Eċċellenza,

Sinjur Kardinal Nichols,

Sinjur Kardinal Koch,

Għeżież ħuti,

 

“Kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa li l-aħwa jgħammru flimkien!” (Salm 133:1).  Għal darb’oħra, Eċċellenza, qed niltaqgħu bħala sieħba fil-vjaġġ li fih mexjin wara l-Mulej, kollaboraturi fl-għalqa tiegħu tad-dwieli, pellegrini fl-istess triq lejn is-Saltna tiegħu.  Jiena u nagħti merħba minn qalbi lilek u lill-membri distinti tad-delegazzjoni tiegħek, nitlob lill-Mulej li l-laqgħa tal-lum tgħin biex issaħħaħ ir-rabtiet ta’ ħbiberija ta’ bejnietna u tqawwi l-impenn tagħna għall-kawża għolja tar-rikonċiljazzjoni u tal-komunjoni bejn dawk li jemmnu fi Kristu.

 

Anki lilna donnu l-Mulej qed jistaqsina: “X’kontu qegħdin titħaddtu bejnietkom fit-triq?” (Mk 9:33).  Meta Ġesù għamel din il-mistoqsija lid-dixxipli tiegħu, huma baqgħu siekta għax stħaw minnhom infushom, billi bejniethom kienu qed jitkellmu fuq min kien l-ikbar fosthom.  Anki aħna nħossuna nitħawdu minħabba fid-distanza li hemm bejn is-sejħa tal-Mulej u t-tweġiba fqajra tagħna.  Quddiem il-ħarsa tiegħu kollha ħniena ma nistgħux nagħmlu tabirruħna li l-firda ta’ bejnietna m’hix qed tkun skandlu, xkiel għax-xandir tal-Vanġelu tal-fidwa lid-dinja.  Il-vista tagħna  mhux darba u tnejn tiċċajpar mit-toqol li kkawżat l-istorja tal-firdiet ta’ bejnietna u r-rieda tagħna mhux dejjem hi ħielsa minn dik l-ambizzjoni umana li kultant issieħeb saħansitra x-xewqa tagħna li nħabbru l-Vanġelu skond l-amar tal-Mulej (ara Mt 28:19).

 

Ix-xewqa ta’ l-għaqda sħiħa tista’ tidher għan imbiegħed, imma dejjem tibqa’ l-mira li lejha rridu norjentaw kull pass fil-mixja ekumenika li qed interrqu flimkien.  Tagħmilli kuraġġ l-eżortazzjoni mimlija għerf tad-Digriet tal-Konċilju Vatikan II dwar l-Ekumeniżmu, li ssejħilna biex inseddqu r-relazzjonijiet ta’ bejnietna u l-kollaborazzjoni tagħna bla ma nxekklu t-toroq tal-Providenza u bla ma noħolqu preġudizzju għat-tqanqil li l-Ispirtu s-Santu għad irid iwettaq fil-ġejjieni (ara Unitatis redintegratio, 24).  Il-progress tagħna lejn il-komunjoni sħiħa m’għandux ikun sempliċement il-frott ta’ l-azzjonijiet umani tagħna, imma don ħieles ta’ Alla.  L-Ispirtu s-Santu jagħtina l-qawwa biex ma naqtgħux qalbna u jistedinna nafdaw ruħna b’fiduċja sħiħa f’idejn l-azzjoni setgħana tiegħu.

 

Bħala dixxipli li jħabirku biex jimxu wara l-Mulej, nafu li l-fidi waslet għandna permezz ta’ bosta xhieda.  Inħossuna midjuna ma’ qaddisin kbar, ma’ għalliema u komunitajiet li għaddewlna l-fidi matul il-medda tas-sekli u li jixhdulna ċar li l-għeruq tagħna huma komuni.  Il-bieraħ, Solennità tat-Trinità Qaddisa, l-Eċċellenza Tiegħek iċċelebrat l-Għasar fil-knisja ta’ San Gregorio al Celio, mnejn il-Papa Girgor il-Kbir bagħat lir-raħeb Wistin u sħabu jevanġelizzaw il-popli ta’ l-Ingilterra, u hekk ta bidu għal storja ta’ fidi u qdusija li mbagħad minnha gawdew tant ġnus oħra Ewropej.  Mixja glorjuża, li tagħha fadal ħjiel qawwi f’isituzzjonijiet u tradizzjonijiet ekkleżjali li naqsmu flimkien u li jikkostitwixxu bażi solida għall-fraternità ta’ bejnietna.

 

Fuq din il-bażi nħarsu b’fiduċja lejn il-futur.  Il-Kummissjoni Internazzjonali Anglikana-Kattolika u l-Kummissjoni Internazzjonali Anglikana-Kattolika għall-Għaqda u l-Missjoni huma oqsma partikularment sinifikattivi biex, fi spirtu kostruttiv, neżaminaw l-isfidi qodma u dawk ġodda fl-impenn ekumeniku.

 

Meta ltqajna l-ewwel darba, Eċċellenza, tkellimna dwar it-tħassib komuni tagħna u dwar l-uġigħ ta’ qalb tagħna quddiem il-ħażen li qed jifni l-familja umana.  B’mod partikulari, esprimejna l-istess għafsa ta’ qalb quddiem il-pjaga tat-traffikar tal-bnedmin u d-diversi xejriet ta’ jasar modern.  Nirringrazzja lill-Eċċellenza Tiegħek għall-impenn li qed turi kontra krimini intollerabbli bħal dan li jmorru kontra d-dinjità umana.  F’dan il-qasam vast ta’ ħidma, li qed jidher quddiemna fl-urġenza kollha tiegħu, tnedew bosta attivitajiet sinifikattivi ta’ koperazzjoni kemm fil-kamp ekumeniku, u kemm id f’id ma’ aworitajiet ċivili u organizzazzjonijiet internazzjonali.  Bosta huma l-inizjattivi ta’ karità li nibtu mill-komunitajiet tagħna u qed jitmexxew b’ġenerożità u kuraġġ f’bosta partijiet tad-dinja.  Tiġini f’moħħi b’mod partikulari x-xibka ta’ ħidma kontra t-traffikar tan-nisa li nħolqot minn bosta istituti reliġjużi femminili.  Inħabirku biex nipperseveraw fil-ġlieda tagħna kontra l-forom ġodda ta’ jasar, għax nemmnu li nistgħu ngħinu biex noffru serħan lill-vittmi u neħduha kontra dan il-kummerċ traġiku.  Bħala dixxipli mibgħuta biex infejqu lid-dinja miġruħa, irrodd ħajr lil Alla li tana l-ħila nwaqqfu front komuni kontra din il-pjaga wisq gravi, b’perseveranza u determinazzjoni.

 

(Il-Papa Franġisku)

Don’t forget the three “p”:

 

(Welby)

Three “p”?…

 

(Il-Papa Franġisku)

Prayer, peace and poverty. We must walk together.

 

(Welby)

We must walk together.

 

Eċċellenza, mill-ġdid nirringrazzjak taż-żjara tiegħek.  Nitlob lill-Mulej ibierek bil-kotra l-ministeru tiegħek, u jwieżen lilek u lill-għeżież tiegħek fil-ferħ u fis-sliem.  Amen.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard