru fih “it-triq, il-verità u l-ħajja” (Ġw 14:6). Ġesù jibdel il-qtigħ il-qalb tagħhom f’ħajja, għax meta tgħib it-tama umana tibda tilma dik divina: “Dak li ma jistax ikun għall-bnedmin, għal Alla jista’ jkun” (Lq 18:27; ara 1:37). Meta l-bniedem imiss il-qiegħ tal-falliment u tan-nuqqas ta’ ħila tiegħu, meta jinża’ l-illużjoni tiegħu li hu l-aħjar, li jista’ jagħmel kollox waħdu, li hu ċ-ċentru tad-dinja, hemm Alla jaqbadlu idu biex jibdel il-lejl tiegħu f’nhar, id-dwejjaq tiegħu f’ferħ, il-mewt tiegħu f’qawmien, il-mixja tiegħu lura f’ritorn lejn Ġerusalemm, jiġifieri f’ritorn għall-ħajja u għar-rebħa tas-Salib (ara Lhud 11:34).

 

Fil-fatt, iż-żewġ dixxipli, wara li ltaqgħu mal-Irxoxt, reġgħu lura mimlija ferħ, fiduċja u ħeġġa, lesti biex jagħtu xhieda. L-Irxoxt kien qajjimhom mill-qabar tan-nuqqas ta’ fidi u tan-niket tagħhom. Meta ltaqgħu mal-Mislub-Irxoxt, sabu t-tifsira u t-twettiq tal-Iskrittura kollha, tal-Liġi u tal-Profeti; sabu s-sens ta’ dik li minn barra kienet tidher it-telfa tas-Salib.

 

Min ma jgħaddix mill-esperjenza tas-Salib sal-Verità tal-Qawmien ikun jikkundanna lilu nnifsu għal ħajja ta’ qtigħ il-qalb. Fil-fatt, aħna ma nistgħux niltaqgħu ma’ Alla mingħajr l-ewwel ma nsallbu l-ideat limitati li għandna ta’ alla li jirrifletti dak li nifhmu aħna b’setgħa bla tarf u poter.

 

Ħajja. Il-laqgħa ma’ Ġesù bidlet il-ħajja ta’ dawk iż-żewġ dixxipli, għax il-laqgħa mal-Irxoxt tibdel kull ħajja u tagħmel għammiela kull sterilità.[1] Fil-fatt, il-Qawmien mhux twemmin li twieled mill-Knisja, imma l-Knisja twieldet mill-fidi fil-Qawmien. Jgħid San Pawl: “Jekk Kristu ma qamx mill-imwiet, fiergħa hi l-predikazzjoni tagħna, u fiergħa wkoll il-fidi tagħkom” (1 Kor 15:14).

 

L-Irxoxt jgħib minn quddiem għajnejhom, biex jgħallimna li ma nistgħux inżommu lil Ġesù magħluq fil-viżibbiltà storika: “Henjin dawk li ma rawx u emmnu!” (Ġw 20:29; ara 20:17). Il-Knisja għandha tkun taf u temmen li hu ħaj magħha u jaħjiha bl-Ewkaristija, bl-Iskrittura u bis-Sagramenti. Id-dixxipli ta’ Għemmaws dan fehmuh u reġgħu lura Ġerusalemm biex jaqsmu l-esperjenza tagħhom mal-oħrajn: “Rajna lill-Mulej… Iva, qam tassew!” (ara Lq 24:32).

 

L-esperjenza tad-dixxipli ta’ Għemmaws tgħallimna li mhux biżżejjed nimlew l-imkejjen tal-kult jekk qlubna għadhom battala mill-biża’ ta’ Alla u mill-preżenza tiegħu; mhux biżżejjed nitolbu jekk it-talba tagħna lil Alla ma tinbidilx fi mħabba lejn ħutna; ma tiswiex dik ir-reliġjożità kollha jekk mhix espressjoni ta’ fidi u ta’ ħafna karità; ma jiswa xejn nieħdu ħsieb kif nidhru, għax Alla jara r-ruħ u l-qalb (ara 1 Sam 16:7) u jistmell il-wiċċ b’ieħor (ara Lq 11:27-54; Atti 5:3-4).[2] Għal Alla, aħjar ma temmen xejn milli tkun falz fit-twemmin tiegħek, ipokrita!

 

Il-fidi vera hi dik li tagħmilna iktar karitatevoli, iżjed ħanina, iżjed onesti u iżjed umani; hi dik li twassal lill-qlub biex iħobbu lil kulħadd b’xejn, bla distinzjoni u bla preferenzi; hi dik li twassalna biex naraw fl-ieħor mhux għadu li rridu negħlbu, imma ħuna li rridu nħobbu, naqdu u ngħinu; hi dik li twassalna biex inxerrdu, biex inħarsu u biex ngħixu l-kultura tal-laqgħa, tad-djalogu, tar-rispett u tal-fratellanza; twassalna għall-kuraġġ li naħfru lil min għamlilna d-deni, li nnewlu jdejna lil min waqa’; li nlibbsu lil min hu għarwien, nitimgħu lill-imġewwaħ, inżuru lill-ħabsi, naqbżu għall-iltim, nisqu lil min hu bil-għatx, u ngħinu lill-anzjan u lil min hu fil-bżonn (ara Mt 25:31-45). Il-fidi vera hi dik li twassalna biex inħarsu d-drittijiet tal-oħrajn, bl-istess qawwa u bl-istess ħeġġa li bihom inħarsu tagħna. Fir-realtà, iktar ma nikbru fil-fidi u fl-għerf, iżjed nikbru fl-umiltà u fl-għarfien li aħna ċkejknin.

 

Għeżież ħuti,

 

Lil Alla togħġbu biss il-fidi li hi mistqarra bil-ħajja, għax l-uniku estremiżmu permess lil min jemmen hu dak tal-karità! Kull estremiżmu ieħor mhux ġej minn Alla u ma jogħġbux!

 

Issa, bħad-dixxipli ta’ Għemmaws, erġgħu lura lejn Ġerusalemm tagħkom, jiġifieri lejn il-ħajja tagħkom ta’ kuljum, lejn il-familji tagħkom, fuq il-post tax-xogħol tagħkom u fil-pajjiż għażiż tagħkom mimlijin bil-ferħ, bil-kuraġġ u bil-fidi. Tibżgħux tiftħu qalbkom għad-dawl tal-Irxoxt u ħalluh jibdel id-dubji tagħkom f’qawwa pożittiva għalikom u għall-oħrajn. Tibżgħux tħobbu lil kulħadd, ħbieb u għedewwa, għax fl-imħabba li tingħax hemm il-qawwa u t-teżor ta’ min jemmen!

 

Il-Verġni Marija u l-Familja Mqaddsa, li għexu f’din l-art imbierka, idawlu lil qlubna u jbierku lilkom u lill-għażiż Eġittu tagħkom li, ma’ sbiħ il-Kristjaneżmu, laqa’ l-evanġelizzazzjoni ta’ San Mark u tul l-istorja tana għadd bla qies ta’ martri u ġemgħa kbira ta’ qaddisin!

 

Al Massih Kam / Bilhakika kam! Kristu qam / Qam tassew!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard


 

[1] Ara Benedittu XVI, Katekeżi, Udjenza ġenerali tal-Erbgħa 11 ta’ April 2007.

[2] Jesklama San Efrem: “Imma neżżgħu lill-ipokrita l-maskra li tgħattih u ma ssibux ħlief tmermir” (Serm.). “Ħażin għalih dak ta’ wiċċ b’ieħor!” – jgħid Bin Sirak (2,14 Vulg.).