Għeżież ħuti,

 

Bi pjaċir qed niltaqa’ magħkom fi tmiem il-Kors ta’ formazzjoni għall-kjeriċi u l-lajċi organizzat mit-Tribunal Appostoliku tar-Rota Rumana fuq it-tema: Il-proċess ġdid taż-żwieġ u l-proċedura Super Rato. Nirringrazzja lid-Dekan, Mons. Pinto, għall-kelmtejn tiegħu. Il-kors li sar hawn Ruma, kif ukoll dawk li jsiru fi djoċesijiet oħra, huma inizjattivi ta’ min ifaħħarhom u li jien ninkuraġġixxi, għax jikkontribwixxu biex ikollna għarfien opportun u qsim ta’ esperjenzi fuq diversi livelli ekkleżjali dwar proċeduri kanoniċi importanti.

 

Hu meħtieġ, b’mod partikulari, li nagħtu attenzjoni kbira u analiżi xierqa liż-żewġ Moti proprji riċenti: Mitis Iudes Dominus Iesus u Mitis et misericors Iesus, biex nistgħu napplikaw il-proċeduri ġodda li jistabbilixxu. Dawn iż-żewġ provedimenti ħarġu minn kuntest sinodali, huma espressjoni ta’ metodu sinodali, huma l-frott ta’ mixja sinodali serja. Quddiem il-kwistjonijiet l-aktar jaħarqu dwar il-missjoni tal-evanġelizzazzjoni u s-salvazzjoni tal-erwieħ, importanti li l-Knisja dejjem tirkupra l-prassi sinodali tal-ewwel komunità ta’ Ġerusalemm, fejn Pietru flimkien mal-Appostli l-oħra u mal-komunità kollha taħt l-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu kienu jfittxu li jaġixxu skont il-kmandament tal-Mulej Ġesù.

 

Hu dak li sar ukoll fl-Assemblej sinodali fuq il-familja, li fihom, fi spirtu ta’ komunjoni u fraternità, ir-rappreżentanti tal-episkopat tad-dinja kollha nġabru f’ġemgħa waħda biex jisimgħu l-leħen tal-komunità, biex jiddiskutu, jirriflettu u jagħmlu ħidma ta’ dixxerniment. Is-Sinodu kellu l-għan li jippromovi u jħares il-familja u ż-żwieġ Nisrani għall-akbar ġid tal-miżżewġin fidili għall-patt iċċelebrat fi Kristu. Ried ukoll jifli l-qagħda u l-iżvilupp tal-familja fid-dinja tal-lum, it-tħejjija għaż-żwieġ, il-modi li bihom jista’ jgħin lil min qed ibati minħabba l-falliment taż-żwieġ tiegħu, l-edukazzjoni tal-ulied, u temi oħra.

 

Meta terġgħu lura fil-komunitajiet tagħkom, ħabirku biex tkunu missjunarji u xhieda tal-ispirtu sinodali li hu fil-bidu tagħhom, kif ukoll tal-faraġ pastorali li hu l-għan ta’ din in-normattiva ġdida dwar iż-żwieġ, biex tqawwu l-fidi tal-poplu qaddis ta’ Alla permezz tal-imħabba. L-ispirtu sinodali u l-faraġ pastorali jsiru mod kif taġixxu fil-Knisja, speċjalment f’dak il-qasam hekk delikat li hu dak tal-familja fit-tiftix tal-verità fuq l-istat taż-żwieġ tal-miżżewġin. B’dan l-atteġġjament kull wieħed minnkom ikun kollaboratur leali tal-Isqof tiegħu, li n-normi ġodda jaraw fih rwol determinanti, fuq kollox fil-proċess qasir, ladarba hu l-“imħallef naturali” tal-Knisja partikulari.

 

Fis-servizz tagħkom, intom imsejħin tkunu qrib tas-solitudni u t-tbatija tal-fidili li qed jistennew mill-ġustizzja ekkleżjali l-għajnuna kompetenti u fattwali biex jistgħu jsibu mill-ġdid il-paċi tal-kuxjenzi tagħhom u r-rieda ta’ Alla fuq jistgħux jerġgħu jersqu għall-Ewkaristija. Minn hawn joħroġ il-bżonn u l-valur tal-Kors li fih ħadtu sehem – u nawgura li jiġu organizzati oħrajn bħalu –, b’risq approwċ ġust għall-kwistjoni u studju dejjem iżjed wiesa’ u serju fuq il-proċess ġdid taż-żwieġ. Dan hu espressjoni tal-Knisja li kapaċi tilqa’ u tikkura lil min b’xi mod jew ieħor iħossu miġruħ mill-ħajja u, fl-istess waqt, isejjaħ mill-ġdid għall-impenn b’risq il-ħarsien tas-sagralità tar-rabta taż-żwieġ.

 

Biex nistgħu napplikaw il-liġi l-ġdida tal-proċess taż-żwieġ, sentejn wara l-promulgazzjoni, kawża u motiv ta’ salvazzjoni u paċi għall-għadd kbir ta’ fidili miġruħa fil-qagħda taż-żwieġ tagħhom, iddeċidejt, bis-saħħa tal-uffiċċju tiegħi ta’ Isqof ta’ Ruma u Suċċessur ta’ Pietru, li nippreċiża defenittivament xi aspetti fundamentali taż-żewġ Moti proprji, b’mod partikulari l-figura tal-Isqof djoċesan bħala mħallef personali u waħdieni fil-Proċess iqsar.

 

L-Isqof djoċesan minn dejjem kien il-Iudex unum et idem cum Vicario iudiciali; imma billi dan il-prinċipju fil-fatt jiġi interpretat b’mod li jeskludi l-eżerċizzju personali tal-Isqof djoċesan, li jiddelega kważi kollox lit-Tribunali, qed nistabbilixxi hawn dak li nħoss li hu determinanti u esklussiv fl-eżerċizzju personali tal-Isqof djoċesan imħallef:

 

1. L-Isqof djoċesan, bis-saħħa tal-uffiċċju pastorali tiegħu, hu mħallef personali u waħdieni fil-proċess iqsar.

 

2. Mela l-figura tal-Isqof-djoċesan-imħallef hi l-arkitrav, il-prinċipju kostituttiv u l-element li jiddistingwi l-proċess iqsar kollu, kif imwaqqaf miż-żewġ Moti proprji.

 

3. Fil-proċess iqsar huma mitluba, ad validitatem, żewġ kundizzjonijiet essenzjali: l-episkopat u li wieħed ikun fir-ras ta’ komunità djoċesana ta’ fidili (ara kan. 381 § 2). Jekk hemm nieqsa waħda miż-żewġ kundizzjonijiet, il-proċess iqsar ma jistax iseħħ. L-istanza trid tkun iġġudikata bil-proċess ordinarju.

 

4. Il-kompetenza esklussiva u personali tal-Isqof djoċesan, stipulata fil-kriterji fundamentali tal-proċess iqsar, tirriferi direttament għall-ekkleżjoloġija tal-Konċilju Vatikan II, li jfakkarna li l-Isqof biss għandu diġà, mill-konsagrazzjoni tiegħu, il-milja tas-setgħa kollha li hi ad actum expeditapermezz tal-missio canonica.

 

5. Il-proċess iqsar mhuwiex xi għażla li l-Isqof djoċesan jista’ jagħmel, imma hu obbligu li għandu mill-konsagrazzjoni tiegħu u mill-missio li rċieva. Hu li għandu l-kompetenza esklussiva fit-tliet fażijiet tal-proċess iqsar:

l-istanza li dejjem tiġi indirizzata mill-Isqof djoċesan;

l-istruttorja, kif diġà affermajt fid-diskors tat-12 ta’ Marzu tas-sena l-oħra waqt il-Kors li sar mir-Rota Rumana, l-Isqof imexxiha “dejjem megħjun mill-Vigarju ġudizzjali jew minn xi istruttur ieħor, anki lajk, mill-assessur, u dejjem fil-preżenza tad-difensur tar-rabta”. Jekk l-Isqof ma jkollux biżżejjed kjeriċi jew lajċi kanonisti, il-karità, li tagħżel dan l-uffiċċju episkopali, ta’ isqof fil-qrib tista’ tgħinu għaż-żmien meħtieġ. Barra dan, infakkar li l-proċess imqassar normalment għandu jingħalaq f’sessjoni waħda, waqt li hi mitluba bħala kundizzjoni essenzjali l-evidenza assoluta tal-fatti li jikkonfermaw il-preżunta nullità tal-parti miżżewġa, barra l-kunsens taż-żewġ miżżewġin;

- id-deċiżjoni mħabbra coram Domino, hi dejjem u biss tal-Isqof djoċesan.

 

6. Jekk nafdaw il-proċess iqsar kollu kemm hu lit-tribunal interdjoċesan (sew jekk tad-djoċesi tal-qrib u sew jekk ta’ iżjed minn djoċesi waħda), jista’ jneżża’ min-natura tagħha u jirriduċi l-figura tal-Isqof missier, ras u mħallef tal-fidili tiegħu għal sempliċi firmatarju tas-sentenza.

 

7. Il-ħniena, waħda mill-kriterji fundamentali li jiżguraw is-salus, titlob li l-Isqof djoċesan iwettaq mill-aktar fis possibbli l-proċess iqsar; fil-każ, imbagħad, li fil-preżent ma jħossux lest biex iwettqu, għandu jmexxi l-kawża għall-proċess ordinarju, li xorta għandu jsir bl-attenzjoni kollha meħtieġa.

 

8. Il-qrubija u l-gratwità, kif sħaqt kemm-il darba, huma ż-żewġ ġawhriet li għandhom bżonn il-foqra, li l-Knisja għandha tħobb fuq kull ħaġa oħra.

 

9. Dwar il-kompetenza, tal-Metropolita jew tal-Isqof indikat fil-kanoni ġdid 1687, li jilqa’ l-appell kontra s-sentenza affermattiva tal-proċess iqsar, nippreċiżaw li l-liġi ġdida tat lid-Dekan tar-Rota potestas decidendi ġdida u għalhekk kostituttiva dwar ir-rifjut jew l-ammissjoni tal-appell.

 

Bħala għeluq, nixtieq intenni b’ċarezza li dan jista’ seħħ mingħajr ma wieħed joqgħod jitlob il-permess jew l-awtorizzazzjoni ta’ xi Istituzzjoni oħra, inkella tas-Senjatura Appostolika.

 

Għeżież ħuti, nawguralkom kull ġid għal dan l-istudju u għas-servizz ekkleżjali ta’ kull wieħed minnkom. Il-Mulej iberikkom u l-Madonna tħariskom. U nitlobkom, tinsewx titolbu għalija. Grazzi.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard