“Adam, fejn int?” (ara Ġen 3:9).

Fejn int, ja bniedem?  Fejn ħrabt?

F’dan il-post, memorjal tax-Shoah, nisimgħu tidwi din il-mistoqsija ta’ Alla: “Adam, fejn int?”.

F’din il-mistoqsija hemm in-niket kollu tal-Missier li tilef lil ibnu.

Il-Missier kien jaf x’riskju jġib miegħu l-ħelsien; kien jaf li l-iben seta’ jitlef triqtu… imma forsi lanqas il-Missier ma seta’ jistħajjel waqgħa bħal dik, abbiss bħal dak!

Dik il-karba: “Fejn int?”, hawn, quddiem it-traġedja bla qies ta’ l-Olokawst, tidwi bħal leħen mitluf f’abbiss bla qiegħ…

 

Bniedem, min int?  M’għadnix nista’ nagħrfek.

Min int, ja bniedem?  Min sirt?

X’ħaġa tal-biża’ kont kapaċi tasal għaliha?

X’ġagħlek taqa’ daqshekk fil-baxx?

M’hux it-trab ta’ l-art li ġibdek lejh.  It-trab ta’ l-art hu ħaġa tajba, opra ta’ jdejja.

M’hux in-nifs tal-ħajja li jien infaħt fi mnifsejk.  Dak in-nifs ġej minni, hu ħaġa tajba ħafna (ara Ġen 2:7).

Le, dan l-abbiss ma jistax ikun biss opra tiegħek, ta’ jdejk, ta’ qalbek…  Min ħassrek?  Min sfigurak?

Min ħammġek bil-preżunzjoni li tista’ ssir sid it-tajjeb u l-ħażin?

Min ikkonvinċiek li kont alla?  Mhux biss ittorturajt u qtilt lil ħutek, imma offrejthom sagrifiċċju lilek innifsek, għax sawwart lilek innifsek f’alla.  Il-lum, hawnhekk, nerġgħu lura biex nisimgħu leħen Alla: “Adam, fejn int?”.

 

Mit-trab ta’ l-art togħla minn taħt l-ilsien il-karba: Ħenn għalina, Mulej!

Tiegħek, Mulej Alla tagħna, il-ġustizzja; tagħna l-għajb fuq wiċċna, il-mistħija (ara Bar 1:15).

Waqa’ fuqna ħażen li qatt ma kien għadu deher taħt wiċċ is-sema (ara Bar 2:2).  Issa, Mulej, isma’ t-talba tagħna, isma’ l-għajta tagħna, eħlisna minħabba fil-ħniena tiegħek.  Eħlisna minn dan l-att mostruż.

Mulej li tista’ kollox, hi ruħ imnikkta li qed tgħajjatlek.  Isma’, Mulej, u ħenn!  Aħna dnibna kontrik.  Int issaltan għal dejjem (ara Bar 3:1-2).

Ftakar fina fil-ħniena tiegħek.  Agħtina l-grazzja li nistħu minn dak li, bħala bnedmin, kellna l-ħila nagħmlu, li nistħu minn din l-ogħla idolatrija, għax maqdarna u qridna l-ġisem tagħna, dik li int għaġint mit-tajn, dak li int ħjejt bin-nifs tiegħek tal-ħajja.

 

Qatt iżjed, Mulej, qatt iżjed!

“Adam, fejn int?”.

Hawn aħna, Mulej, bl-għajb fuqna għal dak li l-bniedem, maħluq xbieha tiegħek, kellu l-ħila jagħmel.

Ftakar fina fil-ħniena tiegħek.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard