Sinjuri, l-għodwa t-tajba!

 

Bi pjaċir qed niltaqa’ magħkom ilkoll, membri tal-Assoċjazzjonijiet mediċi tal-Amerika Latina. Nirringrazzja lil Dr Rodríguez Sendín, President tal-Organizzazzjoni medika kolleġġjali Spanjola, tal-kelmtejn sbieħ tiegħu.

 

Din is-sena l-Knisja Kattolika qed tiċċelebra l-Ġublew tal-Ħniena; hi okkażjoni tajba biex nesprimu r-rikonoxximent u l-gratitudni tagħna lejn il-professjonisti kollha li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa li, bid-dedikazzjoni, il-qrubija u l-professjonalità tagħhom mal-persuni milquta mill-mard, jistgħu jsiru personifikazzjoni vera tal-ħniena. L-identità u l-impenn tat-tabib ma jissejsux biss fuq l-għerf xjentifiku u l-kompetenza teknika tiegħu, imma anki u fuq kollox fuq l-imġiba tiegħu kollha kompassjoni – ibati ma’ – u ħniena ma’ dawk kollha li qed ibatu fil-ġisem u fir-ruħ. Il-kompassjoni f’ċertu sens hi l-istess ruħ tal-mediċina. Il-kompassjoni mhix ħasra, imma tfisser li wieħed ibati ma’ ħaddieħor.

 

Fil-kultura teknoloġika u individwalista tagħna, il-kompassjoni mhux dejjem tidher f’dawl tajjeb; xi drabi hi saħansitra mżebilħa għax tfisser li tqiegħed il-persuna li tirċeviha għal umiljazzjoni. U ma jonqosx lanqas min jinħeba wara l-hekk imsejħa kompassjoni biex jiġġustifika u japprova l-mewt ta’ marid. Imma mhix hekk. Il-vera kompassjoni ma twarrab lil ħadd, ma tbaxxix il-persuna, ma teskludihiex, u wisq inqas tqis il-mewt tagħha bħala xi ħaġa tajba. Il-vera kompassjoni terfa’ fuqha t-tbatija ta’ ħaddieħor. Intom tafu tajjeb li nkella jittrijonfa l-egoiżmu, dik il-“kultura tal-iskart” li tirrifjuta u żżeblaħ il-persuni li ma jissodisfawx ċerti kanoni stabbiliti ta’ saħħa, ta’ sbuħija u ta’ siwi. Nieħu gost inbierek l-idejn tat-tobba bħala sinjal ta’ rikonoxximent għal din il-kompassjoni li tmelles biex tfejjaq.

 

Is-saħħa hi wieħed mill-egħżeż doni u l-aktar mixtieqa minn kulħadd. Fit-tradizzjoni Biblika dejjem ingħatat importanza lir-rabta li hemm bejn salvazzjoni u saħħa, kif ukoll lill-implikazzjonijiet reċiproċi u kotrana tagħhom. Nieħu gost niftakar fit-titlu li bih Missirijiet il-Knisja kienu jħobbu jsejħu lil Kristu u l-opra tiegħu ta’ salvazzjoni. Christus medicus, Kristu t-tabib. Hu r-Ragħaj it-Tajjeb li jieħu ħsieb tan-nagħġa midruba u jfarraġ lil dik marida (ara Eżek 43:16); Hu s-Samaritan it-Tajjeb li ma jibqax għaddej dritt quddiem il-persuna miġruħa maġenb it-triq, imma li, imqanqal mill-ħniena, jitbaxxa jdewwiha u jara x’għandha bżonn (ara Lq 10:33-34). It-tradizzjoni medika Nisranija dejjem tnebbħet mill-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb. Hekk identifikat ruħha mal-imħabba tal-Iben ta’ Alla, li “għadda jagħmel il-ġid u jfejjaq lil dawk kollha li kienu maħkuma…” (ara Atti 10:38). Kemm jista’ jiswielna ta’ ġid fil-ħidma tal-mediċina meta naħsbu u nħossu li l-persuna marida hi l-proxxmu tagħna, li hi tad-demm u l-laħam bħalna, u li fil-ġisem miġruħ tagħha jidher il-misteru tal-ġisem ta’ Kristu nnifsu! “Tassew, ngħidilkom, kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40).

 

Il-kompassjoni, din it-‘tbatija-ma’’, hi t-tweġiba t-tajba għall-valur hekk għoli tal-persuna marida, tweġiba magħmula mir-rispett, il-komprensjoni u l-ħlewwa, għax il-valur qaddis tal-ħajja tal-marid la jgħib u lanqas qatt inin, imma jixgħel b’iktar qawwa sewwasew fit-tbatija u l-vulnerabbiltà tiegħu. Kemm jinftiehem tajjeb il-parir ta’ San Kamillu de Lellis biex nassistu lill-morda. Jgħid hekk: “Qiegħdu qalb ikbar f’dawn l-idejn”. Id-dgħufija, it-tbatija u l-mard huma prova qalila għal kulħadd, anki għall-istaff mediku, huma sejħa għas-sabar, biex aħna nbatu mal-oħrajn; għalhekk ma nistgħux inċedu għat-tentazzjoni funzjonalista li napplikaw soluzzjonijiet mgħaġġla u drastiċi, immexxija minn kompassjoni falza jew minn sempliċi kriterji ta’ effiċjenza u ta’ tfaddil ekonomiku. Inkunu nilagħbu bid-dinjità tal-ħajja umana; nipperikolaw id-dinjità tal-vokazzjoni medika. Nerġa’ lura għal dak li diġà għidt dwar il-barka tal-idejn tat-tobba. U jekk fit-tħaddim tal-mediċina, biex nitkellmu b’mod tekniku, hemm bżonn l-asepsi – li wieħed ma jkunx mimsus b’ebda bakterja, fil-qalba tal-vokazzjoni medika l-asepsi tmur kontra l-kompassjoni; l-asepsi hi għajnuna teknika meħtieġa fil-ħidma, imma m’għandha qatt tikkundizzjona l-essenzjal ta’ din il-qalb ħanina tagħkom. Qatt m’għandha tikkundizzjonakom f’li “tqiegħdu qalb ikbar f’dawn l-idejn”.

 

Għeżież ħbieb, niżgurakom mill-istima tiegħi għall-isforz li qed twettqu biex il-professjoni tagħkom issir ta’ kuljum iżjed ġeneruża u biex issieħbu, tħarsu u tivvalurizzaw id-don kbir li huma l-persuni li qed ibatu b’xi marda. Naċċertakom mit-talb tiegħi għalikom: tistgħu tagħmlu tant ġid, tant ġid; għalikom u għall-familji tagħkom, għax kemm-il darba l-familji tagħkom jakkumpanjawkom fil-vokazzjoni ta’ tobba, li hi bħal saċerdozju. U nitlobkom ukoll ma tieqfu qatt titolbu għalija, li għandi xi ħaġa minn tat-tobba. Grazzi.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard