Salamò Alaikum!

Hu tassew rigal kbir għalija li ser nibda ż-żjara tiegħi fl-Eġittu minn hawnhekk u li nista’ nitkellem magħkom f’din il-Konferenza Internazzjonali għall-Paċi. Nirringrazzja lil ħija, il-Kbir Imam li ppjana u organizza din il-konferenza, u nirringrazzjah wkoll talli għoġbu jistedinni nieħu sehem fiha. Nixtieq noffrilkom xi ftit ħsibijiet li nibtu f’moħħi mill-istorja glorjuża ta’ din l-art, li matul is-sekli id-dinja ħarset lejha bħala art ta’ ċiviltà u ta’ alleanzi.

Art ta’ ċiviltà.

Sa minn żmien il-qedem, il-kultura li ssawret tul ix-xtut tan-Nil fissret ċivilizazzjoni. L-Eġittu għolla d-dawl tal-għarfien u welled wirt kulturali kbir ta’ għerf u intelliġenza, ta’ kisbiet matematiċi u astronomiċi, ta’ forom eċċezzjonali ta’ arkitettura u arti figurattiva. It-tiftix għall-għarfien u l-valur tat-tagħlim kienu riżultat ta’ għażliet li saru b’mod konxju minn dawk li fil-qedem għexu hawnhekk, u li wasslu għal żvilupp kbir. Għażliet ta’ din ix-xorta, għażliet ta’ paċi u għall-paċi, huma meħtieġa għall-ġejjieni, għaliex ma jistax ikun hawn paċi jekk ma jkunx hawn edukazzjoni tajba għall-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni. U ma jistax ikun hawn edukazzjoni tajba għaż-żgħażagħ tallum jekk it-taħriġ li noffrulhom ma jkunx jaqbel man-natura tal-bniedem, kreatura miftuħa għall-oħrajn u li tibni relazzjonijiet.

Tabilħaqq, l-edukazzjoni ssir għerf għall-ħajja jekk tkun kapaċi “toħroġ” l-aħjar li hemm fil-bniedem, fil-kuntatt tiegħu ma’ Dak li hu traxxendenti u mad-dinja ta’ madwaru, filwaqt li tagħtih identità li ma tagħlqux fih innifsu. L-għerf ifittex il-persuna l-oħra filwaqt li jegħleb it-tentazzjoni ta’ riġidità u ta’ għeluq; hu miftuħ u movimentat; huwa umli u kurjuż fl-istess ħin; jaf jagħti valur lill-passat u jpoġġih fi djalogu mal-preżent mingħajr ma jirrinunzja għal ermanewtika adegwata. Dan l-għerf iħejji ġejjieni fejn il-bniedem ma jippruvax jaħseb biss għal rasu, imma fejn aktar iħares lejn l-oħrajn bħala parti minnu stess. Dan l-għerf jibqa’ jfittex il-ħin kollu dawk l-opportunitajiet li jlaqqgħuh mal-oħrajn u jaqsam ħajtu magħhom. Il-passat jgħallmu li l-ħażin iġib miegħu aktar ħażin u li l-vjolenza ġġib biss vjolenza b’mod li dawn iżommu lill-bniedem f’ħabs. L-għerf jiċħad in-nuqqas ta’ onestà u l-kilba għall-poter, u allura jkun iċċentrat fuq id-dinjità tal-bniedem, li hu prezzjuż f’għajnejn Alla u fuq etika li tixraq lill-bniedem, li ma tibżax minn oħrajn u lanqas tibża’ tuża dawk il-mezzi ta’ għarfien mogħtija mill-Ħallieq (1).

Preċiżament fil-qasam tad-djalogu, l-aktar fid-djalogu interreliġjuż, aħna msejħin il-ħin kollu biex nimxu flimkien, konvinti li l-ġejjieni jiddependi wkoll mill-laqgħa bejn ir-reliġjonijiet u l-kulturi. F’dan is-sens, il-ħidma li qed issir flimkien mill-Kumitat għad-Djalogu bejn il-Kunsill Pontifiċju għad-Djalogu Interreliġjuż u l-Kumitat għad-Djalogu ta’ Al-Azhar toffrilna eżempju konkret li jimliena b’kuraġġ.  Hemm tliet orjentamenti bażiċi, li marbuta ma’ xulxin, jistgħu ikunu ta’ għajnuna f’dan id-djalogu; dawn huma: id-dmir li wieħed  jirrispetta l-identità tiegħu u dik tal-oħrajn, il-kuraġġ li jaċċetta d-differenzi  u s-sinċerità tal-intenzjonijiet.

Id-dmir li wieħed jirrispetta l-identità tiegħu u dik tal-oħrajn, għax djalogu veru ma tibnihx fuq l-ambigwità jew inkella billi tissagrifika dak li hu tajjeb biex togħġob lill-oħrajn. Il-kuraġġ li naċċettaw id-differenzi, għax m’għandniex inħarsu  u nittrattaw lil dawk differenti minna fil-kultura jew fir-reliġjon bħala għedewwa, imma jeħtieġ nilqgħuhom bħala msieħba fit-triq tal-ħajja u b’konvinzjoni ġenwina li t-tajjeb ta’ kull wieħed jgħodd għall-ġid ta’ kulħadd. Is-sinċerità  tal-intenzjonijiet, għaliex id-djalogu bħala espressjoni awtentika tal-bniedem, mhuwiex xi strateġija biex naslu għal skopijiet speċifiċi, imma hu triq ta’ verità, li timmerita nimxu fiha bis-sabar biex il-kompetizzjoni tinbidel f’kollaborazzjoni.

L-aħjar triq biex nibnu l-ġejjieni flimkien, biex inkunu bennejja ta’ ċiviltà  hi dik ta’ edukazzjoni li  twassalna għall-ftuħ b’rispett lejn l-oħrajn u għall-djalogu sinċier magħhom, u allura li nagħrfu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħhom, l-aktar il-libertà reliġjuża. Quddiemna għandna żewġ toroq: dik taċ-ċiviltà li twassalna biex niltaqgħu mal-oħrajn,  jew inkella dik tan-nuqqas ta’ ċivilta’ li ġġib magħha l-ġlied; m’hemmx triqat oħra. Biex negħlbu b’mod effettiv il-barbariżmu tal-mibegħda  u l-vjolenza, hemm bżonn  nakkumpanjaw liż-żgħażagħ, ngħinuhom jimmaturaw u jitgħallmu  jwieġbu għal-loġika li tinstiga l-ħażen b’ħidma li trawwem it-tajjeb bis-sabar. Hekk iż-żgħażagħ, bħal siġar imħawla tajjeb b’għeruqhom fl-art tal-istorja, filwaqt li jikbru fil-kumpannija ta’ xulxin b’ħarsithom lejn is-Sema, kuljum ikunu jistgħu  jibdlu l-arja mniġġsa mill-mibegħda f’ossiġnu ta’ fraternità.

Din l-isfida ta’ ċiviltà, hekk urġenti u appassjonanti ssejjaħ Insara, Musulmani u lil dawk kollha li jemmnu, biex jagħtu sehemhom: “Aħna ngħixu taħt ix-xemx ta’ Alla wieħed ħanin, (...) nistgħu ngħidu li aħna tassew ilkoll aħwa ta’ xulxin (...), mingħajr Alla l-ħajja tal-bniedem tkun bħas-sema mingħajr ix-xemx” (2).Jalla x-xemx tal-imħabba tal-aħwa, imġedda f’isem Alla, titla’ minn din l-art miksija bix-xemx biex naraw iż-żerniq ta’ ċiviltà ta’ paċi u ta’ laqgħa. Nitolbu lil San Franġisk t’Assisi, li tmien sekli ilu ġie l-Eġittu u ltaqa’ mas-Sultan Malik al Kamil, jidħol għalina biex dan iseħħ.

Art ta’ alleanzi 

Fl-Eġittu ma telgħetx biss ix-xemx tal-għerf;  f’din l-art idda wkoll id-dawl imlewwen tar-reliġjoniet. Matul is-sekli, f’dan il-post, “id-differenzi ta’ reliġjon sawru arrikkiment reċiproku  li qeda komunità nazzjonali waħda” (3).  Hawnhekk  saret il-laqgħa bejn twemmin differenti, u kulturi varji tħalltu bla ma tħawdu għax għarfu l-importanza tal-ħidma flimkien għall-ġid komuni.  Illum, alleanzi ta’ din ix-xorta huma ta’ ħtieġa urġenti u biex nitkellem dwarhom xtaqt  nuża  bħala simbolu “l-Muntanja tal-Patt” li tinsab hawn. Il-muntanja Sinaj  tfakkarna li ma jistgħux isiru alleanzi awtentiċi fuq l-art jekk inħallu barra s-Sema; il-bnedmin ma jistgħux igħixu flimkien fil-paċi jekk iħallu barra lil Alla, u lanqas ma jistgħu jitilgħu l-muntanja u jieħdu post Alla (ara Eż 19,12)

Qed nitkellmu dwar messaġġ attwali meta llum għandna quddiemna paradoss perikoluż. Fuq naħa għandek ir-reliġjon meqjusa bħala xi ħaġa privata daqs li kieku  mhijiex essenzjali  għall-bniedem u għas-soċjetà, u fuq in-naħa l-oħra għandek il-qasam reliġjuż f’taħwida ma’ dak politiku, mingħajr distinzjoni xierqa bejniethom. Hemm il-periklu li r-reliġjon tkun assorbita f’amministrazzjoni  ta’ affarijiet temporali u t-tentazzjoni  ta’ setgħat dinjija li fir-realtà jistrumentalizzawha. Id-dinja tagħna rat il-globalizzazzjoni ta’ ħafna  strumenti tekniċi siewja, iżda rat ukoll il-globalizzazzjoni tal-indifferenza u n-negliġenza; id-dinja għaddejja  b’veloċità  frenetika li diffiċli twaqqafha.  Dan qed iwassal biex iqumu mill-ġdid  mistoqsijiet dwar is-sens tal-ħajja, mistoqsijiet li jwarrdu mir-reliġjonijiet li jfakkruna fl-oriġni ta’ ħajjitna. Il-bniedem mhuwiex imsejjaħ biex juża l-enerġija tiegħu f’affarijiet ta’ din id-dinja li jgħaddu u jispiċċaw, imma biex  jagħmel vjaġġ lejn l-Assolut, għax dan hu fejn irridu naslu.  Mela, b’mod speċjali llum, ir-reliġjon mhijiex problema, imma hi parti mis-soluzzjoni: minflok ma  naqgħu fix-xibka ta’ ħajja bla skop, fejn kollox jibda u jispiċċa hawn fl-art, ir-reliġjon tfakkarna li hemm bżonn nerfgħu qlubna ‘l Fuq biex nitgħallmu nibnu l-belt tal-bnedmin.

Nerġa’ ndur bil-ħsieb lejn il-Muntanja Sinaj fejn ġew mnedija l-kmandamenti qabel ma tnaqqxu fuq it-twavel tal-ġebel (4).  Fil-qalba  tad-“dekalogu” nsibu l-kmand “la toqtolx” ( Eż 20,13) mogħti lill-individwali u lill-ġnus ta’ kull żmien. Alla, li jħobb il-ħajja, qatt ma jieqaf iħobb ‘l-bniedem, u għalhekk jitlobu biex iwarrab it-triq tal-vjolenza, kundizzjoni fundamentali għal kull patt ta’ alleanza li jsir fuq l-art.  Ir-reliġjonijiet, qabel kollox u b’mod speċjali llum,  huma msejħa biex iwieġbu għal dan il-kmand, għax waqt li ninsabu fil-bżonn urġenti tal-Assolut, hu essenzjali li nwarrbu kull xorta ta’ “assolutizazzjoni” li tiġġustifika l-vjolenza. Il-vjolenza hi ċ-ċħid  ta’ kull reliġjożità awtentika.

Għalhekk, bħala mexxejja reliġjużi aħna msejħin inneżżgħu l-maskra tal-vjolenza  minn fuq wiċċ min jilbisha f’isem is-suppost qdusija, u li hi aktar ibbażata fuq “l-assolutizazzjoni” tal-egoiżmu milli fuq il-ftuħ awtentiku għall-Assolut. Aħna fid-dmir li noħduha kontra l-vjolazzjoni tad-dinjità umana u tad-drittijiet tal-bniedem, li nesponu  dawk it-tentattivi  li  jsiru biex tkun iġġustifikata kull forma ta’ mibegħda f’isem ir-reliġjon u li nikkundannawhom għax huma foloz u jmorru kontra Alla: Isem Alla hu qaddis, Alla hu Alla tal-paċi, Alla salam (5). Mela, il-paċi biss hi qaddisa u qatt ma jista’ jkun hemm vjolenza f’isem Alla, għaliex inkella Ismu jkun ipprofanat.

F’din l-art fejn jiltaqgħu s-Sema u l-art, fejn saru alleanzi bejn ġnus u nies li jemmnu,  ejjew flimkien intennu “le” b’mod qawwi u ċar kontra kull forma ta’ vjolenza, vendetta u mibegħda li jitwettqu f’isem ir-reliġjon jew f’isem Alla.  Ejjew nisħqu flimkien dwar l-inkompatibilità’ bejn vjolenza u fidi,  bejn twemmin u mibegħda. Ejjew nistqarru flimkien li l-ħajja tal-bniedem hi sagra u li m’għandu jkun  hemm ebda forma  ta’  vjolenza fiżika, soċjali,  edukattiva u psikoloġika kontrieha. Jekk il-fidi ma titwelidx minn qalb sinċiera u minn imħabba awtentika lejn Alla ħanin, din tkun forma ta’ adeżjoni konvenzjonali jew soċjali li minflok teħles lill-bniedem, tgħaffġu. Ejjew ngħidu flimkien: aktar ma nikbru fil-fidi f’Alla, aktar nikbru fl-imħabba tal-proxxmu.

Iżda r-reliġjon mhijiex qiegħda hemm biss biex tikxef il-maskra tal-ħażen; forsi llum aktar qatt qabel, ir-reliġjon hi msejħa biex tippromwovi l-paċi(6). Bla ma nċedu għal forom ta’ sinkritiżmi superfiċjali (7), hemm bżonn li nitolbu għal xulxin, nitolbu lil Alla jagħtina d-don tal-paċi, nitolbuh li jlaqqagħna flimkien, li niddjalogaw bejnietna  u li nippromwovu l-armonija fi spirtu ta’ kollaborazzjoni u ħbiberija. Aħna, bħala nsara – u jien nisrani – “ma nistgħux nitolbu lil Alla Missier il-bnedmin kollha jekk ma nġibux ruħna magħhom ta’ aħwa, għax il-bnedmin huma maħluqa xbieha tiegħu” (8). Aħna lkoll aħwa. Barra minn hekk, tajjeb nagħrfu li waqt li aħna f’taqbida  kontinwa kontra l-ħażen li qed jhedded lid-dinja “li m’għadhiex aktar post ta’ għaqda vera ta’ aħwa”,  Alla jiżgura  lil dawk li “jemmnu fl-imħabba tiegħu li t-triq tal-imħabba hija miftuħa għall-bnedmin kollha u li l-isforz biex il-bnedmin kollha jingħaqdu bħal aħwa mhux fieragħ” (9). Dan l-isforz  hu essenzjali: ftit li xejn  jiswa li ngħollu leħinna u li nfittxu l-armi biex nipproteġu ruħna: illum għandna bżonn  bennejja ta’ paċi u mhux min jagħmel l-armi; illum għandna bżonn bennejja ta’ paċi  u mhux min ixewwex biex iqum il-glied; għandna bżonn min jitfi n-nar u mhux min ikebbsu;  min jippriedka r-rikonċiljazzjoni u mhux  min jinstiga biex ikun hawn il-qerda.

 

Tħossok skunċertat meta tinnota li għandek min qed jitbiegħed mir-realtà tal-ġnus f’isem objettivi li ma jimpurthom minn wiċċ ħadd, u mbagħad, bħala reazzjoni, qed iqumu forom demagoġiċi ta’ populiżmu li żgur ma jgħenux biex tissaħħaħ il-paċi u l-istabilità: ebda tixwix vjolenti ma jiggarantixxi l-paċi, u kull azzjoni unilaterali li ma twassalx għall-proċess kostruttiv fejn wieħed jista’ jagħti sehmu, fir-realtà tkun rigal għal dawk li jipproponu r-radikaliżmu u l-vjolenza.

Jekk irridu nevitaw il-ġlied u nibnu l-paċi, hemm bżonn li nagħmlu ħilitna kollha biex neliminaw sitwazzjonijiet ta’ faqar u ta’ sfruttament, fejn hemm aktar lok li l-estremiżmu jrabbi l-għeruq, u biex flus u armi ma jaslux għand dawk li jqanqlu l-vjolenza. Imbagħad jekk irridu nkunu aktar radikali, hemm bżonn li titwaqqaf il-proliferazzjoni tal-armi għax il-produzzjoni u l-kummerċ tagħhom iwasslu biex illum jew għada jintużaw. Hemm bżonn li l-manuvri mudlama li jsostnu l-kankru tal-gwerra joħorġu għad-dawl tal-jum, għax hekk biss jistgħu jitwaqqfu l-kawżi reali tagħha. Dawk responsabbli ta’ nazzjonijiet, ta’ istituzzjonijiet u tal-media huma msejħa għal dan l-impenn urġenti u gravi.  U l-istess aħna lkoll, li għandna  responsabbliltà  ta’ ċiviltà, li aħna msejħa minn Alla, mill-istorja u mill-ġejjieni, biex kull wieħed fil-qasam tiegħu, nibdew proċessi ta’ paċi filwaqt li nifirxu bażi solida ta’ alleanza bejn il-popli u l-istati. Nittama li din l-art nobbli u għażiża tal-Eġittu, bil-għajnuna t’Alla, tkompli twieġeb għall-vokazzjoni tagħha ta’ ċivilta’ u alleanza, u hekk tagħti sehemha  għall-iżvilupp ta’ proċessi ta’ paċi għall-poplu għażiż tagħha u għar-reġjun kollu tal-Lvant Nofsani.

Al Salamò Alaikum!

 


Miġjuba għall-Malti minn Vivienne Attard.

 

[1] ‎«L-etika ta’ fraternità u ta’ koeżistenza paċifika bejn individwi u ġnus ma tistax tkun ibbażata fuq il-loġika tal-biża’, tal-vjolenza u tal-għeluq, imma fuq ir-responsabbilta, ir-rispett u d-djalogu sinċier»: In-nonvjolenza: stil ta’ politika għall-paċi, Messaġġ għall-Ġurnata Dinjija tal-Paċi 2017

[2] Ġwanni Pawlu  II, Diskors lill-awtoritajiet MusulmaniKaduna (Nigeria), 14/2/1982

[3] ‎ Ġwanni Pawlu II,  Diskors fiċ-ċeremonja tal-wasla, Il-Kajr, 24/2/2000.

[4] «Kienu miktuba fil-qalb tal-bniedem bħala Liġi morali universali, li tgħodd għal kull żmien u f’kull post». Joffru « il-bażi awtentika għall-ħajja tal-individwi, tas-soċjetajiet u tan-nazzjonijiet; [...] huma l-ġejjieni waħdieni tal-familja tal-bnedmin. Isalvaw lill-bniedem mill-forza distruttiva tal-egoiżmu, mill-mibegħda u l-gideb. Juru l-allat foloz li jwasslu l-bniedem għall-jasar: l-imħabba tiegħu nnifsu li tħalli barra lil Alla, il-kilba għall-poter u għall-pjaċir li taqleb l-ordni tal-ġustizzja u tbaxxi d-dinjita’ umana tagħna u dik tal-proxxmu tagħna»: Ġwanni Pawlu II fl-omelija waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Kelma fuq il-Muntanja Sinaj, Monasteru ta’ Santa Katerina 26/02/2000.

[5] ara d-Diskors fil-Moskea Ċentrali ta’ Koudoukou, Bangui (Repubblika Ċentruafrikana), 30/11/2015.

[6] «Forsi qatt daqs illum fl-istorja tal-bnedmin ma saret ħaġa daqshekk ċara għal kulħadd ir-rabta intrinsika li hemm bejn imġiba awtentika reliġjuża u l-ġid  kbir tal-paċi » (Ġwanni Pawlu II, Diskors lir- Rappreżentanti tal-Knejjes Insara u Komunitajiet ekkleżjali  u reliġjonijiet dinjija, Assisi, 27/10/1986: Insegnamenti IX, 2 (1986), 1268.

[7] Ara Eżort. ap. Evangelii gaudium251.

[8] Konċilju  Ekum. Vatikan II - Nostra aetate5.

[9] Konċilju  Ekum. Vatikan II - Gaudium et spes37-38.