Għeżież ħuti,

 

Din il-ġurnata nistgħu nsejħulha “Ġiżwita fost il-patrijiet”: filgħodu magħkom u filgħaxija f’Assisi mal-Franġiskani: fost il-patrijiet.

 

Nagħtikom merħba u nirringrazzja lil Patri Bruno Cadoré, Majjistru Ġenerali tal-Ordni, tat-tislima li għamilli, f’ismu u f’isem dawk kollha preżenti, hekk kif wasal fil-qofol tiegħu l-Kapitlu Ġenerali, miżmum f’Bologna, fejn ridtu tagħtu ħajja ġdida lill-għeruq tagħkom, qrib il-qabar tal-qaddis fundatur.

 

Din is-sena għandha tifsira speċjali għall-familja reliġjuża tagħkom, għaliex għaddew tmien sekli minn meta l-Papa Onorju III approva l-Ordni tal-Predikaturi. Fl-okkażjoni tal-Ġublew li qed tiċċelebraw għal din ir-raġuni, ningħaqad magħkom u ngħid “grazzi” għad-doni kbar li rċevejna f’dan iż-żmien. Nixtieq nuri wkoll il-gratitudni tiegħi lejn l-Ordni għall-kontribut importanti mogħti lill-Knisja u għall-kollaborazzjoni mas-Sede Appostolika li, fi spirtu ta’ servizz leali, intweriet mill-bidu sal-lum.

 

Dan it-tmien ċentinarju jgħinna niftakru fi rġiel u nisa ta’ fidi u tal-kitba, kontemplattivi u missjunarji, martri u appostli tal-karità, li wasslu kullimkien il-ħlewwa ta’ Alla, waqt li għanew lill-Knisja u urewna possibbiltajiet ġodda ta’ kif jista’ jingħax l-Evanġelju permezz tal-predikazzjoni, ix-xhieda, u l-karità: tliet pilastri li jqegħdu fiż-żgur il-futur tal-Ordni, waqt li tinżamm il-freskezza tal-kariżma tal-fundatur.

 

Alla wassal lil San Duminku biex iwaqqaf “Ordni ta’ Predikaturi”, għaliex kienet il-predikazzjoni l-missjoni li Ġesù fada f’idejn l-Appostli. Hi l-Kelma ta’ Alla li tħeġġeġ ġewwa l-persuna u ġġegħelha twassal lil Ġesù Kristu lill-popli kollha (ara Mt 28:19-20). Il-Missier Fundatur kien jgħid: “L-ewwel ikkontemplaw, imbagħad għallmu”. Evanġelizzati minn Alla, biex tevanġelizzaw. Mingħajr għaqda soda miegħu, il-predikazzjoni tista’ tkun perfetta, b’ħafna argumenti u saħansitra ta’ min ifaħħarha, imma tibqa’ ma tmissx il-qalb, li hi dik li suppost tbiddel. Bl-istess mod ma nistgħux nifirdu l-istudju serju u persistenti tas-suġġetti teoloġiċi minn dak kollu li jgħinna nersqu lejn ir-realtà u nisimgħu lill-poplu ta’ Alla. Predikatur hu dak li jikkontempla l-Kelma u li jikkontempla wkoll il-poplu, li qed jistenna li jkun mifhum (ara Evangelii gaudium, 154).

 

Biex titwassal b’mod iktar effettiv il-Kelma ta’ Alla, hemm bżonn tax-xhieda; mgħallma leali għall-verità u xhieda kuraġġużi tal-Evanġelju. Ix-xhud jgħix dak li jgħallem, jagħmlu tanġibbli, sabiħ, u lil ħadd ma jħalli biered; jgħaqqad mal-verità l-ferħ tal-Evanġelju, il-ferħ li tħossok maħbub minn Alla u destinatarju tal-ħniena infinita tiegħu (ara ibid., 142).

 

San Duminku kien jgħid lil dawk li kienu jisimgħuh: “B’riġlejn ħafja, immorru nipprietkaw”. Dan ifakkarna fis-silta tal-għollieq jaqbad, meta Alla qal lil Mosè: “Neħħi l-qorq minn riġlejk, għax il-post li inti fuqu hu art qaddisa!” (Eż 3:5). Il-predikatur tajjeb jaf li qed iterraq fuq art qaddisa, għaliex il-Kelma li qed iwassal hi qaddisa, kif huma wkoll l-istess destinatarji tagħha. Il-fidili m’għandhomx bżonn biss li jirċievu l-Kelma b’mod sħiħ, imma jridu wkoll iħossu x-xhieda ħajja ta’ min qed jipprietka (ara Evangelii gaudum, 171). Il-qaddisin għamlu ħafna frott għaliex, bil-ħajja u l-missjoni tagħhom, tkellmu bil-lingwaġġ tal-qalb, li ma jafx b’ostakli u li jinftiehem minn kulħadd.

 

Fl-aħħar, il-predikaturi u x-xhieda għandhom ikunu hekk fil-karità. Mingħajr din, ikunu diskutibbli u jġibu suspett. San Duminku kellu dilemma fil-bidu ta’ ħajtu, li mmarkat l-eżistenza kollha tiegħu: “Kif nista’ nistudja fuq laħam mejjet, meta l-ġisem ta’ Kristu qed ibati?”. Hu l-ġisem ta’ Kristu ħaj u sofferenti li jsejjaħ lill-predikatur u ma jħallihx bi kwietu. L-għajta tal-foqra u tal-esklużi tqajjimna, u hekk nifhmu l-kompassjoni li Ġesù kellu għan-nies (Mt 15:32).

 

Xħin inħarsu madwarna, naraw li l-bniedem  tal-lum bil-għatx għal Alla. Huma l-ġisem ħaj ta’ Kristu li jgħajjat: “għandi l-għatx” għal kelma vera u li teħles, għal ġest fratern u mimli ħniena. Din l-għajta ssejħilna u għandha tkun is-sinsla tal-missjoni u tagħti l-ħajja lill-istrutturi u lill-programmi pastorali. Ftakru f’dan meta taħsbu dwar il-bżonn li jiġi rranġat l-organigramma tal-Ordni, biex tirriflettu dwar it-tweġiba li trid tingħata għal din is-sejħa ta’ Alla. Iktar ma ntaffu l-għatx tal-proxxmu, iktar inkunu predikaturi tal-verità, ta’ dik il-verità mwassla lilna bi mħabba u ħniena, li dwarha titkellem Santa Katerina ta’ Siena (ara Libro della Divina Dottrina, 35). Fil-laqgħa mal-ġisem ħaj ta’ Kristu nkunu evanġelizzati u nħossu mill-ġdid il-ħrara biex inkunu predikaturi u xhieda tal-imħabba tiegħu; u ninħallu mit-tentazzjoni perikoluża, illum tant attwali, tal-injostiċiżmu.

 

Għeżież ħuti, b’qalb mimlija gratitudni għad-doni mogħtija mill-Missier lill-Ordni tagħkom u lill-Knisja, inħeġġiġkom timxu bil-ferħ mal-kariżma li nebbħet lil San Duminku u li ħafna qaddisin li jagħmlu parti mill-familja Dumnikana għexu b’ħafna sfumaturi differenti. L-eżempju tiegħi huwa stimulu biex niffaċċjaw il-futur b’tama, għaliex nafu li Alla dejjem iġedded kollox… bla ma jeħdilna xejn. Ħa tidħol għalikom Ommna, il-Verġni tar-Rużarju, u tħariskom, biex tkunu predikaturi u xhieda kuraġġużi tal-imħabba ta’ Alla. Grazzi!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Rossana Cremona