Greg Burke:

Grazzi, Santità. Hawn xi ġurnalisti li qed jivvjaġġaw miegħek għall-ewwel darba u xi wħud li għamlu kważi mitt vjaġġ, iżjed minn mija! Int… ma nafx jekk tafx kemm vjaġġi internazzjonali għamilt…

 

Il-Papa Franġisku:

Tmintax.

 

Greg Burke:

Tmintax. U d-dsatax-il wieħed jinsab wara l-kantuniera, mela anki int għandek numru sabiħ ta’ vjaġġi papali issa! Grazzi ta’ dan il-mument, li hu dejjem mument qawwi għalina.

 

Nibdew bil-grupp Taljan: Paolo Rodari… Ma nafx qabel tridx tgħid xi ħaġa int…

 

Il-Papa Franġisku:

Iva. Il-lejla t-tajba! Grazzi tal-ħidma tagħkom, għax naħseb kienu sebgħa u għoxrin siegħa ta’ ħafna ħidma. Grazzi ħafna ta’ dak kollu li għamiltu. U issa ninsab hawn għad-dispożizzjoni tagħkom.

 

Greg Burke:

Grazzi, Santità.

 

Paolo Rodari, mir-“Repubblica”:

Santità, grazzi. Ridt nistaqsik dwar il-laqgħa tiegħek tal-bieraħ mal-President Al Sisi: fuqiex tkellimtu, jekk int semmejtlux it-tema tad-drittijiet umani u, b’mod partikulari, jekk sibtux ħin titkellmu fuq il-każ ta’ Giulio Regeni, u jekk fil-fehma tiegħek f’dan għadx naslu għall-verità.

 

Il-Papa Franġisku:

Fuq dan se nagħti tweġiba ġenerali biex imbagħad nidħol fil-partikular. Ġeneralment, meta nkun ma’ Kap ta’ Stat, fi djalogu privat, dak jibqa’ privat. Jekk ma niftehmux li: “Dak li sa ngħidu fuq dan il-punt nagħmluh pubbliku”. F’dan il-vjaġġ kelli erba’ djalogi privati: mal-Imam il-Kbir ta’ Al-Azhar, mal-President Al Sisi, mal-Patrijarka Tawadros u mal-Patrijarka Ibrahim; u nemmen li, jekk id-djalogu hu privat, b’rispett wieħed għandu jżomm ir-riservatezza. Hu riservat. Imbagħad hemm il-mistoqsija fuq Regeni. Jiena mħasseb ħafna. Mis-Santa Sede tħarrikna fuq dan, għax anki l-ġenituri talbuni; is-Santa Sede tkellmet. Mhux ħa ngħid kif u lanqas fejn, imma tħarrikna.

 

Greg Burke:

Darío Menor Torres, “El Correo”, Spanjol:

 

Darío Menor Torres, “El Correo”:

Grazzi, Santità. Int ilbieraħ għidt li l-paċi, il-ġid u l-iżvilupp jixirqilhom kull sagrifiċċju, u wara sħaqt fuq l-importanza tar-rispett tad-drittijiet inaljenabbli tal-bniedem. Dan ifisser sapport lill-Gvern Eġizzjan, rikonoxximent tar-rwol tiegħu fil-Lvant Nofsani, għal kif qed jipprova jiddefendi lill-Insara minkejja li l-garanziji demokaritiċi mhumiex biżżejjed?

 

Il-Papa Franġisku:

Le, le. Għandhom jiġu interpretati litteralment bħala valuri fihom infushom. Jien għidt hekk: niddefendu l-paċi, niddefendu l-armonija bejn il-popli, niddefendu l-ugwaljanza taċ-ċittadini hi x’inhi r-reliġjon li jistqarru, dawn huma valuri. Jien tkellimt fuq valuri. Jekk gvern jiddefendix wieħed jew l-ieħor [minn dawn il-valuri], dik problema oħra. Jien għamilt tmintax-il żjara f’bosta pajjiżi. Xi drabi ħassejt li kien hemm min ħaseb: “Il-Papa, meta jmur hemm, qed jagħti appoġġ lil dak il-gvern…”. Għax gvern dejjem għandu d-dgħufijiet tiegħu u l-għedewwa politiċi tiegħu, dawn jgħidu hekk, u dawk ħaġa oħra… Jien ma nindaħalx. Jien nitkellem dwar valuri, u mbagħad kulħadd jara u jiġġudika hu jekk dan il-gvern u dan l-Istat, jew dak jew l-ieħor, humiex jippromovu dawk il-valuri.

 

Darío Menor Torres:

Għadek tixtieq iżżur il-Piramidi?

 

Il-Papa Franġisku:

Imma int taf li llum fis-sitta ta’ filgħodu iż-żewġ segretarji tiegħi marru jżuru l-Piramidi?

 

Darío Menor Torres:

Eħ iva? Allura ma xtaqtx mort magħhom?

 

Il-Papa Franġisku:

Iva, tassew, iva…

 

Darío Menor Torres:

Grazzi ħafna.

 

Greg Burke:

Jekk nistgħu nibqgħu fuq it-tema tal-vjaġġ… Virginie Riva mill-grupp Franċiż, “Radio Europe 1”:

 

Virginie Riva, “Radio Europe 1”:

Santità, mistoqsija dwar il-vjaġġ imma nwessagħha għal Franza, jekk taċċetta. Int f’Al-Azhar, fl-Università, tkellimt fuq il-populiżmi demagoġiċi. Il-Kattoliċi Franċiżi bħalissa huma ttentati b’vot populista jew estrem, huma maqsuma u diżorjentati. X’jistgħu jkunu l-elementi ta’ dixxerniment li int tista’ tagħti lil dawn l-eletturi Kattoliċi?

 

Il-Papa Franġisku:

Tajjeb ħafna. Hemm dimensjoni tal-“populiżmu” – bejn il-virgoletti, għax intom tafu li din il-kelma, min-naħa tiegħi, kelli nerġa’ nitgħallimha fl-Ewropa, għax fl-Amerika Latina għandha tifsira oħra –. Hemm il-problema tal-Ewropa u hemm il-problema tal-Unjoni Ewropea. Dak li għidt fuq l-Ewropa mhux sa nirrepetih hawn: tkellimt dwaru erba’ darbiet: darbtejn fi Strasbourg, darba fil-Premju Karlu Manju, u fil-ftuħ tat-tifkira tas-sittin anniversarju [tat-Trattati ta’ Ruma]. Hemm issibu dak kollu li għidt fuq l-Ewropa. Kull pajjiż hu liberu li jagħmel l-għażliet li jħoss li huma konvenjenti f’dan ir-rigward; jien ma nistax niġġudika jekk dik l-għażla hux jagħmilha għal din ir-raġuni jew għall-oħra, għax ma nafx il-politika interna. Hu minnu li l-Ewropa tinsab f’periklu li tiġi fix-xejn, dan veru. Għidtu b’mod delikat fi Strasbourg, għidtu b’ton iżjed qawwi fil-Premju Karlu Manju, u f’dan tal-aħħar bla sfumaturi. Fuq dan irridu biss nimmeditaw: l-Ewropa li hi mifruxa mill-Atlantiku sal-Urali… Hemm problema li tbeżża’ lill-Ewropa u forsi qed iżżid il-populiżmi: il-problema tal-immigrazzjoni. Dan hu minnu. Imma ma ninsewx li l-Ewropa nbniet mill-immigranti: sekli u sekli ta’ immigranti… Aħna! Imma hi problema li jeħtieġ nistudjawha tajjeb; u hemm bżonn ukoll nirrispettaw l-opinjonijiet, l-opinjonijiet onesti ta’ diskussjoni politika bil-p kbira: Il-Politika l-kbira, mhux il-politika ż-żgħira tal-pajjiż li mbagħad tispiċċa tiġi fix-xejn [ineffikaċi]. Dwar Franza: ngħid il-verità, jien ma nifhimx fil-politika interna Franċiża. Fittixt li nibni relazzjonijiet tajba, anki mal-President attwali, li miegħu darba kien hemm kunflitt imma wara stajt nitkellem ċar fuq l-affarijiet, b’rispett lejn l-opinjoni tiegħu… Iż-żewġ kandidati politiċi [Le Pen u Macron] ma nafhiex l-istorja tagħhom, ma nafx mnejn ġejjin… Iva, naf li waħda tirrappreżenta l-lemin b’saħħtu, imma l-ieħor verament ma nafx mnejn ġej. Għalhekk, ma nistax nagħti opinjoni ċara fuq Franza. Imma dwar il-Kattoliċi: hawn fl-Eġittu, f’waħda mil-laqgħat, jiena u nsellem lin-nies, wieħed qalli: “Għax ma tintefax waħda u sew għall-politika?” – “Xi trid tgħid?”. U qalli, donnu ried l-għajnuna tiegħi: “Tagħmel partit għall-Kattoliċi”. Dan ir-raġel twajjeb, imma għadu jgħix fis-seklu l-ieħor! Dwar il-populiżmi, għandhom relazzjoni partikulari mal-immigranti, imma dan ma jagħmilx parti mill-vjaġġ. Jekk ikun hemm ħin nista’ nerġa’ lura fuq hekk. Jekk ikun hemm, nerġa’ nitkellem.

 

Vera Shcherbakova, Itar-Tass:

Santità, grazzi, qabelxejn, tal-barka tiegħek: int beriktni, jien inżilt għarkupptejja xi minuti ilu, hawn quddiem. Jiena Ortodossa u ma nara l-ebda kontradizzjoni… Ridt nistaqsik kif inhuma mexjin ir-relazzjonijiet mal-Ortodossi – ovvjament Russi, imma anki, ilbieraħ, fid-Dikjarazzjoni Komuni mal-Patrijarka Kopt Ortodoss –, hemm id-data tal-Għid komuni, u titkellem ukoll fuq l-għarfien tal-Magħmudija… Fejn wasalna? U ħaġa oħra: kif tarahom int ir-relazzjonijiet bejn il-Vatikan u r-Russja, bħala Stat, anki fid-dawl tal-ħarsien tal-valuri tal-Insara fil-Lvant Nofsani, fuq kollox fis-Sirja?

 

Greg Burke:

Din hi Vera Shcherbakova mill-aġenzija Itar-Tass, l-aġenzija Russa.

 

Il-Papa Franġisku:

Christòs anèsti! [Kristu qam] Mal-Ortodossi dejjem kelli ħbiberija kbira, diġà fi Buenos Aires. Ngħidu aħna, kull 6 ta’ Jannar kont immur għall-Għasar, fil-katidral tagħkom, għand il-Patrijarka Platon – li issa qiegħed fiż-żona tal-Ukrajna, hu arċisqof –: sagħtejn u erbgħin minuta ta’ talb f’lingwa li ma kontx nifhem, imma stajt titlob sew! U mbagħad iċ-ċena mal-komunità, tliet mitt ruħ, ċena ta’ lejlet il-Milied – mhux iċ-ċena tal-Milied, imma ta’ lejlietha – kienu għadhom ma jistgħux jieklu ġobon u lanqas laħam, imma kienet ċena tajba… U mbagħad it-tombla, il-lottu… xi ħbiberija. Anki l-Ortodossi l-oħrajn. Xi drabi kien ikollhom bżonn ta’ xi għajnuna legali: kienu jiġu l-Kurja Kattolika, għax huma komunitajiet żgħar, u jmorru għand l-avukati tagħna… Dejjem żammejna relazzjoni ta’ aħwa: aħna Knejjes aħwa. Ma’ Tawadros għandi ħbiberija speċjali: għalija hu bniedem kbir ta’ Alla. Tawadros hu Patrijarka, Papa li sa jmexxi l-Knisja, l-isem ta’ Ġesù ’l quddiem… Għandu żelu appostoliku kbir. Hu wieħed mill-akbar – ippermettuli l-kelma, bejn il-virgoletti – “fanatiċi” tal-fatt li rridu nsibu data fissa tal-Għid. Anki jien, imma… irridu nsibu mod. Hu jgħid: “Nitħabtu, nitħabtu!”. Hu bniedem ta’ Alla. Hu bniedem li, meta kien isqof, bogħod mill-Eġittu, kien imur jagħti x’jieklu lid-diżabbli; hu bniedem li ġie mistieden imur fi djoċesi b’ħames knejjes u qabel telaq ħalla warajh ħamsa u għoxrin, ma nafx kemm familji Nsara, biż-żelu appostoliku li għandu. Imbagħad, int taf kif issir l-elezzjoni bejniethom: ifittxu tlieta minn fosthom, jagħżluhom, u mbagħad iqiegħdu l-ismijiet f’borża, jgħajtu lil tfajjel ċkejken, jgħattulu għajnejh u t-tfajjel itella’ l-isem… U hemm hu l-Mulej! Bla dubju hu Patrijarka kbir. L-għaqda fil-Magħmudija għaddiet. Dwar il-biċċa tal-Magħmudija, it-tort hu wieħed storiku, għax fi żminijiet l-ewwel Konċilji kienet komuni. Imbagħad, billi l-Insara Kopti kienu jgħammdu t-tfal fis-santwarji, meta riedu jiżżewġu u kienu jiġu għandna għax riedu jiżżewġu lil Kattolika, kienu jitolbuhom xi ħaġa bħala prova u ma kienx ikollhom, u kienu jagħmlulhom il-magħmudija taħt kundizzjoni: hemm bdejna aħna, mhux huma. Imma issa nfetaħ il-bieb u qegħdin fit-triq it-tajba fuq din il-problema, biex nistgħu negħlbuha. Fid-Dikjarazzjoni Komuni, il-paragrafu ta’ qabel tal-aħħar fuq hekk jitkellem.

 

L-Ortodossi Russi jagħrfu l-Magħmudija tagħna u aħna nagħrfu tagħhom. Kont ħbieb sew mal-Isqof tar-Russi fi Buenos Aires. Anki mal-Ġorġjani, ngħidu aħna. Il-Patrijarka tal-Ġorġjani hu bniedem ta’ Alla, Elija II, mistiku! U aħna l-Kattoliċi għandna x’nitgħallmu anki minn din it-tradizzjoni mistika tal-Knejjes Ortodossi. F’dan il-vjaġġ għamilna l-laqgħa ekumenika: kien hemm anki l-Patrijarka Bartilmew, kien hemm il-Patrijarka Grieg-Ortodoss, u mbagħad kien hemm Insara oħra: l-Anglikani, anki s-Segretarju tal-Kunsill Ekumeniku tal-Knejjes ta’ Ginevra… Dak kollu li jagħmel l-ekumeniżmu hu f’mixja. L-ekumeniżmu jsir aħna u mexjin, bl-opri ta’ karità, bl-impenn li ngħinu, li nagħmlu l-affarijiet flimkien meta nistgħu nagħmluhom flimkien… Ma jeżistix ekumeniżmu statiku. Minnu li t-teologi jridu jistudjaw u jiftiehmu bejniethom, imma dan ma jwassal imkien jekk ma nimxux. “X’nistgħu nagħmlu issa?”. Nagħmlu dak li nistgħu nagħmlu: nitolbu flimkien, naħdmu flimkien, nagħmlu l-opri ta’ karità flimkien… Imma flimkien! U dan ifisser nimxu ’l quddiem. Ir-relazzjonijiet mal-Patrijarka Kirill huma tajbin. Anki l-Arċisqof Metropolita Hilarion ġie kemm-il darba jitkellem miegħi, u għandna relazzjoni tajba.

 

Vera Shcherbakova:

U mal-Istat Russu? L-Insara, il-valuri komuni?…

 

Il-Papa Franġisku:

Iva, jien naf li l-Istat Russu jitkellem dwar dan, dwar il-ħarsien tal-Insara tal-Lvant Nofsani. Dan nafu u nemmen li hi ħaġa tajba, titkellem, tiġġieled kontra l-persekuzzjoni. Illum għandna iżjed martri milli kellna fl-ewwel sekli, fuq kollox fil-Lvant Nofsani.

 

Greg Burke:

Phil Pullella.

 

Philip Pullella, aġenzija Reuters:

Ilbieraħ fl-ewwel diskors int tkellimt fuq il-periklu ta’ azzjonijiet unilaterali u li kulħadd għandu jkun bennej tal-paċi. Int tkellimt ħafna fuq it-“tielet gwerra dinjija f’biċċiet”. Imma donnu llum dan il-biża’ u tensjoni kkonċentra fuq dak li qed iseħħ fil-Korea ta’ Fuq.

 

Il-Papa Franġisku:

Iva, hu l-punt ċentrali…

 

Phil Pullella:

Eżatt: hu l-punt ċentrali. Il-President Trump bagħat flotta ta’ vapuri militari barra mill-kosta tal-Korea ta’ Fuq; il-mexxej tal-Korea ta’ Fuq hedded li jibbumbardja lill-Korea ta’ Isfel, il-Ġappun u saħansitra l-Istati Uniti, jekk jirnexxielhom jibnu l-missili ballistiċi ta’ medda twila; in-nies qed tibża’ u qed nitkellmu fuq il-possibbiltà ta’ gwerra nukleari, qisu mhu xejn. Allura int, jekk tiltaqa’ mal-President Trump, imma anki ma’ persuni oħra, xi trid tgħidilhom lil dawn il-mexxejja li għandhom f’idejhom ir-responsabbiltà tal-futur tal-umanità? Għax ninsabu f’mument pjuttost kritiku…

 

Il-Papa Franġisku:

Jien insejħilhom. Insejħilhom, kif sejjaħt lill-mexxejja ta’ diversi postijiet, għal ħidma biex insolvu l-problemi fit-triq tad-diplomazija. U hemm dawk li jiffaċilitaw – ħafna fid-dinja – hemm medjaturi li joffru ruħhom: hemm pajjiżi bħan-Norveġja, ngħidu aħna; ħadd ma jista’ jakkuża lin-Norveġja li hi pajjiż dittatorjali; dejjem lesta biex tgħin… Biex insemmi eżempju, imma hemm ħafna… Imma t-triq hi dik tan-negozjar, it-triq tas-soluzzjoni diplomatika. Din il-“gwerra dinjija f’biċċiet”, li ili nitkellem fuqha sentejn sħaħ, ftit jew wisq, f’“biċċiet”, imma l-biċċiet tbiegħdu, imma saru wkoll iktar konċentrati. Ikkonċentraw ruħhom f’punti li diġà kienu “sħan”, għax din il-biċċa tal-missili tal-Korea ilha xi sena sejra, imma issa donnu l-ħaġa saħnet wisq. Jien nagħmel dejjem sejħa biex insolvu l-problemi fit-triq diplomatika, bin-negozjati… Għax hawn qed nilagħbu mal-futur tal-umanità. Illum hemm gwerra wiesgħa li tista’ teqred mhux nofs l-umanità, imma parti kbira mill-umanità u mill-kultura… kollox, kollox. Tkun ħaġa terribbli. Naħseb li llum l-umanità ma tkunx tiflaħ għaliha. Araw dawk il-pajjiżi li qed isofru gwerra ġo fihom, u fejn hemm in-nirien tal-gwerra: il-Lvant Nofsani, ngħidu aħna, imma anki l-Afrika… il-Yemen… Nieqfu hawn! Infittxu, infittxu soluzzjoni diplomatika. U fuq dan nemmen li l-Ġnus Magħquda għandha d-dmir li terġa’ tieħu ftit ir-riedni f’idejha, għax donnha ddgħajfet ftit.

 

Phil Pullella:

Int tixtieq tiltaqa’ mal-President Trump meta jiġi l-Ewropa? Kien hemm talba għal laqgħa bħal din?

 

Il-Papa Franġisku:

Jien għadni ma ġejtx mgħarraf mis-Segreterija tal-Istat li saret xi talba; imma jien nirċievi kull Kap ta’ Stat li jitlob udjenza.

 

Greg Burke:

Naħseb il-mistoqsijiet fuq il-vjaġġ spiċċaw. Fadal xi waħda? Għax imbagħad irridu nieklu, fis-sitta u nofs. Hawn Antonio Pelayo, ta’ Antena 3, li inti tafu.

 

Antonio Pelayo:

Santità, is-sitwazzjoni fil-Veneżwela marret lura ħafna dan l-aħħar u kien hemm ħafna mwiet. Nixtieq nistaqsik jekk is-Santa Sede, u int personalment, intomx taħsbu li ġġeddu l-intervent paċifiku, u x’forom sa tieħu din l-azzjoni?

 

Il-Papa Franġisku:

Kien hemm l-intervent tas-Santa Sede fuq it-talba insistenti tal-erba’ Presidenti li kienu qed jagħmluha ta’ medjaturi, u… ma rnexxiex. U waqaf hemm. Ma rnexxiex għax il-proposti ma kinux aċċettabbli, jew inġabu fix-xejn, jew kienu “iva, iva” imma mbagħad “le, le”… Kollha nafu kemm hi diffiċli din is-sitwazzjoni fil-Veneżwela, li hu pajjiż li nħobb ħafna. U jiena konxju li issa qed jinsistu; m’iniex ċert mis-sors, naħseb huma l-erba’ Presidenti, qed jinsistu biex inġeddu din il-ħidma ta’ medjazzjoni, u nfittxu post. Naħseb li dan issa jrid isir b’xi kundizzjonijiet. Kundizzjonijiet ċari ħafna. Parti mill-oppożizzjoni dan ma tridux. Interessanti, l-oppożizzjoni nfisha hi maqsuma u, min-naħa l-oħra, donnu l-kunflitti qed jiżdiedu. Imma xi ħaġa qed tiġri. Hemm xi ħaġa għaddejja, u jien ġejt mgħarraf b’dan, imma kollox għadu ħafna fl-arja. Dak kollu li jista’ jsir għall-Veneżwela għandu jsir. U bil-garanziji meħtieġa. Inkella nkunu biss qed nilagħbu bħat-tfal u ma naslu mkien. Grazzi.

 

Greg Burke:

Grazzi, Santità. U issa rridu mmorru…

 

Il-Papa Franġisku:

Fadal waħda.

 

Greg Burke:

Waħda. Ġermaniż: Jörg Bremer mill-Frankfurter Allgemeine.

 

Jörg Bremer della „Frankfurter Allgemeine“:

Xi jiem ilu, int tkellimt fuq it-tema tar-rifuġjati fil-Greċja, f’Lesbo, u int użajt it-terminu “kampijiet ta’ konċentrament”, għax mimlija b’wisq nies. Għalina l-Ġermaniżi ovvjament dan hu terminu serju ħafna ħafna, u qrib ħafna ta’ dak ta’ “kamp ta’ sterminju”. Hemm min qed jgħid li kien lapsus linguæ tiegħek: x’ridt tgħid?

 

Il-Papa Franġisku:

L-ewwel tridu taqraw tajjeb dak li għidt. Għidt li l-aktar ġenerużi fl-Ewropa kienu l-Italja u l-Greċja: kienu, veru, huma l-eqreb ġirien tal-Libja u s-Sirja… Fuq il-Ġermanja, dejjem ammirajt il-ħila ta’ integrazzjoni. Meta kont nistudja hemm, kien hemm ħafna Torok, integrati, fi Frankfurt, ħafna, integrati, u kienu jgħixu ħajja normali. Ma kienx lapsus linguæ: hemm kampijiet ta’ rifuġjati li qishom veri kampijiet ta’ konċentrament. Hemm xi wieħed forsi fl-Italja, xi ieħor band’oħra… fil-Ġermanja le, żgur. Imma aħseb ftit: x’jagħmlu l-persuni li huma magħluqin f’kamp u ma jistgħux joħorġu? Int aħseb f’dak li ġara fl-Ewropa ta’ Fuq meta riedu jaqsmu l-baħar biex imorru l-Ingilterra: ingħalqu ġewwa! Dħakt – u din hi xi ftit il-kultura Taljana – dħakt meta sirt naf b’kamp tar-rifuġjati fi Sqallija – irrakkuntahieli d-delegat tal-Azzjoni Kattolika tad-Djoċesi ta’ Agrigento – hemm, fiż-żona, hemm tnejn jew tlieta minn dawn il-kampijiet, ma nafx ta’ liema djoċesi; l-awtoritajiet ta’ dik il-belt fejn hemm il-kamp tkellmu man-nies tal-kamp tar-rifuġjati u qalulhom: “Jekk toqogħdu hawn ġew, dan sa jagħmlilkom ħażin għas-saħħa mentali; hemm bżonn toħorġu. Imma, jekk jogħġobkom, tagħmlux affarijiet koroh. Aħna ma nistgħux niftħu l-bieb aħna, imma sa nagħmlu toqba, fuq wara. Intom oħorġu, morru għal passiġġata…”. U hekk inħolqu relazzjonijiet man-nies tal-post, relazzjonijiet tajba… Dawn mhumiex jagħmlu delinkwenza, mhumiex jagħmlu kriminalità. Imma l-fatt waħdu li huma magħluqin, bla ma jagħmlu xejn, dan hu lager, le? Imma m’għandu xejn x’jaqsam mal-Ġermanja, le, le. Grazzi.

 

Greg Burke:

Grazzi lilek, Santità.

 

Il-Papa Franġisku:

Grazzi lilkom ta’ din il-ħidma li tagħmlu u li tgħin lil ħafna nies. Intom ma tafux kemm ġid tistgħu tagħmlu bir-rappurtaġġ tagħkom, bl-artikli tagħkom, bil-ħsibijiet tagħkom… Jeħtieġ ngħinu lin-nies u ngħinu wkoll il-komunikazzjoni, biex il-komunikazzjoni u anki l-istampa twassalna għal ħwejjeġ tajbin u ma twassalniex għal diżorjentament li ma jgħinniex. Grazzi ħafna, grazzi ħafna. U l-ikla t-tajba. U itolbu għalija!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard