Sinjuri distinti,

Kuntent li qed niltaqa’ magħkom fit-tmiem tal-International Drug Enforcement Conference. Nirringrazzjakom taż-żjara tagħkom u nixtieq ngħidilkom kemm napprezza l-ħidma li  qed twettqu biex taffrontaw problema ta’ żmenijietna li hi daqshekk gravi u kumplessa. Nawguralkom li dawn il-ġranet tal-laqgħa tagħkom f’Ruma jħallu marka siewja fl-impenn tagħkom.  U b’mod partikulari, nixtieq nawguralkom li tilħqu l-miri li wasaltu għalihom:  li tkun koordinata l-politika kontra d-droga, li jsir sharing  tal-informazzjoni miksuba u li tkun żviluppata strateġija operattiva sfiqa kontra l-kummerċ tad-droga. Forsi fil-kummerċ tad-droga, l-azzjonijiet huma dawk li l-aktar jirrendu flus fis-suq. U din hi xi ħaġa traġika.

Il-flaġell tad-droga qed ikompli jinxtered f’forom u f’dimensjonijiet  li jimpressjonawk; hu sostnut minn suq moqżież li ma jafx  bi  frunitieri nazzjonali u kontinentali. U b’hekk qed ikompli jikber il-periklu għaż-żgħażagħ u għall-adolexxenti. Quddiem fenomenu bħal dan, inħoss il-ħtieġa li nuri n-niket u l-preokkupazzjoni tiegħi.

Irrid ngħid b’mod ċar ħafna li d-droga ma tintrebaħx bid-droga! Id-droga hi xi ħaġa ħażina, u fejn hemm  dak li hu ħażin  la tista’ ċċedi u lanqas tagħmel kompromessi.  Żgur li  l-problema ma ssolvix ruħha  billi wieħed jaħseb li ser inaqqas il-ħsara jekk jagħti permess   li jintużaw psikofarmaċi  minn dawk il-persuni li jkomplu jagħmlu użu mid-droga.  Il-legalizzazzjoni ta’ dawk  li jissejħu “drogi ħfief”, anki jekk din tkun parżjali,  mhux biss hi xi ħaġa diskutibbli fuq livell leġiżlattiv, iżda  lanqas ma twassal għall-effetti maħsuba. Imbagħad, id-drogi sostituttivi mhumiex terapija suffiċjenti, imma huma mod mistur kif wieħed iċedi  għal dan il-fenomenu.   Nerġa’ nisħaq fuq dak li ġa għidt f’okkażjoni oħra: le għal kull tip ta’ droga. Sempliċiment. Le għal kull tip ta’ droga. ( ara Udjenza ġenerali, 7 ta’ Mejju 2014). Iżda biex ngħidu din il-le, jeħtieġ li ngħidu iva għall-ħajja, iva għall-imħabba, iva għall-oħrajn, iva għall-edukazzjoni, iva għall-isport, iva għax-xogħol, iva għal aktar opportunitajiet ta’ xogħol. Naħsbu ftit f’dak iż-żagħżugħ li hu bla xogħol.   Ikolli ngħid li dawk bla xogħol fl-Ewropa jgħoddu mal-75 miljun;  hekk minn għalija, imma miniex ċert u ma rridx ngħid xi ħaġa li ma tkunx. Imma ejjew naħsbu ftit f’dak iż-żagħżugħ li la jagħmel ħaġa u lanqas oħra; la jistudja u lanqas jaħdem.   Isib ruħu  fejn m’hemmx xefaq, fejn m’hemmx  tama, u l-ewwel ħaġa  offruta jkunu d-dipendenzi, u fost dawn id-droga. Jekk iseħħu dawn “l-iva”, ma jkunx hemm post għad-droga, ma jkunx hemm post għall-abbuż mill-alkohol jew għall-dipendenzi oħra.

Il-Knisja, fidila lejn il-mandat ta’ Ġesω biex tmur kulfejn hemm  xi ħadd li qed ibati,  xi ħadd bil-għatx,  xi ħadd bil-ġuħ,  xi ħadd fil-ħabs (ara Mt 25,31-46), m’abbandunatx lil dawk li waqgħu fin-nassa tad-droga, imma marret tiltaqa’ magħhom bl-imħabba kreattiva tagħha. Qabdithom minn idejhom, permezz tal-ħidma ta’ tant operaturi u volontarji, biex huma jiskopru mill-ġdid id-dinjita’ tagħhom u għenithom biex jerġgħu jagħtu l-ħajja lil dawk ir-riżorsi, lil dawk it-talenti personali li d-droga difnet imma  ma setgħetx teqred la darba kull bniedem hu maħluq fuq is-sura u x-xbieha t’Alla (ara Gen 1,26).  Iżda din il-ħidma ta’ rkupru hi limitata ħafna, mhijiex biżżejjed. Hemm bżonn issir ħidma ta’ prevenzjoni.  Din tagħmel ħafna ġid.

L-eżempju ta’ tant żgħażagħ li xewqana biex jinħelsu mid-dipendenza għad-droga jimpejaw ruħhom biex jerġgħu jibnu ħajjithom mill-ġdid, hu stimolu biex wieħed iħares ‘l quddiem b’fiduċja.

Sinjuri distinti, inħeġġiġkom tkomplu l-ħidma tagħkom b’tama dejjem akbar. Nawguralkom ħafna ġid u nagħtikom minn qalbi l-barka tiegħi. Grazzi.

 

Miġjub għall-Malti  minn Vivienne Attard