Ġurnata Dinjija tal-Art 2016

Kliem ta’ Papa Franġisku
waqt iż-żjara tiegħu lill-Earth Village

Villa Borghese, Ruma
Il-Ħadd 24 ta’ April 2016

 Il-ħajja trid toħodha kif tiġi; bħalma jagħmel il-goalkeeper fil-football: jaqbad il-ballun mnejn jiġi.

 

Waqt li kont qed nismagħkom titkellmu, ġew f’moħħi żewġ affarijiet: id-deżert u l-foresta. U għidt: dawn in-nies, intom ilkoll, qed tibdlu d-deżert f’foresta.  Qed tmorru fejn hemm id-deżert, tmorru fejn m’hemmx tama, u tagħmlu li tistgħu biex tibdlu d-deżert f’foresta. Il-foresta hi mimlija siġar, kollha ħdura, imma m’hemmx ordni fiha.... l-istess bħall-ħajja!  Qed tibdlu d-deżert f’foresta u din hi biċċa xogħol tassew sabiħa. Tibdlu d-deżert f’foresta! Imbagħad  taraw x’tistgħu tagħmlu biex ċerti affarijiet fil-foresta jirregolaw ruħhom....  Għax fil-foresta hemm il-ħajja, imma fid-deżert le, fid-deżert hemm il-mewt.

Hemm ħafna deżert fl-ibliet, hemm ħafna deżert fil-ħajja tan-nies, u m’hemmx futur, għax – nisħaq fuq dak li ntqal hawnhekk – dejjem hemm il-preġudizzji, il-biżgħat. U n-nies ikollhom imutu fid-deżert, fil-belt. Bil-ħidma tagħkom qed tagħmlu l-miraklu li tibdlu d-deżert f’foresta: komplu sejrin hekk. Imma x’inhu l-pjan tax-xogħol tagħkom?  Ma nafx.... aħna nersqu lejn dak li jkun u naraw x’nistgħu nagħmlu. Hekk hi ħajja! Il-ħajja trid toħodha kif tiġi; bħalma jagħmel il-goalkeeper fil-football: jaqbad il-ballun mnejn jiġi.... Jeħtieġ li ma nibżgħux mill-ħajja, ma nibżgħux mill-kunflitti. Darba xi ħadd qalli – ma nafx hux veru, forsi tivverifikaw, jien ma rajtx jekk hux veru – qalli li fiċ-ċiniż, il-kelma kunflitt hi magħmluha minn żewġ sinjali: sinjal minnhom jgħid “riskju” u l-ieħor jgħid: “opportunità”. U tassew li hekk hu; il-kunflitt hu riskju, imma hu wkoll opportunità

Nistgħu nħarsu lejn il-kunflitti bħala xi ħaġa li għandna nitbiegħdu minnha: “ La hemm kunflitt, inżomm ruħi ‘l bogħod”.  Aħna l-insara nafu sew x’għamlul l-levita u l-qassis ma’ dak ir-raġel li kien mixħut fl-art; it-tnejn għaddew minn mal-ġenb u baqgħu sejrin ( ara Lq 10-37). Min ma jirriskjax, qatt ma jista’ jersaq lejn ir-realtà; biex tkun taf ir-realtà u tkun tafha b’qalbek, trid tersaq lejha. Meta tersaq lejn  xi ħadd tkun qed tieħu riskju, imma din hi wkoll opportunità:għalija u anki għall-persuna li nersaq lejha, għalija u anki għall-komunità li nersaq lejha. Qed naħseb fuq l-esperjenzi tagħkom, per eżempju,  fuq il-ħidma tagħkom fil-ħabs. Kunflitti: qatt ma tista’ ddawwar daharek biex ma tarax il-kunflitti. Il-kunflitti trid tara x’ tista’ tagħmel dwarhom, il-ħażin trid tara x’tista’ tagħmel biex issolvih.

Id-deżert, kemm f’qalbna kif ukoll fl-ibliet u fil-periferiji, hu ħaġa kerha.   Hu ikrah anki d-deżert li hemm f’postijiet imħarsa..... hemmhekk ukoll huwa ikrah id-deżert. Iżda jeħtieġ ma nibżgħux, jeħtieġ immorru fid-deżert ħalli nibdluh f’foresta; hemm ħajja eżuberanti, u nistgħu mmorru biex nixxuttaw id-dmugħ ħalli kulħadd ikun jista’ jitbissem.

Is-Salm tal-poplu t’Israel meta kien itturufnat fil-Babilonja jġibli ħafna ħsieb; jgħid:”Ma nistgħux ngħannu l-għanjiet tagħna, għax qegħdin f’art barranija”. Kellhom l-istrumenti tad-daqq magħhom, imma ma kienux ferħanin għax kienu itturufnati f’art barranija.  Iżda s-Salm igħid li meta ġew meħlusa qalu:”Bil-kemm stajna nemmnu lilna nfusna, fommna ntela’ bit-tbissim” (ara Salm137). Hekk jiġri meta mid-deżert wieħed jgħaddi għall-foresta, għall-ħajja, ikun hemm it-tbissima.

Nagħtikom biċċa “homework” x’tagħmlu: meta tkunu fit-triq, ħarsu lejn wiċċ in-nies: tarhom imħassba, tarhom magħluqa fihom infushom, tonqos it-tbissima minn fuq wiċċhom, tonqos it-tenerezza, fi kliem ieħor tonqos il-ħbiberija soċjali; tonqosna din il-ħbiberija soċjali. Fejn m’hemmx ħbiberija soċjali, hemm il-mibegħda, hemm il-gwerra. Qed ngħixu “t-tielet gwerra dinjija f’biċċiet”.  Jekk tħarsu lejn il-mappa tad-dinja, dan hu li taraw.  Ħafna drabi, il-ħbiberija soċjali trid issir bil-maħfra; din hi l-ewwel kelma:maħfra. L-ħbiberija soċjali ssir billi wieħed jersaq, javviċina: navviċina dik il-problema, navviċina dak il-kunflitt, dik id-diffikulta’, kif smajna li għamlu dawk iż-żgħażagħ kuraġġjużi  li marru fil-postijiet fejn isir il-logħob tal-azzard u ħafna nies jitilfu kollox. F’Buenos Aires rajt nisa anzjani jmorru l-bank iġibu l-pensjoni u minn hemmhekk imorru mill-ewwel il-każino! Jeħtieġ nersqu lejn il-post tal-kunflitt. Hekk għamlu dawn iż-żgħażagħ........

Imbagħad hemm ħaġ’oħra li għandha x’taqsam mal-logħob, mal-isport u anki mal-arti: il-gratwità. Il-ħbiberija soċjali ssir bil-gratwità, u dan l-għerf tal-gratwità rridu nitgħallmuh; u wieħed jitgħallem jgħixu: bil-logħob, bl-isport, bl-arti, billi nkunu flimkien ferħanin, billi nersqu lejn l-oħrajn.... Il-kelma gratwità m’għandniex ninsewha f’dinja fejn jidher li jekk ma tħallasx ma tistax tgħix, fejn ir-raġel u l-mara maħluqa minn Alla biex ikunu fiċ-ċentru tal-ħolqien u wkoll biex ikunu fiċ-ċentru tal-ekonomija, tkeċċew u  fiċ-ċentru tpoġġa l-alla tal-flus. Illum, fiċ-ċentru tad-dinja għandna l-alla tal-flus u dawk li jistgħu javviċinaw lil dan l-alla biex jadurawh hekk jagħmlu, u dawk li ma jistgħux javviċinw lil dan alla, jispiċċaw bil-ġuħ, bil-mard, fl-isfruttament..... Aħsbu ftit fl-isfruttament tat-tfal, taż-żgħażagħ.

Gratwità: hi l-kelma muftieħ. Il-gratwità tfisser li nagħti ħajti hekk kif inhi ħalli mmur mal-oħrajn biex dan id-deżert isir foresta. Il-gratwità hi xi ħaġa sabiħa!

Hemm ukoll il-maħfra. Għax fejn hemm il-maħfra, jitbiegħdu l-korla u r-riżentiment. U hekk dejjem inkunu nistgħu nibnu; nibnu u mhux inħottu.

Dan hu li jiġi f’moħħi. U kif nistgħu nwettquh dan? Inwettquh sempliċiment billi nagħrfu li aħna lkoll għandna xi ħaġa komuni, aħna lkoll umani. U b’din l-umanità, nersqu  biex naħdmu flimkien. “Imma jien ta’ din ir-reliġjon, ta’ dik ir-reliġjon.....”. Ma jimpurtax! Ejjew naħdmu lkoll flimkien. Ejjew nirrispettaw lil xulxin!  Ejjew nirrispettaw lil xulxin! U hekk naraw iseħħ miraklu: il-miraklu li d-deżert jinbidel f’foresta.

Grazzi ħafna għal dak kollu li qed tagħmlu! Grazzi!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Vivienne Attard