Għeżież familji, il-lejla t-tajba!

 

Issa dieħel il-lejl fuq il-laqgħa tagħna.  Hi s-siegħa li fiha kulħadd jieħu gost jerġa’ lura d-dar biex joqgħod madwar l-istess mejda, f’dak l-ambjent ta’ mħabba, jaqsam it-tajjeb li wieħed għamel u rċieva, fil-laqgħat li jsaħħnu l-qalb u jkabbruha, l-inbid tajjeb li diġà sa minn dawn il-jiem tal-bniedem fuq din l-art iħabbar il-festa li fuqha x-xemx qatt ma tinżel.

 

Din hi wkoll l-itqal siegħa għal min isib ruħu waħdu wiċċ imb’wiċċ mas-solitudni tiegħu, fl-imrar tal-ħolm imtajjar u l-proġetti mkissra tiegħu: kemm nies jispiċċaw ikaxkru l-ġranet tagħhom fl-isqaq tar-rassenjazzjoni, tat-telqa, jekk mhux ukoll tar-rabja; f’kemm djar naqas l-inbid tal-ferħ u, għalhekk, it-togħma tajba – l-istess għerf – tal-ħajja…  Il-lejla fit-talb tagħna ejjew niftakru kemm f’dawn u kemm fl-oħrajn, u ngħidu talba għal kulħadd.

 

Hu sinifikattiv kif – anki fil-kultura individwalista li qed ixxejjen u tħoll ir-rabtiet ta’ bejnietna – f’kull persuna li titwieled jibqa’ ħaj il-bżonn essenzjali ta’ l-istabbiltà, ta’ bieb miftuħ, ta’ xi ħadd li miegħu jew magħha tista’ tinseġ u taqsam ir-rakkont ta’ ħajjitha, ta’ storja li minnha tixtieq tagħmel parti.  Il-komunjoni ta’ ħajja li jidħlu fiha l-miżżewġin, il-ftuħ tagħhom għad-don tal-ħajja, il-ħarsien reċiproku ta’ xulxin, il-laqgħa u l-memorja tal-ġenerazzjonijiet, l-akkumpanjament edukattiv, it-trasmissjoni tal-fidi Nisranija lill-ulied…: b’dan kollu l-familja tissokta tkun skola unika ta’ umanità, kontribut indispensabbli għal soċjetà ġusta u solidali (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 66-68).  U iktar ma l-għeruq huma mniżżla fil-fond, iżjed hu possibbli li fil-ħajja tasal ’il bogħod, mingħajr ma tintilef jew tħossok barrani f’ebda post.  Dan ix-xefaq jgħinna nagħrfu l-importanza ta’ l-Assemblea Sinodali li sa tiftaħ għada.

 

Diġà l-convenire in unum madwar l-Isqof ta’ Ruma hi ġrajja ta’ grazzja, fejn il-kolleġġjalità episkopali tidher f’mixja ta’ dixxerniment spiritwali u pastorali.  Biex infittxu dak li l-lum il-Mulej qed jitlob mill-Knisja tiegħu, jeħtieġ niftħu widnejna għal kif tħabbat il-qalb ta’ żmienna u nxommu r-“riħa” tal-bnedmin tal-lum, sakemm ninħakmu aħna wkoll mill-ferħ u t-tamiet tagħhom, min-niket u t-tħassib tagħhom (ara Gaudium et spes, 1).  Meta naslu hemm, inkunu nistgħu nipproponu bi kredibbiltà l-bxara t-tajba dwar il-familja.

 

Fil-fatt, nafu kif fil-Vanġelu hemm qawwa u ħlewwa li għandhom il-ħila jegħlbu kull ma jġib dwejjaq u vjolenza.  Iva, fil-Vanġelu hemm is-salvazzjoni li tissodisfa l-ħtiġijiet l-aktar profondi tal-bniedem!  Ta’ din is-salvazzjoni – opra tal-ħniena ta’ Alla u grazzja tiegħu – bħala Knisja aħna sinjal u strument, sagrament ħaj u effikaċi (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 112).  Kieku ma kienx hekk, il-binja tagħna kienet tibqa’ biss kastell tal-karti u r-rgħajja kienu jispiċċaw kjeriċi ta’ l-istat, li għalxejn fuq fommhom il-poplu jmur ifittex il-freskezza u l-“fwieħa tal-Vanġelu” (ibid., 39).

 

Minn dan il-kuntest, għalhekk, joħroġ is-suġġett tat-talba tagħna.  Qabel xejn, lill-Ispirtu s-Santu nitolbuh jagħti lill-Padri Sinodali d-don tas-smigħ: smigħ ta’ Alla, sa ma jaslu biex flimkien miegħU jisimgħu l-karba tal-poplu; smigħ tal-poplu, sa ma jaslu biex jieħdu l-istess nifs tar-rieda li Alla jsejħilna għaliha.  Flimkien mas-smigħ, nitolbu wkoll li jkollna d-disponibbiltà għal konfront sinċier, miftuħ u fratern, li jwassalna biex b’responsabbiltà pastorali nagħmlu tagħna l-mistoqsijiet li din il-bidla epokali qed iġġib magħha.  Inħalluhom iduru f’qalbna, bla ma qatt nitilfu l-paċi, imma b’dik il-fiduċja serena li l-Mulej fil-waqt it-tajjeb ma jonqosx li jwassalha mill-ġdid għall-għaqda.  Jewwilla l-istorja tal-Knisja – u dan nafuh – ma tirrakkontalniex tant sitwazzjonijiet jixtiebhu, li missirijietna għarfu jissuperaw b’sabar u kreattività persistenti?

 

Is-sigriet qiegħed f’ħarsa: u dan hu t-tielet don li nitolbu.  Għax, jekk tassew għandna l-ħsieb li nivverifikaw il-pass tagħna fuq l-art ta’ l-isfidi kontemporanji, il-kundizzjoni deċiżiva hi li nżommu ħarsitna fissa fuq Ġesù Kristu, nieqfu nikkontemplaw u naduraw il-wiċċ tiegħu.  Jekk nagħmlu tagħna l-mod kif jaħseb hu, jgħix hu u jġib ruħu hu ma’ l-oħrajn, ma nsibuhiex bi tqila biex nittraduċu l-ħidma sinodali f’indikazzjonijiet u toroq għall-pastorali tal-persuna u tal-familja.  Fil-fatt, kull darba li nerġgħu lura għall-għajn ta’ l-esperjenza Nisranija, jinfetħu quddiemna toroq ġodda u possibbiltajiet li ma konniex ħsibna fihom qabel.  Dan hu dak li tħallina nifhmu l-indikazzjoni evanġelika: “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5).  Huma kelmiet li fihom jiġbru t-testment spiritwali ta’ Marija, “is-sieħba dejjem attenta li ma jmurx jonqos l-inbid fil-ħajja tagħna” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 286).  Nagħmluhom tagħna!

 

Jekk nagħmlu dan, dawk it-tliet affarijiet – is-smigħ tagħna u l-konfront tagħna dwar il-familja, maħbuba bl-istess ħarsa ta’ Kristu – isiru okkażjoni providenzjali li biha – fuq l-eżempju ta’ San Franġisk – nistgħu nġeddu lill-Knisja u lis-soċjetà.  Bil-ferħ tal-Vanġelu nsibu mill-ġdid il-pass ta’ Knisja rikonċiljata u ħanina, fqira u ħabiba tal-foqra; Knisja li għandha l-ħila li “bis-sabar u bl-imħabba tirbaħ it-tiġrib u diffikulatijiet li jiġuha minn barra u minn ġewwa” (Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika fuq il-Knisja Lumen gentium, 8).

 

Ħa jonfoħ ir-Riħ ta’ Għid il-Ħamsin fuq il-ħidma sinodali, fuq il-Knisja, fuq il-bnedmin kollha.  Iħoll l-għoqiedi li qed iżommu lill-persuni milli jiltaqgħu ma’ xulxin, ifejjaq il-ġrieħi li qed idemmgħu, ħafna, jixgħel mill-ġdid it-tama; kemm għandna nies bla tama!  Jagħtina dik l-imħabba kreattiva li biha nistgħu nħobbu kif ħabb Ġesù.  U hekk it-tħabbira tagħna ssib mill-ġdid il-ħajja u d-dinamiżmu ta’ l-ewwel missjunarji tal-Vanġelu.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard