Il-Papa

 

L-għodwa t-tajba!

 

Jidher li t-Taljan jifhmuh

 

Insellmilkom!  Qed tferraħni din iż-żjara.  Nittama li dan il-vjaġġ ħalla l-frott mixtieq minnkom, għax meta niltaqgħu ma’ persuni oħra, kulturi oħra, dan jagħmlilna ħafna ġid, jgħinna nikbru.

 

U dan għaliex?  Għax jekk aħna nibqgħu iżolati fina nfusna, nibqgħu biss b’dak li għandna, ma nistgħux nikbru kulturalment; imma, jekk immorru nfittxu persuni oħra, kulturi oħra, modi oħra ta’ kif naħsbuha, reliġjonijiet oħra, aħna noħorġu minna nfusna u nibdew dik l-avventura hekk sabiħa li tissejjaħ “djalogu”.

 

Id-djalogu hu importanti ħafna għall-maturità tal-persuna, għax fil-konfront mal-persuna l-oħra, fil-konfront mal-kulturi l-oħra, anki fil-konfront sân mar-reliġjonijiet l-oħra, wieħed jikber: jikber, jimmatura.

 

Iva, hemm periklu: jekk fid-djalogu wieħed jingħalaq fih innifsu jew jirrabja, jista’ jillatika; hemm il-periklu li jillatika, u dan m’hux sew, għax aħna niddjalogaw biex insibu lil xulxin, mhux biex nillatikaw.

 

U liema hu l-atteġġjament l-iżjed profond li jrid ikollna biex niddjalogaw u mhux nillatikaw?  L-umiltà, il-kapaċità li nfittxu l-persuni, li nfittxu l-kulturi, bil-paċi; il-kapaċità li nagħmlu mistoqsijiet intelliġenti: “Imma għaliex tħasibha hekk?  Għaliex din il-kultura tagħmel hekk?”.  Nisimgħu lill-oħrajn u mbagħad nitkellmu.  L-ewwel nisimgħu, imbagħad nitkellmu.  Dan kollu jfisser li tkun ta’ qalb ħelwa.  U jekk int ma taħsibhiex bħali – imma ħares… jien naħsibha differenti, m’intix tikkonvinċini – imma xorta nibqgħu ħbieb, jien smajt kif taħsibha int u int smajt kif naħsibha jien.

 

U tridu tafu ħaġa, ħaġa importanti?  Dan id-djalogu hu li jġib il-paċi.  Ma jistax ikollna paċi mingħajr djalogu.  Il-gwerer, il-ġlied, il-problemi kollha li ma jissolvewx, li magħhom inħabbtu wiċċna, dawn jiġu minħabba nuqqas ta’ djalogu.  Meta jkun hemm problema, infittxu d-djalogu: dan hu li jġib il-paċi.  U dan hu li nawguralkom f’dan il-vjaġġ ta’ djalogu: li tkunu tafu tiddjalogaw; kif taħsibha din il-kultura, kemm hi sabiħa din il-ħaġa, din ma togħġobnix… imma tiddjalogaw.  U hekk wieħed jikber.  Dan nawguralkom, u nixteqilkom vjaġġ tajjeb lejn Ruma.

 

Nixtieq l-aħjar lilkom, lill-iskola tagħkom, lill-familji tagħkom.  Il-Mulej iberikkom ilkoll.  Grazzi.

 

Tifla ċkejkna

Nifirħu li għandna din il-possibbiltà li niltaqgħu miegħek u nisimgħu l-kelmiet tiegħek; mil-lum ’il quddiem se npoġġu fil-prattika f’ħajjitna dak li smajna minn għandek.  Nixtiequ wkoll nirringrazzjawk li tajtna ftit mill-ħin prezzjuż tiegħek.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard