PREŻENTAZZJONI TA’ L-AWGURI TAL-MILIED TAL-KURJA RUMANA

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 Sala Clementina

It-Tnejn 22 ta’ Diċembru 2014

 

“Int ogħla mill-kerubini, int li, meta sirt bħalna, bdilt il-qagħda miżerabbli tad-dinja” (San Atanasju).

 

Għeżież ħuti,

 

Fi tmiem l-Avvent aħna niltaqgħu għat-tislimiet tradizzjonali tagħna.  Fi ftit jiem oħra sa nifirħu aħna u niċċelebraw it-Twelid tal-Mulej; il-ġrajja ta’ Alla li jsir bniedem biex jifdi lill-bnedmin; il-wirja ta’ mħabbet Alla li ma jillimitax ruħu għal li jagħtina xi ħaġa jew jibagħtilna xi messaġġ jew messaġġieri, imma jagħtina lilu nnifsu; il-misteru ta’ Alla li jieħu fuqu l-kundizzjoni umana tagħna u d-dnubiet tagħna biex jurina l-ħajja tiegħu ta’ Alla, il-grazzja tiegħu bla qies u l-maħfra tiegħu b’xejn.  Hu l-appuntament ma’ Alla li jitwieled fil-faqar ta’ l-għar ta’ Betlehem biex jgħallimna l-qawwa ta’ l-umiltà.  Fil-fatt, il-Milied hu wkoll il-festa tad-dawl li ma jiġix milqugħ mill-poplu “il-magħżul” imma min-nies foqra u sempliċi li kienet qed tistenna l-fidwa tal-Mulej.

 

Qabel xejn, nixtieq nawgura lilkom ilkoll – ħuti kollaboraturi, rappreżentanti pontifiċji mxerrda mad-dinja – u lill-għeżież kollha tagħkom Milied qaddis u Sena Ġdida mimlija hena.  Nixtieq irroddilkom ħajr minn qalbi ta’ l-impenn tagħkom ta’ kuljum b’servizz lis-Santa Sede, lill-Knisja Kattolika, lill-Knejjes partikulari u lis-Suċċessur ta’ Pietru.

 

Billi aħna persuni, u mhux numri jew sempliċiment ismijiet fuq karta, irrid niftakar b’mod partikulari f’dawk li, matul din is-sena, temmew is-servizz tagħhom minħabba li qabżu l-limitu ta’ l-età jew għax daħlu għal rwoli ġodda, inkella għax ġew imsejħa fid-Dar tal-Missier.  Lejhom ukoll u lejn il-familjari tagħhom imorru l-ħsieb u l-gratitudni tiegħi.

 

Flimkien magħkom nixtieq ngħolli quddiem il-Mulej radd il-ħajr veru u sinċier għas-sena li qed tħallina, għall-ġrajjiet li għexna u għall-ġid kollu li Hu ġenerożament ried iwettaq permezz tas-servizz tas-Santa Sede, u umilment nitolbu maħfra għan-nuqqasijiet li għamilt “bil-ħsieb, bil-kliem, bl-għemil u billi ħallejt dmirijieti”.

 

U billi nitlaq minn din it-talba ta’ maħfra, nixtieq li din il-laqgħa tagħna u r-riflessjonijiet li sa naqsam magħkom isiru, għalina lkoll, sostenn u stimolu għal eżami veru tal-kuxjenza biex inħejju qalbna għall-Milied.

 

Jien u naħseb fuq din il-laqgħa tagħna ġietni f’moħħi x-xbieha tal-Knisja bħala l-Ġisem mistiku ta’ Ġesù Kristu.  Hi espressjoni li, kif kien fisser il-Papa Piju XII, “tnixxi u kważi twarrad minn dak li ta’ spiss insibu muri lilna fl-Iskrittura Mqaddsa u fis-Santi Padri”.1  Dwar dan San Pawl kiteb: “Bħalma l-ġisem hu wieħed u fih ħafna membri, u l-membri kollha tal-ġisem, għad li huma ħafna, jagħmlu ġisem wieħed, hekk ukoll Kristu” (1 Kor 12:12).2

 

F’dan is-sens, il-Konċilju Vatikan II ifakkarna li “fil-bini tal-ġisem ta Kristu hemm ukoll membri differenti u ħidmiet differenti.  Wieħed iżda huwa l-Ispirtu li għall-ġid tal-Knisja jqassam l-għotjiet differenti tiegħu skond il-għana tiegħu u l-ħtieġa tal-ministeru (ara 1 Kor 12:11)”.3  Għalhekk “Kristu u l-Knisja jagħmlu Kristu sħiħ’ – Christus totus.  Il-Knisja hi ħaġa waħda ma’ Kristu”.4

 

Nieħu gost naħseb fil-Kurja Rumana qisha kienet mudell ċkejken tal-Knisja, jiġifieri bħala “ġisem” li ta’ kuljum qed ifittex bis-serjetà li jkun iżjed ħaj, iżjed b’saħħtu, iżjed armonjuż u iżjed magħqud fih innifsu u ma’ Kristu.

 

Fir-realtà, il-Kurja Rumana hi ġisem kumpless, magħmul minn tant Dikasteri, Kunsilli, Uffiċċji, Tribunali, Kummissjonijiet u minn għadd ta’ elementi li mhux kollha għandhom l-istess ħidma, imma huma kkordinati għal funzjonament effikaċi, edifikanti, dixxiplinat u eżemplari, minkejja d-diversitajiet kulturali, lingwistiċi u nazzjonali tal-membri tagħha.5

 

Madankollu, billi l-Kurja hi ġisem dinamiku, din ma tistax tgħix mingħajr nutriment u mingħajr ma tieħu ħsieb tagħha nfisha.  Fil-fatt, il-Kurja – bħall-Knisja – ma tistax tgħix mingħajr ma jkollha relazzjoni ħajja, personali, awtentika u soda ma’ Kristu.6  Membru tal-Kurja li ma jikolx ta’ kuljum minn dak l-Ikel jispiċċa jsir burokrata (formalista, funzjonalista, sempliċi impjegat): fergħa li tinxef u tmut ftit ftit u tintrema.  It-talb ta’ kuljum, is-sehem assidwu fis-Sagramenti, b’mod partikulari fl-Ewkaristija u fir-Rikonċiljazzjoni, il-kuntatt ta’ kuljum mal-Kelma ta’ Alla u l-ispiritwalità msarrfa f’karità ħajja huma l-għixien vitali ta’ kull wieħed u waħda minna.  Ħa jkun ċar għalina lkoll li mingħajrU ma nistgħu nagħmlu xejn (ara Ġw 15:5).

 

Konsegwentement, ir-relazzjoni ħajja ma’ Alla tgħajjex u ssaħħaħ anki l-komunjoni ma’ l-oħrajn, u għalhekk, iktar ma aħna intimament magħquda ma’ Alla, iktar aħna magħquda bejnietna, għax l-Ispirtu ta’ Alla jgħaqqad u l-ispirtu tal-ħażin jifred.

 

Il-Kurja hi msejħa titjieb, titjieb dejjem u tikber fil-komunjoni, il-qdusija u l-għerf biex twettaq b’mod sħiħ il-missjoni tagħha.7  Madankollu, anki hi, bħal kull ġisem uman, hi esposta anki għall-mard, għall-funzjonament ħażin, għad-dgħufija.  U hawn nixtieq insemmi xi wħud minn dawk il-mardiet li aktarx jaħkmuha, “mardiet kurjali”.  Huma mardiet li spiss jaħkmu l-ħajja tal-Kurja tagħna.  Huma mardiet u tentazzjonijiet li jdgħajfu s-servizz tagħna lill-Mulej.  Nemmen li jista’ jgħinna dan il-“katalgu” ta’ mardiet li fuqhom sa nitkellmu l-lum – fuq l-eżempju tal-Padri tad-deżert, li kienu jagħtu dawn il-listi: jgħinna nitħejjew għas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, li jista’ jkun pass sabiħ għalina lkoll biex nitħejjew għall-Milied.

 

1. Il-marda li nħossuna “immortali”, “immuni” jew saħansitra “indispensabbli”, u għalhekk nittraskuraw il-kontrolli li ta’ sikwit jeħtieġ nagħmlu fuqna nfusna.  Kurja li ma tikkritikax lilha nfisha, li ma taġġornax ruħha, li ma tfittixx li titjieb hi ġisem marid.  Żjara ta’ spiss liċ-ċimiterji taf tgħinna naraw l-ismijiet ta’ tant persuni, li fosthom kien hemm xi wħud li forsi kienu jaħsbu li huma immortali, immuni u indispensabbli!  Hi l-marda ta’ l-għani iblah tal-Vanġelu li ħaseb li sa jgħix għal dejjem (ara Lq 12:13-21), u anki ta’ dawk li jagħmluha ta’ sidien u jħossuhom superjuri għal kulħadd flok għas-servizz ta’ kulħadd.  Din spiss tiġi mill-marda l-oħra tal-poter, mill-“kumpless tal-Magħżulin”, min-narċisiżmu li jħares appassjonatament lejn ix-xbieha tiegħu nnifsu u jibqa’ ma jarax ix-xbieha ta’ Alla minquxa fuq wiċċ l-oħrajn, speċjalment dak ta’ l-iżjed dgħajfa u fil-bżonn.8  Il-mediċina kontra din l-epidemija hi l-grazzja li nħossuna midinbin u li ngħidu b’qalbna kollha: “Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn.  Għamilna biss dak li kellna nagħmlu” (Lq 17:10).

 

2. Il-marda tal-“martaliżmu” (li ġej minn Marta), tax-xogħol żejjed: jew aħjar, ta’ dawk li tant jintefgħu b’ruħhom u ġisimhom għax-xogħol, li, inevitabbilment, jispiċċaw jittraskuraw “l-aħjar sehem”: dak li joqogħdu bil-qiegħda f’riġlejn Ġesù (ara Lq 10:38-42).  Għalhekk Ġesù sejjaħ lid-dixxipli tiegħu biex “jistrieħu ftit” (ara Mk 6:31), għax meta tittraskura l-mistrieħ meħtieġ, dan iwasslek għall-istress u l-aġitazzjoni.  Il-ħin tal-mistrieħ, għal min wassal fi tmiemha l-missjoni tiegħu, hu meħtieġ, doveruż u għandu jgħaddih serjament: billi jqatta’ ftit tal-ħin ma’ tal-familja u jirrispetta l-btajjel bħala mumenti fejn jikseb enerġija ġdida spiritwali u fiżika; irridu nitgħallmu dak li jgħallem il-Koħèlet: li “kollox għandu żmienu” (ara 3:1).

 

3. Hemm anki l-marda ta’ l-“ebusija” mentali u spiritwali: jew inkella, ta’ dawk li għandhom qalb tal-ġebel u huma “rashom iebsa” (ara Atti 7:51); ta’ dawk li, huma u mexjin, jitilfu s-serenità interjuri, il-vivaċità u l-kuraġġ, u jinħbew wara l-karti hekk li jsiru “magni tal-uffiċċju” u mhux “nies ta’ Alla” (ara Lhud 3:12).  Hu periklu li nitilfu s-sensibbiltà umana li għandna bżonn biex nistgħu nibku ma’ min jibki u nifirħu ma’ min jifraħ!  Hi l-marda ta’ dawk li jitilfu “is-sentimenti ta’ Ġesù” (ara Fil 2:5) għax il-qalb tagħhom, aktar ma jgħaddi ż-żmien, tibbies u ma tibqax kapaċi tħobb bla kundizzjonijiet lill-Missier u lill-proxxmu (ara Mt 22:34-40).  Li tkun Nisrani, fil-fatt, ifisser “ikollok l-istess sentimenti ta’ Kristu Ġesù” (Fil 2:5), sentimenti ta’ umiltà u ta’ għotja, ta’ distakk u ta’ ġenerożità.9

 

4. Il-marda ta’ l-ippjanar żejjed u tal-funzjonaliżmu: meta l-appostlu jippjana kollox sa l-inqas dettall u jemmen li jekk ifassal pjan perfett, l-affarijiet effettivament se jmorru għall-aħjar, u hekk jispiċċa awditur jew konsulent tan-negozju.  Tajjeb li nipprepraw kollox sewwa, imma bla qatt naqgħu fit-tentazzjoni li nippruvaw nagħlqu f’gaġġa jew nikkontrollaw aħna l-libertà ta’ l-Ispirtu s-Santu, li dejjem tibqa’ ikbar, iktar ġeneruża minn kull pjan uman (ara Ġw 3:8).  Naqgħu f’din il-marda għax “dejjem hu aktar faċli u komdu għalina nibqgħu kkatmati mal-pożizzjonijiet weqfin tagħna li ma jinbidlux.  Fir-realtà, il-Knisja tkun fidila lejn l-Ispirtu s-Santu skond kemm ma tippretendix li tirregolah hi jew timmansah – timmansa lill-Ispirtu s-Santu! –  Hu freskezza, fantasija, novità”.10

 

5. Il-marda tal-kordinament ħażin: meta l-membri jitilfu l-komunjoni bejniethom u l-ġisem jitlef il-funzjonalità armonjuża u t-temperanza tiegħu, u hekk isir orkestra li tipproduċi biss kjass, għax il-membri tagħha ma jikkollaborawx u ma jgħixux l-ispirtu ta’ komunjoni u ta’ grupp wieħed magħqud.  Meta r-riġel jgħid lid-driegħ: “m’għandix bżonnok”, jew l-id lir-ras: “nikkmanda jien”, u hekk jinħoloq nuqqas ta’ qbil u skandlu.

 

6. Hemm anki l-marda ta’ l-alzheimer spiritwali”: jew aħjar, meta ninsew l-istorja tas-salvazzjoni tagħna, l-istorja personali tagħna mal-Mulej, l-“ewwel imħabba” (Apok 2:4).  Il-fakultajiet spiritwali jibdew imorru lura ftit ftit u dan fi żmien twil jew anki iqsar jikkawża inkapaċitajiet gravi lill-persuna, u ma tibqax kapaċi twettaq ebda attività awtonoma, u tibda tgħix fi stat ta’ dipendenza assoluta fuq il-perċezzjonijiet spiss immaġinarji tagħha.  Dan narawh f’dawk li tilfu l-memorja tal-laqgħa tagħhom mal-Mulej; f’dawk li m’għandhomx is-sens “dewteronomiku” tal-ħajja; f’dawk li jiddipendu kompletament mill-preżent tagħhom, mill-passjonijiet, il-kapriċċi u l-maniji tagħhom; f’dawk li jibnu madwarhom ħitan u użanzi u hekk isiru dejjem iżjed ilsiera ta’ l-idoli li naqqxu b’idejhom stess.

 

7. Il-marda tar-rivalità u tal-vanaglorja:11 meta l-apparenza, il-kuluri ta’ l-ilbies u l-insinji ta’ onorifiċenza jsiru l-għan ewlieni tal-ħajja, u ninsew kliem San Pawl: “Tagħmlu xejn b’pika ta’ partit, anqas għall-ftaħir fieragħ; imma kunu umli u kull wieħed minnkom iqis lill-ieħor aħjar minnu.  Ħadd minnkom ma għandu jfittex li jaqbillu, imma li jaqbel lil ħaddieħor” (Fil 2:3-4).  Hi l-marda li twassalna biex insiru rġiel u nisa foloz u ngħixu mistiċiżmu falz u “kwjetiżmu” falz.  L-istess San Pawl lil dawn isejħilhom “għedewwa tas-Salib ta’ Kristu” għax “jiftaħru b’dak li jmisshom jistħu minnu, u moħħhom biss fil-ħwejjeġ tad-dinja” (Fil 3:18-19).

 

8. Il-marda ta’ l-iskiżofrenija eżistenzjali.  Hi l-marda ta’ dawk li jgħixu ħajja doppja, frott l-ipokrezija tipika tal-medjokri u l-vojt spiritwali progressiv li l-ebda lawrja jew titlu akkademiku ma jistgħu jimlew.  Marda li spiss tolqot lil dawk li jitilqu s-servizz pastorali, u jillimitaw ruħhom għall-impenji burokratiċi, u hekk jitilfu l-kuntatt mar-realtà, mal-persuni konkreti.  Hekk jispiċċaw joħolqu d-dinja parallela tagħhom, fejn iwarrbu għall-ġenb dak kollu li huma severament jgħallmu lill-oħrajn u jibdew jgħixu ħajja moħbija u spiss immorali.  Il-konverżjoni hi pjuttost urġenti u indipensabbli għal din il-marda gravissma (ara Lq 15:11-32).

 

9. Il-marda tas-seksik, tad-diskors minn taħt u tat-tpaċpiċ fieragħ fuq l-oħrajn.  Fuq din il-marda diġà tkellimt ħafna drabi, imma qatt ma tkun għidt biżżejjed.  Hi marda gravi, li tibda b’mod sempliċi, forsi biss biex wieħed jgħid kelmtejn, u mbagħad taħkem il-persuna u tagħmel minnha “żerriegħa tas-sikrana” (bħal Satana), u f’ħafna każi “qattiela kiesaħ u biered” tal-fama tal-kollegi tagħha u ta’ ħutha.  Hi l-marda tal-persuni viljakki, li għax ma jsibux il-kuraġġ li jitkellmu direttament, jitkellmu minn dahar dak li jkun.  San Pawl iwissina: “Agħmlu kollox mingħajr tgemgim u mingħajr tlaqliq, ħalli tkunu nies bla għajb u safja” (Fil 2:14-15).  Għeżież, noqogħdu attenti mit-terroriżmu tas-seksik!

 

10. Il-marda li niddivinizzaw il-kapijiet.  Hi l-marda ta’ dawk li joqogħdu jduru bis-Superjuri tagħhom, għax jittamaw li hekk jiġbdu fuqhom il-benevolenza tagħhom.  Huma vittmi tal-karreriżmu u ta’ l-opportuniżmu, iweġġħu lill-persuni u mhux lil Alla (ara Mt 23:8-12).  Huma persuni li s-servizz jgħixuh jaħsbu biss f’dak li jistgħu jakkwistaw u mhux f’dak li għandhom jagħtu.  Huma msejkna, imdejqa u mmexxija biss mill-egoiżmu fatali tagħhom (Gal 5:16-25).  Din il-marda taf tolqot anki lis-Superjuri meta joqogħdu jżegħilu b’xi wħud mill-kollaboraturi tagħhom biex jirbħu s-sottomissjoni, il-lealtà u d-dipendenza psikoloġika tagħhom, imma r-riżultat aħħari hu kompliċità ta’ veru.

 

11. Il-marda ta’ l-indifferenza lejn l-oħrajn.  Meta kull wieħed jaħseb biss fih innifsu u jitlef is-sinċerità u dik is-sħana tar-relazzjonijiet umani.  Meta l-aktar espert ma jqegħidx l-għerf tiegħu għas-servizz tal-kollegi inqas esperti.  Meta ssir taf xi ħaġa u żżommha għalik flok taqsamha b’mod pożittiv ma’ l-oħrajn.  Meta, minħabba fl-għira jew b’ħażen, tieħu gost tara lill-persuna l-oħra taqa’ flok tara kif tqajjimha fuq saqajha u tinkuraġġiha.

 

12. Il-marda tal-wiċċ ta’ funeral, jew tal-persuni goffi u severi, li jaħsbu li biex tkun serju trid tagħmel wiċċ ta’ dwejjaq, sever u tittratta lill-oħrajn – fuq kollox dawk li żżomm b’inferjuri – b’riġidità, b’mod iebes u arroganti.  Fir-realtà, is-severità teatrali u l-pessimiżmu sterili12 spiss huma sintomi ta’ biża’ u nuqqas ta’ ċertezza minnek innifsek.  L-appostlu jrid jagħmel sforz biex ikun persuna li taf tmur man-nies, serena, entużjasta u allegra li tittrasmetti l-ferħ kull fejn tkun.  Qalb mimlija b’Alla hi qalb hienja li xxerred u tħalli jittieħdu mill-ferħ tagħha lil dawk kollha li għandha madwarha: mill-ewwel tintebaħ biha!  Mela ma nitilfux dak l-ispirtu ferrieħi, mimli humour, u saħansitra awtoironiku, li jagħmilna persuni ta’ min iħobbhom, anki fl-aktar sitwazzjonijiet diffiċli.13  Kemm ġid tista’ tagħmlilna doża tajba ta’ umoriżmu sân!  Jagħmlilna tajjeb jekk ta’ spiss intennu t-talba ta’ San Tumas More:14 jien nitlobha ta’ kuljum, tagħmilli ħafna ġid.

 

13. Il-marda tat-trekkin: meta l-appostlu jfittex li jimla vojt eżistenzjali fil-qalb tiegħu billi jrekken għalih innifsu ġid materjali, mhux għax għandu bżonnu, imma sempliċiment biex iħossu fiż-żgur.  Fir-realtà, m’hemm xejn materjali li nistgħu nieħdu magħna, għax “il-kefen m’għandux bwiet” u t-teżori kollha li għandna fuq din l-art – anki jekk huma rigali – qatt ma jistgħu jimlew dak il-vojt, anzi jagħmluh iżjed esiġenti u profond.  Lil dawn il-persuni l-Mulej itennilhom: “Int tgħid: ‘Jiena għani, jiena stagħnejt u ma jonqosni xejn’, bla ma taf li l-imsejken huwa int, ta’ min jitħassrek, fqir, agħma u għeri…  Mela tħeġġeġ u indem” (Apok 3:17,19).  It-tgeddis tal-ġid qiegħed hemm biss biex itaqqal u jżommna milli nimxu sew!  U jiġini f’moħħi aneddotu: dari l-Ġiżwiti Spanjoli kienu jispjegaw il-Kumpanija ta’ Ġesù bħala l-“kavallerija ħafifa tal-Knisja”.  Niftakar fit-trasferiment ta’ żagħżugħ Ġiżwita li, hu u jgħabbi fuq trakk il-ħafna affarijiet li kellu: bagalji, kotba, oġġetti u rigali, sema’ jgħidlu, bi tbissima għarfa, lil wieħed Ġiżwita anzjan li kien qed josservah: “Allura din hi l-‘kavallerija ħafifa tal-Knisja’?”.  It-trasferimenti tagħna huma sinjal ta’ din il-marda.

 

14. Il-marda taċ-ċrieki magħluqa, fejn l-appartenenza għall-grupp ċkejken issir aqwa minn dik għall-Ġisem u, f’xi siwtazzjonijiet, għal Kristu nnifsu.  Anki din il-marda tibda dejjem b’intenzjonijiet tajba imma maż-żmien tjassar lill-membri u ssir kankru li jhedded l-armonija tal-Ġisem u jagħmel tant deni – skandli – speċjalment lill-iċken fost ħutna.  L-awtodistruzzjoni jew in-“nar ħabib” tas-suldati sħabna hu l-aktar periklu qarrieq.15  Hu dak il-ħażen li jolqot minn ġewwa;16 u, kif jgħid Kristu, “kull saltna maqsuma fiha nfisha ssir ħerba” (Lq 11:17).

 

15. U l-aħħar waħda: il-marda tal-profitt mondan, ta’ l-esebizzjoniżmi,17 meta l-appostlu jibdel is-servizz tiegħu f’poter, u l-poter tiegħu f’merkanzija biex jagħmel profitt mondan jew iżjed poteri.  Hi l-marda tal-persuni li donnhom qatt m’għandhom kwiet fit-tiftixa tagħhom biex ikattru l-poter u għal dan l-iskop kapaċi jikkalunjaw, jimmalafamaw u jiskreditaw lill-oħrajn, saħanistra fuq il-ġurnali u fuq ir-rivisti.  Naturalment biex jidhru u kulħadd jara li huma aktar kapaċi mill-oħrajn.  Anki din il-marda tagħmel ħsara kbira lill-Ġisem, għax twassal lill-persuni biex jiġġustifikaw l-użu ta’ kull tip ta’ mezz biex jaslu għal dan l-iskop tagħhom, spiss f’isem il-ġustizzja u t-trasparenza!  U hawn tiġini f’moħħi t-tifkira ta’ saċerdot li kien iċempel lill-ġurnalisti biex jirrakkuntalhom – u jivvinta – ħwejjeġ privati u riservati dwar ħutu s-saċerdoti u l-parruċċani.  Kien jimpurtah biss li jidher fuq l-ewwel paġni, għax hekk kien iħossu qawwi u attraenti, u kien qed jagħmel tant ħsara lill-oħrajn u lill-Knisja.  Imsejken!

 

Ħuti, dawn il-mardiet u tentazzjonijiet naturalment huma periklu għal kull Nisrani u għal kull kurja, komunità, kongregazzjoni, parroċċa, moviment ekkleżjali, u jistgħu jolqtuna kemm fuq livell individwali u kemm komunitarju.

 

Nagħmilha ċara li l-Ispirtu s-Santu biss – ir-ruħ tal-Ġisem Mistiku ta’ Kristu, kif jistqarr il-Kredu Niċeo-Kostantinopolitan: “Nemmen… fl-Ispirtu s-Santu, Mulej li jagħti l-ħajja” – jista’ jfejjaq kull marda.  Hu l-Ispirtu s-Santu li jwieżen kull sforz sinċier ta’ purifikazzjoni u kull rieda tajba ta’ konverżjoni.  Hu li jfehimna li kull membru jista’ jkollu sehem kemm fit-tqaddis tal-ġisem u kemm fit-tidgħif tiegħu.  Hu li jġib l-armonija:18 “Ipse harmonia est, jgħid San Bażilju.  Santu Wistin jgħidilna: “Sakemm parti żżomm magħquda mal-ġisem, m’għandhiex għax taqta’ jiesha mill-fejqan; imma dak li nqata’, la jista’ jiddewwa u lanqas ifiq”.19

 

Il-fejqan hu wkoll frott ta’ l-għarfien tal-marda u tad-deċiżjoni personali u komunitarja li nagħtu kasha u nġarrbu bis-sabar u bil-perseveranza l-kura meħtieġa.20

 

Mela, aħna msejħin – f’dan iż-żmien tal-Milied u kemm idum is-servizz tagħna jew hi twila ħajjitna – biex ngħixu billi “nagħmlu s-sewwa fl-imħabba [u nfittxu li] nikbru f’kollox fih, f’dak li hu r-Ras, Kristu.  Fih il-ġisem kollu jsib ir-rabta u l-għaqda tiegħu permezz ta’ l-għekiesi kollha li jservuh skond il-ħidma ta’ kull waħda minnhom, biex jikber fih innifsu u jinbena fl-imħabba” (Efes 4:15-16).

 

Għeżież ħuti!

 

Darba qrajt li s-saċerdoti huma bħall-ajruplani: jidhru fuq l-aħbarijiet biss meta jaqgħu, imma hemm ħafna li jtiru.  Ħafna jikkritikaw u ftit jitolbu għalihom.  Hi frażi simpatika ħafna imma anki vera ħafna, għax minnha tidher l-importanza u d-delikatezza tas-servizz saċerdotali tagħna u kemm deni saċerdot wieħed li “jaqa’” jista’ jikkawża lill-ġisem kollu tal-Knisja.

 

Għalhekk, biex ma naqgħux f’dawn il-jiem li fihom qed nitħejjew għall-Qrar, nitolbu lill-Verġni Marija, Omm Alla u Omm il-Knisja, biex tfejjaq il-ġrieħi tagħna mid-dnub li kull wieħed minna jġorr fil-qalb tiegħu u biex twieżen lill-Knisja u lill-Kurja ħa jibqgħu b’saħħithom u jsaħħu lill-oħrajn, qaddisa u jqaddsu lill-oħrajn, għall-glorja ta’ Binha u għas-salvazzjoni tagħna u tad-dinja kollha.  NitolbuHa tgħinna nħobbu lill-Knisja kif ħabbha Kristu, Binha u Sidna, u biex ikollna l-kuraġġ nagħrfu li aħna midinbin u dejjem neħtieġu l-Ħniena tiegħu, u ma nibżgħux nitilqu jdejna fl-idejn tagħha ta’ omm.

 

Nixtieq minn qalbi Milied qaddis lilkom ilkoll, lill-familji tagħkom u lill-kollaboraturi tagħkom.  U, nitlobkom, tinsewx titolbu għalija!  Grazzi mill-qalb!

 


1 Hu jafferma li l-Knisja, li hi mysticum Corpus Christi, “teħtieġ ukoll għadd ta’ membri, li huma hekk marbuta ma’ xulxin li jgħinu wieħed lill-ieħor.  U kif fl-organiżmu tal-ġisem tagħna, meta membru jsofri, l-oħrajn iħossu l-uġigħ tiegħu u jiġu għall-għajnuna tiegħu, hekk fil-Knisja l-membri individwali ma jgħixux kull wieħed għalih innifsu, imma jagħtu wkoll għajnuna lill-oħrajn, u joffru kollaborazzjoni lil xulxin, kemm għall-faraġ wieħed ta’ l-ieħor u kemm għal żvilupp dejjem ikbar tal-Ġisem kollu… Ġisem li m’hux magħmul minn ġabra ta’ membri kienet li kienet, imma li jrid ikun mgħammar b’organi, jew aħjar b’membri li m’għandhomx kollha l-istess kompitu, imma huma kordinati kif suppost; hekk il-Knisja, għalhekk l-iżjed li trid tissejjaħ ġisem, għax toħroġ minn dispożizzjoni ċara u għaqda koerenti ta’ membri differenti minn xulxin” (Enċiklika Mystici Corporis, L-Ewwel Parti: AAS 35 [1943], 200).

2 Ara Rum 12:5: Hekk aħna ġisem wieħed fi Kristu u kull wieħed minna membru ta l-ieħor”.

3 Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 7.

4 Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, nru 795.  Ta’ min ifakkar li “it-tqabbil tal-Knisja mal-ġisem jagħti dawl lir-rabta intima bejn il-Knisja u Kristu.  Il-Knisja m’hix biss miġbura madwaru, imma hi wkoll magħquda miegħu f’Ġismu.  Hemm tliet aspetti fil-Knisja, Ġisem ta’ Kristu, li ta’ min jitkellem dwarhom, b’mod speċifiku: l-għaqda tal-membri kollha bejniethom permezz ta’ l-għaqda tagħhom fi Kristu; Kristu Ras tal-Ġisem tiegħu; il-Knisja l-Għarusa ta’ Kristu” (ibid, nru 789).

5 Ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 130-131.

6 Ġesù iżjed minn darba wera kif għandha tkun l-għaqda tal-fidili miegħU: “Kif il-fergħa ma tistax tagħmel frott minnha nfisha jekk ma tibqax fid-dielja, hekk anqas intom jekk ma tibqgħux fija.  Jiena d-dielja, intom il-friegħi” (Ġw 15:4-5).

7 Ara Kostituzzjoni appostolika Pastor Bonus, art. 1; CIC, kan. 360.

8 Ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 197-201.

9 Benedittu XVI, Katekeżi fl-Udjenza ġenerali, 1 ta’ Ġunju 2005.

10 Omelija fil-Quddiesa, Istanbul, Katidral ta’ l-Ispirtu s-Santu, 29 ta’ Novembru 2014.

11 Ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 95-96.

12 Ara ibid, 84-86.

13 Ara ibid, 2.

14 “Mulej, agħtini diġestjoni tajba u anki xi ħaġa x’niddiġerixxi.  Agħtini ġisem b’saħħtu, u l-aptit it-tajjeb biex immantnih.  Agħtini, Mulej, ruħ sempliċi li tagħraf tgħożż dak kollu li hu tajjeb u ma tibżax malajr quddiem id-dehra tal-ħażen, imma pjuttost issib dejjem mod kif terġa’ tpoġġi kollox lura f’postu.  Agħtini ruħ li ma tafx tiddejjaq, tgorr, titniehed, tgerger, u tħallix li noqgħod ninkwieta żżejjed għal dik il-ħaġa wisq ingombranti li tissejjaħ ‘Jien’.  Agħtini, Mulej, sens ta’ umoriżmu tajjeb.  Agħtini l-grazzja li nilqa’ ċajta biex fil-ħajja niskopri ftit tal-ferħ, u nagħraf naqsmu wkoll ma’ l-oħrajn.  Amen”.

15 Ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 88.

16 Il-Beatu Pawlu VI, f’riferenza għas-sitwazzjoni tal-Knisja, afferma li kellu s-sensazzjoni li “minn xi xaqq xi mkien kien daħal fit-tempju ta’ Alla d-duħħan ta’ Satana” (Omelija fis-Solennità ta’ l-Appostli Mqaddsa Pietru u Pawlu, 29 ta’ Ġunju 1972); ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 98-101.

17 Ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 93-97 (“Le għall-mondanità spiritwali”).

18 “L-Ispirtu s-Santu hu r-ruħ tal-Knisja.  Hu jagħtiha l-ħajja, iqanqal il-kariżmi differenti li jagħnu l-poplu ta’ Alla u, fuq kollox, joħloq l-għaqda bejn min jemmen: minn ħafna jagħmel ġisem wieħed, il-ġisem ta’ Kristu…  L-Ispirtu s-Santu jġib l-għaqda fil-Knisja: għaqda fil-fidi, għaqda fil-karità, għaqda fil-koeżjoni interjuri” (Omelija fil-Quddiesa, Istanbul, Katidral ta’ l-Ispirtu s-Santu, 29 ta’ Novembru 2014).

19 Serm., CXXXVII, 1: PL, XXXVIII, 754.

20 Ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 25-33 (“Pastorali f’konverżjoni”).

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard