Is-Sibt 10 ta’ Mejju wara nofsinhar, il-Qdusija Tiegħu Franġisku ltaqa’ mad-dinja tal-iskola Taljana: għalliema, ġenituri, edukaturi, studenti u ħaddiema oħra marbutin mal-ambjent skolastiku.  L-avveniment kien organiżżat mill-Konferenza Episkopali Taljana fil-qafas tal-proġett “Il-Knisja għall-iskola”.

Il-Papa wasal fi Pjazza San Pietru fl-4.15 pm u qabel ma tela’ fuq iz-zuntier tal-bażilika dar dawra ma kull rokna tal-pjazza u niżel ukoll f’Via della Conciliazione biex isellem lill-mijiet ta’ eluf li kienu preżenti.

Il-laqgħa mal-Papa bit-tema “We Care” beda fil-5.00 pm b’tislima mill-Kardinal Angelo Bagnasco, President tal-Konferenza Episkopali Taljana (C.E.I.) u mill-professoressa Stefania Giannini, Ministru tal-Edukazzjoni tal-gvern Taljan.  Wara, kien hemm numru ta’ testimonjanzi  mid-dinja tal-iskola flimkien ma’ mumenti ta’ mużika u spettaklu ieħor.

Fl-aħħar il-Papa għamel dan id-diskors li ġej:

 

Għeżież ħbieb, il-lejla t-tajba!

Qabel xejn irrid nirringrazzjakom għax għamiltu xi ħaġa verament sabiħa!  Din il-laqgħa hi ħaġa tajba ħafna: laqgħa kbira tal-iskola Taljana, l-iskejjel kollha; żgħar, kbar; għalliema, ħaddiema li ma jgħallmux, studenti u ġenituri; tal-istat u mhux...

Nirringrazzja lill-Kardinal Bagnasco, lill-Ministru Giannini u lil dawk kollha li kkollaboraw; u dawn it-testimonjanzi verament sbieħ, importanti.  Smajt ħafna affarijiet sbieħ li għamluli tajjeb!  Jidher li din il-manifestazzjoni mhix protesta kontra xi ħaġa jew favur xi ħaġa!  Mhix tgergir, imma hija festa!  Festa għall-iskola.  Nafu tajjeb li hemm il-problemi u xi affarijiet li mhux sejrin tajjeb, nafuh dan.  Imma intom qegħdin hawn, aħna ninsabu hawn għax inħobbu l-iskola.  U ngħid “aħna” għax jien inħobbha l-iskola, ħabbejtha bħala student u bħala għalliem.  U mbagħad bħala Isqof.  Fid-djoċesi ta’ Buenos Aires spiss kont niltaqa’ mad-dinja tal-iskola, u llum nirringrazzjakom talli ħejjejtu din il-laqgħa, li mhix biss ta’ Ruma imma tal-Italja kollha.  Għal dan nirringrazzjakom ħafna. Grazzi!

Għaliex inħobb l-iskola?  Se nipprova ngħidilkom.  Għandi xbieha.  Hawnhekk smajt li wieħed ma jikbirx waħdu, li dejjem hemm xi ħarsa li tgħinek tikber.  U jien għandi x-xbieha tal-ewwel għalliema tiegħi, dik il-mara, dik it-teacher, li ħaditni taħt gwenħajha meta kelli sitt snin, fl-ewwel livell tal-iskola.  Imbagħad mort inżurha tul ħajjitha kollha sa meta ħallietna fl-età ta’ 98 sena.  U din il-fakra tagħmilli tajjeb!  Inħobb l-iskola għax dik il-mara għallmitni nħobbha.  Din hi l-ewwel raġuni għaliex jien inħobb l-iskola.

Inħobb l-iskola għax hija sinonima mal ftuħ għar-realtà.  Għallinqas hekk suppost għandha tkun!  Imma mhux dejjem jirnexxilha tkun hekk, allura dan ifisser li hemm bżon li tibidel xi ftit l-impostazzjoni.  Li tmur l-iskola jfisser li tiftaħ moħħok u qalbek għar-realtà, fl-għana tal-aspetti u d-dimensjonijeit tagħha kollha.  U aħna m’għandniex dritt nibżgħu mir-realtà!  L-iskola tgħallimna nifhmu xinhi r-realtà!  Dan hu sabiħ ħafna.  Fl-ewwel snin wieħed jitgħallem ħafna, imma maż-żmien, bil-mod il-mod wieħed jagħżel biex jidħol aktar fil-fond f’xi aspett u fl-aħħar jispeċjaliżża fih.  Imma jekk wieħed tgħallem kif jitgħallem – u dan hu s-sigriet: li wieħed jitgħallem kif għandu jitgħallem – dan jibqa’ miegħu għal dejjem, u hu jibqa’ persuna miftuħa għar-realtà!  Dan kien jgħallmu wkoll edukatur kbir Taljan li kien ukoll qassis: Don Lorenzo Milani.

L-għalliema huma l-ewwel nies li jridu jibqgħu miftuħin għar-realtà.  Jien smajt it-testimonjanzi tal-għalliema tagħkom; ħadt gost nisma’ li huma tant miftuħin għar-realtà – b’moħħ dejjem miftuħ biex jitgħallmu!  Għax jekk għalliem mhux miftuħ biex ikompli jitgħallem, mhux għalliem tajjeb, u lanqas ikun interessanti.  It-tfal jifhmu, għax ixommu mill-bogħod, u jinġibdu lejn dawk l-għalliema  li għandhom ħsieb miftuħ, “mhux sħiħ”,, li jfittxu dejjem aktar u b’hekk “iniġġsu” lill-istudenti tagħhom b’dan l-atteġġjament.  Din hi waħda mir-raġunijiet għaliex jien inħobb l-iskola.

Raġuni oħra hi li l-iskola hija mkien ta’ laqgħa.  Għaliex aħna lkoll qegħdin f’mixja, qed nibdew proċess, qed nibdew triq.  U smajt li l-iskola – ilkoll smajnieh dan illum – mhix parkeġġ.  Hija post ta’ laqgħa tul il-mixja.  Niltaqgħu ma’ ħbiebna tal-iskola, mal-għalliema, niltaqgħu ma’ dawk li jgħinu b’xi mod ieħor.  Il-ġenituri jiltaqgħu mal-għalliema, il-kap tal-iskola jiltaqa mal-familji eċċetra.   Hija mkien ta’ laqgħa.  U llum aħna għandna bżonn dil-kultura tal-laqgħa  biex insiru nafu lil xulxin, inħobbu lil xuxlin, biex nimxu flimkien.  Dan hu fundamentali propju fiż-żmien li nkunu qed nikbru, bħala sitwazzjoni kumplimentari għall-familja.  Il-familja hija l-ewwel nukleju tar-relazzjonijiet: ir-realzzjoni ta’ bejn il-missier, l-omm u l-ulied hija l-bażi u tibqa’ magħna tul ħajjitna kollha.  Imma fl-iskola aħna nissoċjaliżżaw: niltaqgħu ma’ persuni li huma differenti minna, differenti fl-età, fil-kultura, fl-oriġini, fil-ħiliet.  L-iskola hija l-ewwel soċjetà li tintegra l-familja.  L-iskola u l-familja qatt m’għandhom ikunu kontra xuxlin!  Huma kumplimentari għal xuxlin u għalhekk hu importanti li jikkollaboraw fir-rispett reċiproku.  U l-familji tal-istudenti ta’ klassi jistgħu jagħmlu ħafna meta jikkollaboraw bejniethom u mal-għalliema.  Dan iġibli f’moħħi proverbju Afrikan sabiħ ħafna: “Biex teduka iben hu meħtieġ villaġġ”.  Biex teduka student hemm bżonn ta’ ħafna nies: familja, għalliema, ħaddiema oħra tal-iskola, professuri, ilkoll!  Jogħġobkom dan il-proverbju Afrikan?  Jogħġobkom?  Ejjew ngħiduh flimkien: Biex teduka iben hu meħtieġ villaġġ!  U aħsbu dwar dan.

Imbagħad, inħobb l-iskola għax dik teduka għas-sewwa, għat-tajjeb u għas-sabiħ.  Dawn it-tlieta jmorru f’daqqa.  L-edukazzjoni ma tistax tkun newtra: jew hi pożittiva jew negattiva: jew tagħni jew tfaqqar; jew tgħin lill-persuna tikber jew addirittura tista’ tikkorrompiha.  U fl-edukazzjoni hu tant importanti dak li smajna llum ukoll: dejjem aħjar telfa nadifa milli rebħa maħmuġa!  Ftakruh dan!  Dan jagħmlilna tajjeb għall-ħajjitna.  Ejjew ngħiduha lkoll f’daqqa!  Dejjem aħjar telfa nadifa milli rebħa maħmuġa!

Il-missjoni tal-iskola hi li tiżviluppa s-sens tas-sewwa, is-sens tat-tajjeb u s-sens tas-sabiħ.  Dan isir permezz ta’ mixja rikka, magħmula minn ħafna “ingredjenti”.  Għalhekk hemm ħafna suġġetti!  Għax l-iżvilupp hu frott ta’ elementi diversi li jaħdmu flimkien u jistimolaw l-inteliġenza, il-kuxjenza, l-affettività, il-ġisem, eċċetra.  Per eżempju, jekk jien nistudja din il-pjazza, Pjazza San Pietru, nitgħallem dwar l-arkitettura, l-istorja u r-reliġjon u anki dwar l-astronomija , għax l-obelisk ifakkar fix-xemx, imma ftit jafu li din il-pjazza hi meridjan kbir.

B’hekk aħna nikkoltivaw fin nfusna il-veru, it-tajjeb u s-sabiħ; u nitgħallmu li dawn it-tliet dimensjonijiet qatt mhuma mifrudin, imma dejjem minsuġa flimkien.  Jekk ħaġa hi vera, hi wkoll tajba u sabiħa; jekk hi sabiħa, hi tajba u vera; jekk hi tajba, hi vera u sabiħa.  U flimkien, dawn l-elementi jgħinuna nikbru u jgħinuna nsiru nħobbu l-ħajja anki meta ma nkunux f’sikitna, anki f’nofs il-problemi.  L-edukazzjoni vera tgħinna nsiru nħobbu l-ħajja, tiftħilna quddiemna l-milja tal-ħajja!

U fl-aħħar irrid ngħid li fl-iskola ma niksbux biss għarfien, kontenut, imma nitgħallmu wkoll drawwiet u valuri.  L-edukazzjoni tingħata biex isiru magħrufin tant affarijiet, jiġifieri tant kontenuti importanti, biex nidraw ċerti drawwiet u anki biex inħaddnu l-valuri.  U dan hu importanti ħafna.  Nawguralkom ilkoll, ġenituri, għalliema, kull min jaħdem fi skola, studenti, mixja sabiħa fl-iskola, triq li tgħin lil kulħadd jitgħallem it-tliet lingwi li persuna matura għandha tkun taf titkellem: il-lingwa tal-moħħ, il-lingwa tal-qalb u l-ingwa tal-idejn.  Imma f’armonija, cioè taħseb dak li tħoss u dak li tagħmel; tħoss dak li taħseb u dak li tagħmel; u tagħmel sew dak li taħseb u dak li tħoss.  It-tliet lingwi flimkien, f’armonija!  Grazzi mill-ġdid lill-organiżaturi ta’ din il-ġurnata u lilkom ilkoll li ġejtu hawn.  U, jekk jogħġobkom, jekk jogħġobkom, tħallu lil ħadd jisirqilkom l-imħabba lejn l-iskola!  Grazzi!

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber.