L-għodwa t-tajba, u nirringrazzjakom ħafna tal-preżenza tagħkom.  Nirringrazzja lill-Kardinal Stella għall-kelmtejn tiegħu, u skużawni li ġejt tard.  Iva, għax għandna l-Isqfijiet Messikani għal Żjara ad Limina… u meta wieħed ikun mal-Messikani, tant ikun iħossu qiegħed sew, sew ħafna, li l-ħin itir u ma jintebaħx!

 

Lil 146 minnkom li ġejjin mill-pajjiżi tal-Lvant Nofsani, anki lil xi wħud minnkom mill-Ukrajna, irrid ngħidilkom li nħossni qrib ħafna tagħkom f’dan il-mument ta’ tbatija: tassew, qrib ħafna, u fit-talb.  Hawn ħafna tbatija, fil-Knisja: tbati ħafna, il-Knisja, u l-Knisja li tbati hi anki l-Knisja ppersegwitata f’xi partijiet, u jien ninsab qrib tagħkom.  Grazzi.  U issa nixtieq li…  Kien hemm xi mistoqsijiet; jien qrajthom, imma jekk tridu tibdluhom jew tagħmluhom iktar spontanji, m’hix problema, ħossukom liberi!

 

D. – (seminarista)

L-għodwa t-tajba, Santità.  Jisimni Daniel, ġej mill-Istati Uniti, jien djaknu u qiegħed residenti fil-Kulleġġ ta’ l-Amerika ta’ Fuq.  Aħna ġejna Ruma qabel xejn għal formazzjoni akkademika u biex nibqgħu fidili lejn dan l-impenn.  Kif nagħmlu biex ma nittraskurawx formazzjoni saċerdotali sħiħa, kemm fuq livell personali u kemm fuq wieħed komunitarju?  Grazzi.

 

R. – (Il-Papa Franġisku)

Grazzi tal-mistoqsija tiegħek.  Hu minnu: l-għan ewlieni tagħkom, hawn, hi l-formazzjoni akkademika: iġġibu l-lawrja ta’ dak u dan is-suġġett…  Imma jeżisti l-periklu ta’ l-akkademiżmu.  Iva, l-Isqfijiet jibagħtukom hawn biex iġġibu l-lawrja, imma anki biex terġgħu lura fid-djoċesi.  Imma fid-djoċesi tridu taħdmu fil-presbiterju, bħala presbiteri, presbiteri lawrejati.  U jekk wieħed jaqa’ f’dan il-periklu ta’ l-akkademiżmu, dak li jerġa’ lura ma jkunx il-missier, imma d-“duttur”.  U dan hu perikuluż.  Hemm erba’ pilastri fil-formazzjoni saċerdotali: dan għidtu ħafna drabi, forsi smajtuni ngħidu.  Erba’ pilastri: il-formazzjoni spiritwali, il-formazzjoni akkademika, il-formazzjoni komunitarja u l-formazzjoni appostolika.  Huwa minnu li hawn, f’Ruma, tagħfsu – għax għalhekk ġejtu mibgħuta – fuq il-formazzjoni intellettwali; imma t-tliet pilastri l-oħra tridu tieħdu ħsiebhom, u l-erbgħa li huma jinteraġixxu bejniethom, u jien ma nifhimx kif jista’ jkun hemm qassis li jiġi biex jieħu l-lawrja hawn, f’Ruma, u m’għandux ħajja komunitarja, dan ma jagħmilx sens.  Jew ma jiħux ħsieb tal-ħajja spiritwali – il-Quddiesa ta’ kuljum, it-talb ta’ kuljum, il-lectio divina, il-talb personali mal-Mulej –; jew il-ħajja appostolika: fl-aħħar tal-ġimgħa jagħmel xi ħaġa, jibdel ftit l-arja, imma anki arja appostolika, jagħmel xi ħaġa hemm…  Hu veru li l-istudju hu dimensjoni appostolika; imma importanti li anki t-tliet pilastri l-oħra tieħdu ħsiebhom!  Il-puriżmu akkademiku ma jgħinx, ma jgħinx.  U għalhekk għoġbitni l-mistoqsija tiegħek, għax tagħtini l-opportunità li ngħidilkom dawn l-affarijiet.  Il-Mulej sejħilkom biex tkunu saċerdoti, biex tkunu presbiteri: din hi r-regola fundamentali.  U hemm ħaġa oħra li rrid nisħaq fuqha: jekk tħarsu biss lejn il-parti akkademika, hemm il-periklu li tiżolqu fl-ideoloġiji, u dan imarradkom.  Imarrad anki l-kunċett ta’ Knisja.  Biex tifhmu x’inhi l-Knisja hemm bżonn tifhmuha mill-istudju, imma anki mit-talb, mill-ħajja komunitarja u mill-ħajja appostolika.  Meta aħna neħlu ma’ ideoloġija, u nimxu f’dik it-triq, ikollna ermenewtika mhux Kristjana, ermenewtika tal-Knisja ideoloġika.  U dan ħsara jagħmel, din marda.  L-ermenewtika tal-Knisja trid tkun l-ermenewtika li l-Knisja stess toffrilna, li l-Knisja stess tagħtina.  Nifhmu l-Knisja b’għajnejn ta’ Nsara; nifhmu l-Knisja b’moħħ ta’ Nisrani; nifhmu l-Knisja b’qalb Nisranija; nifhmu l-Knisja mill-attività Nisranija.  Inkella l-Knisja ma nifhmuhiex, jew nispiċċaw nifhmuha ħażin.  Għalhekk hu importanti li, iva, tagħfsu fuq il-ħidma akkademika, għax għalhekk ġejtu mibgħuta; imma tittraskurawx it-tliet pilastri l-oħra: il-ħajja spiritwali, il-ħajja komunitarja u l-ħajja appostolika.  Ma nafx jekk dan iweġibx il-mistoqsija tiegħek…  Grazzi.

 

D. – (seminarista)

L-għodwa t-tajba, Santità.  Jien Tommaso, miċ-Ċina.  Jien seminarista tal-Kulleġġ Urban.  Xi kultant, m’hux faċli li tgħix f’komunità: x’parir tagħtina, mill-esperjenza tiegħek, biex nagħmlu mill-komunità tagħna post ta’ maturità umana u spiritwali u ta’ tħaddim ta’ karità saċerdotali?

 

R. – (Il-Papa Franġisku)

Darba, isqof xwejjaħ mill-Amerika Latina qal: “Aħjar l-agħar seminarju milli m’hu seminarju xejn”.  Jekk wieħed jitħejja għas-saċerdozju waħdu, bla komunità, dan ħażin.  Il-ħajja tas-seminarju, jiġifieri l-ħajja komunitarja, hi ħafna importanti.  Hi ħafna importanti għax hemm il-qsim bejn l-aħwa, li mexjin ilkoll lejn is-saċerdozju; imma hemm anki l-problemi, hemm il-ġlied ukoll: il-ġlied għall-poter, il-ġlied ta’ l-ideat, anki ġlied li ma jidhirx; u jitfaċċaw il-vizzji kapitali: il-korla, l-għira…  U hemm ukoll il-ħwejjeġ tajbin: il-ħbiberiji, il-qsim ta’ l-ideat, u dan hu l-importanti fil-ħajja komunitarja.  Il-ħajja komunitarja m’hix il-ġenna, imma ta’ l-inqas hi l-purgatorju – le, m’hix dak… [jidħku], imma m’hix il-ġenna!  Qaddis Ġiżwita kien jgħid li l-akbar penitenza, għalih, kienet il-ħajja komunitarja.  Veru jew le?  Għalhekk nemmen li jeħtieġ nimxu ’l quddiem, fil-ħajja komunitarja.  Imma kif?  Hemm erba’ jew ħames affarijiet li jistgħu jgħinuna ħafna.  Qatt, qatt titkellem ħażin fuq l-oħrajn.  Jekk jien għandi xi ħaġa kontra l-ieħor, jew li ma naqblux fuqha: f’wiċċu!  Imma aħna l-kjeriċi għandna t-tentazzjoni li ma nitkellmux f’wiċċ xulxin, li nkunu wisq diplomatiċi, dak il-lingwaġġ klerikali…  Imma, dan jagħmlilna l-ħsara, jagħmlilna l-ħsara!  Niftakar darba, tnejn u għoxrin sena ilu: kont għadni kemm ġejt maħtur isqof, u kelli bħala segretarju f’dak il-vigarjat – Buenos Aires hi maqsuma f’erba’ vigarjati – f’dak il-vigarjat kelli bħala segretarju wieħed saċerdot żagħżugħ, li ma kienx ilu li ordna.  U jien, fl-ewwel xhur, għamilt ħaġa, u ħadt deċiżjoni xi ftit diplomatika – wisq diplomatika – u bil-konsegwenzi li joħorġu minn dawn id-deċiżjonijiet li ma neħduhomx fil-Mulej, le?  U fl-aħħar, għidtlu: “Imma ara xi problema, din, ma nafx kif ħa nirranġaha…”.  U hu ħares lejja f’wiċċi – żagħżugħ! – u qalli: “Għax int għamilt ħażin: int ma ħadtx deċiżjoni ta’ missier”, u qalli tlieta jew erba’ affarijiet qawwija mhux ħażin!  B’ħafna rispett, imma qalhomli.  U mbagħad, meta telaq, jiena għidt bejni u bejn ruħi: “Lil dan qatt ma jien sa nneħħih mill-post ta’ segretarju: dan veru ħija!”.  Imma mill-banda l-oħra, dawk li quddiemek jgħidulek affarijiet sbieħ u mbagħad minn wara dahrek jgħidu affarijiet ma tantx huma sbieħ…  Importanti…  It-tqassis hu l-pesta ta’ komunità; nitkellmu f’wiċċ xulxin, dejjem.  U jekk m’għandekx kuraġġ titkellem f’wiċċ dak li jkun, tkellem mas-superjur jew mad-direttur, u jgħinek hu.  Imma toqgħodx tiġri minn kamra għall-oħra ta’ sħabek titkellem kontra dak jew l-ieħor!  Jgħidu li t-tqassis hu ħaġa tan-nisa, imma anki ta’ l-irġiel, anki tagħna!  Aħna nqassu mhux ħażin!  U dan jeqred il-komunità!  Imbagħad, ħaġa oħra hi li nisimgħu l-fehmiet differenti u niddiskutu l-opinjonijiet, imma b’mod tajjeb, billi nfittxu l-verità, infittxu l-għaqda: dan jgħin il-komunità.  Id-direttur spiritwali tiegħi darba – kont student tal-filosofija; hu kien filosfu, metafiżiku, imma kien direttur spiritwali tajjeb –, jien mort għandu u ħarġet il-problema li jien kelli rabja għal wieħed: “Imma, jien kontra dan, għax dan, dak u dan…”; għidt lid-direttur spiritwali dak kollu li kelli ġewwa.  U hu għamilli mistoqsija waħda biss: “Għidli ftit, int tlabt għalih?”.  Xejn iżjed.  U jien għidtlu: “Le”.  U hu baqa’ sieket.  “Lesti”, qalli.  Nitlob, nitlob għall-membri kollha tal-komunità, imma nitlob qabel xejn għal dawk li għandi xi ngħid magħhom jew li ma tantx inniżżilhom, għax li ma tniżżilx lil persuna xi drabi hi ħaġa naturali, istintiva.  Int itlob, u l-Mulej jagħmel hu l-bqija, imma int itlob dejjem.  It-talb komunitarju.  Dawn iż-żewġ affarijiet – ma rridx ngħid wisq – imma niżgurakom li jekk intom tagħmlu dawn it-tnejn, il-komunità timxi ’l quddiem, tista’ tgħix sew, tista’ tiddjaloga tajjeb, tista’ tiddiskuti sew, tista’ titlob flimkien.  Żewġ ħwejjeġ ċkejkna: ma nitkellimx ħażin fuq l-oħrajn u nitlob għal dawk li għandi xi ngħid magħhom.  Nista’ ngħid iżjed minn hekk, imma naħseb li dan biżżejjed.

 

D. – (seminarista)

L-għodwa t-tajba, Santità.

 

R. – (Il-Papa Franġisku)

L-għodwa t-tajba.

 

D. – Jisimni Charbelle, jien seminarista mil-Libanu u qed nifforma ruħi fil-Kulleġġ Sedes Sapientiæ.  Qabel nagħmel il-mistoqsija, irrid nirringrazzjak li int tant qrib tal-poplu tagħna fil-Libanu u fil-Lvant Nofsani kollu.  Il-mistoqsija tiegħi hi din: is-sena l-oħra, int ħallejt artek u pajjiżek.  X’parir tagħtina biex niġġestixxu aħjar il-wasla u l-qagħda tagħna f’Ruma?

 

R. – Imma dawn differenti minn xulxin… il-wasla tagħkom f’Ruma mit-trasferiment ta’ djoċesi li għamlu lili: huma xi ftit differenti, imma ma jimpurtax…  Niftakar l-ewwel darba li ħallejt art twelidi biex niġi nistudja hawn…  L-ewwel hemm l-element tal-ġdid, l-affarijiet ġodda, u jrid ikollna sabar magħna nfusna.  L-ewwel żmien hu bħall-għerusija: kollox sabiħ, aħ, il-ġdid, l-affarijiet ġodda…; imma m’għandux jiddispjaċina minn dan, hu hekk!  Kulħadd jgħaddi minn dan, kulħadd jiġrilu li l-affarijiet ikunu hekk.  U mbagħad, biex nerġa’ lura għal wieħed mill-pilastri, qabel xejn l-integrazzjoni fil-ħajja tal-komunità u fil-ħajja ta’ l-istudju, direttament.  Ġejt għal dan, biex nagħmel dan.  U mbagħad, infittxu xogħol għal tmiem il-ġimgħa, xogħol appostoliku, dan importanti.  Ma nibqgħux magħluqin u ma nintilfux.  Imma l-ewwel żminijiet huma ż-żmien tal-ġdid: “Irrid nagħmel dan, inżur dak il-mużew, jew nara dak il-film, jew dan, dak…”.  Imma mexxu, tinkwetaw xejn, hu normali li tgħaddu minn dan.  Imma mbagħad, niġu għas-serju.  X’ġejt nagħmel hawn?  Biex nistudja.  Nistudja bis-serjetà!  U napprofitta mit-tant opportunitajiet li għandi kemm indum hawn.  Il-ġdid ta’ l-universalità: li nsir naf lin-nies minn tant postijiet differenti, minn tant pajjiżi differenti, minn tant kulturi differenti; l-opportunità tad-djalogu bejnietkom: “Imma, din kif inhi f’pajjiżek?  U dak kif inhu?  U tiegħi hi…”; dan il-qsim hu ta’ ġid kbir, ġid kbir.  Naħseb li sempliċement mhux ħa ngħid aktar minn hekk.  Imma tibżgħux minn dak il-ferħ tal-ġdid: hu l-ferħ ta’ l-ewwel għerusija, qabel jitfaċċaw il-problemi.  U imxu.  Imbagħad, agħmlu moħħkom hemm bis-serjetà.

 

D. – (seminarista)

L-għodwa t-tajba, Santità.  Jien Daniele Ortiz, Messikan.  Hawn Ruma noqgħod fil-Kulleġġ Maria Mater Ecclesiæ.  Santità, fil-fedeltà lejn il-vokazzjoni tagħna għandna bżonn ta’ dixxerniment kostanti, viġilanza u dixxiplina personali.  Int dan kif għamiltu meta kont seminarista, bħala saċerdot, bħala isqof u issa li int Papa?  U x’parir tagħtina dwar dan?  Grazzi.

 

R. – (Il-Papa Franġisku)

Grazzi.  Int użajt il-kelma viġilanza.  Dan hu atteġġjament Nisrani: il-viġilanza.  Li ngħassu fuqna nfusna: x’qed jiġri fil-qalb tiegħi?  Għax fejn hi qalbi, hemm jinsab it-teżor tiegħi.  X’qed jiġri hemm?  Jgħidu l-Padri Orjentali li jeħtieġ insir naf tajjeb jekk qalbi hix imħabbta jew trankwilla.  L-ewwel mistoqsija: għassa fuq qalbek: hi mħabbta xejn?  Jekk hi mħabbta, ma tistax tara x’hemm ġo fiha.  Bħall-baħar, le?  Ma tarahx il-ħut, meta l-baħar ikun hekk…  L-ewwel parir, meta l-qalb hi mħabbta, dan hu l-parir tal-Padri Russi: ersaq taħt il-mant ta’ l-Omm Qaddisa ta’ Alla.  Ftakru li l-ewwel antifona Latina hi propju din: fiż-żminijiet ta’ taqlib u taħbit, fittex stkenn taħt il-mant ta’ l-Omm Qaddisa ta’ Alla.  Hi l-antifona “Sub tuum præsidium confugimus, Sancta Dei Genitrix”: hi l-ewwel antifona Latina tal-Madonna.  Kurjuża, le?  Viġilanza.  Hemm taqlib?  L-ewwel nett, immorru hemm, u minn hemm nistennew li jikkalma daqsxejn: bit-talb, billi nafdaw ruħna f’idejn il-Madonna…  Forsi xi ħadd minnkom jgħidli: “Imma, Dun, f’dan iż-żmien ta’ tant modernità tajba, tal-psikjatrija, tal-psikoloġija, f’dawn il-mumenti ta’ taqlib u taħbit naħseb li aħjar immur għand il-psikjatra biex jgħinni…”.  M’iniex ngħid li m’għandux ikun hekk, imma l-ewwel u qabel kollox immorru għand l-Omm: għax qassis li jinsa lil Ommu, u fuq kollox fil-mumenti ta’ taqlib, tonqsu xi ħaġa.  Hu qassis iltim: nesa lil ommu!  U fil-mumenti diffiċli t-tifel imur jiġri għand ommu, dejjem.  U aħna tfal, fil-ħajja spiritwali, dan tinsewh qatt!  Ngħasses fuq fejn tinsab qalbi.  Fi żmien ta’ taqlib, immur infittex kenn taħt il-mant ta’ l-Omm Qaddisa ta’ Alla.  Hekk jgħidu l-irħieb Russi, u fis-sewwa kollu hekk hu.  Imbagħad, x’nagħmel?  Infittex nifhem dak li qed jiġri, imma dejjem fil-paċi.  Infittex fil-paċi.  Imbagħad, jerġa’ jkolli s-sliem u nista’ nagħmel id-discussio conscientiæ.  Meta qalbi tkun fis-sliem, ma jkunx hemm taqlib: “X’ġara l-lum fil-qalb tiegħi?”.  U dan ifisser viġilanza.  Viġilanza ma tfissirx immorru fis-sala tat-tortura, le!  Ifisser inħarsu lejn qalbna.  Aħna rridu nkunu sidien tal-qalb tagħna.  X’qed tħoss qalbi, x’qed tfittex?  Il-lum x’kien li għamilni ferħan u x’kien li m’għamilnix ferħan?  Qatt tispiċċa l-ġurnata bla ma tagħmel dan.  Mistoqsija li bħala isqof kont nagħmel lill-qassisin kienet din: “Għidli ftit, kif tmur torqod int?”.  U huma ma kinux jifhmu.  “Imma xi jrid jgħid biha?”.  “Iva, kif tispiċċaha l-ġurnata?”.  “Oħ, spiċċut, Dun, għax hemm wisq xogħol, il-parroċċa, wisq…  Imbagħad inteftef xi ħaġa ta’ l-ikel, nieħu bukkun u nitla’ fis-sodda, nara t-televixin u nirrilassa ftit…”.  “U qabel, ma tgħaddix sa quddiem it-tabernaklu?”.  Hemm ħwejjeġ li juruna fejn qiegħda qalbna.  Qatt, qatt – u din hi l-viġilanza! – qatt tispiċċaw il-ġurnata mingħajr ma tmorru ftit hemm, quddiem il-Mulej; ħarsu u staqsu: “Xi ġralha qalbi?”.  F’waqtiet ta’ dwejjaq, f’waqtiet ta’ ferħ: kif kien dak id-dwejjaq?, kif kien dak il-ferħ?  Din hi viġilanza.  Ngħassu anki fuq id-dipressjonijiet u fuq il-ħeġġa żejda.  “Il-lum inħossni mdejjaq, ma nafx x’inhu jiġri”.  Din hi viġilanza.  Viġilanza: għaliex inħossni mdejjaq?  Forsi messek tmur għand xi ħadd li jista’ jgħinek?…  Din hi viġilanza.  “Oħ, inħossni ferħan!”.  Imma għaliex inħossni ferħan, il-lum?  Xi ġralha qalbi?  Din m’hix introspezzjoni sterili, le, le!  Dan ifisser nifhem l-istat ta’ qalbi, ħajti, kif qed nimxi fit-triq tal-Mulej.  Għax jekk ma jkunx hemm viġilanza, il-qalb tixtered ma’ kullimkien; u tidħol ġewwa l-immaġinazzjoni: “mur, mur…”; u mbagħad tista’ tispiċċa ħażin.  Togħġobni l-mistoqsija fuq il-viġilanza.  M’humiex affarijiet qodma, dawn, m’humiex ħwejjeġ issuperati.  Huma affarijiet umani, u bħall-ħwejjeġ kollha umani huma eterni.  Dejjem ħa nġorruhom magħna.  Il-viġilanza fuq il-qalb kienet sewwa sew l-għerf ta’ l-ewwel irħieb Insara, dan kienu jgħallmu, kif wieħed jgħasses fuq qalbu.

 

Nista’ nagħmel parentesi?  Għaliex tkellimt fuq il-Madonna?  Il-parir tiegħi lilkom hu dak li għidtilkom qabel, tfittxu l-kenn għandha…  Relazzjoni tajba mal-Madonna; ir-relazzjoni mal-Madonna tgħinna nibnu relazzjoni sabiħa mal-Knisja: it-tnejn li huma Ommijiet…  Intom tafuha dik is-silta sabiħa ta’ San Iżakk, l-abbati ta’ Stella: dak li nistgħu tgħidu fuq Marija nistgħu ngħiduh fuq il-Knisja u anki fuq ir-ruħ tagħna.  It-tlieta li huma femminili, it-tlieta li huma Ommijiet, it-tlieta li huma jagħtu l-ħajja.  Ir-relazzjoni mal-Madonna hi relazzjoni ta’ iben…  Għassu fuq dan: jekk m’għandix relazzjoni sabiħa mal-Madonna, hemm xi ħaġa f’qalbi li għadha ltima.  Niftakar, darba, tletin sena ilu, kont fl-Ewropa ta’ Fuq: kelli mmur hemm minħabba t-tagħlim fl-Università ta’ Cordova, fejn dak iż-żmien kont Viċi-Kanċillier.  U stednitni familja ta’ Kattoliċi prattikanti; dak kien pajjiż sekularizzat mhux ħażin.  U għall-ikel, kellhom ħafna tfal, kienu Kattoliċi prattikanti, it-tnejn li huma professuri universitarji, it-tnejn li huma katekisti.  F’ħin minnhom, huma u jitkellmu fuq Ġesù Kristu – imħeġġa għal Ġesù Kristu!, qed ngħid tletin sena ilu – qalu: “Iva, għall-grazzja ta’ Alla ssuperajnieha t-tappa tal-Madonna…”.  U kif inhi din?, għidtilhom jien.  “Iva, għax skoprejna lil Ġesù Kristu, u tagħha m’għadx għandna bżonn”.  Jien bqajt ftit imnikket, ma stajtx nifhem sew.  U tkellimna xi ftit fuq dan.  U din m’hix maturità!  M’hix maturità.  Li tinsa lill-omm hi ħaġa kerha…  U, biex ngħidha mod ieħor: jekk int ma tridx lill-Madonna bħala Omm, ibqa’ ċert li jkollok titqanna biha bħala kunjata!  U dan m’hux sew!  Grazzi.

 

D. – (seminarista)

Viva Ġesù, viva Marija!  Grazzi, Santità, għall-kliem tiegħek fuq il-Madonna.  Jisimni Don Ignacio u ġej minn Manila, il-Filippini.  Qed nagħmel id-dottorat tiegħi fil-Marjoloġija fil-Fakultà Pontifiċja Teoloġika Marianum, u oqgħod fil-Kulleġġ Pontifiċju Filippin.  Imqaddes Missier, il-mistoqsija tiegħi hi: il-Knisja għandha bżonn ta’ rgħajja kapaċi jmexxu, jiggvernaw, jikkomunikaw kif titlob id-dinja tal-lum.  Kif nitgħallmu u nħaddmu l-leadership fil-ħajja saċerdotali, fuq il-mudell ta’ Kristu li ċċekken sas-salib, il-mewt tas-salib, billi nagħmlu tagħna l-kundizzjoni ta’ qaddejja sal-mewt tas-salib?  Grazzi.

 

R. – (Il-Papa Franġisku)

Imma l-Isqof tiegħek hu komunikatur kbir!

 

D. – Hu l-Kardinal Tagle…

 

R. – Il-leadership… din hi l-qalba tal-mistoqsija…  Triq waħda hemm – imbagħad fuq ir-rgħajja nitkellem – imma għal-leadership triq waħda hemm: il-qadi.  M’hemmx oħra.  Jekk int għandek ħafna kwalitajiet – il-komunikazzjoni, eċċ. – imma m’intix qaddej, il-leadership tiegħek jaqa’, ma jiswiex, m’għandux il-ħila jiġbed lejh.  Il-qadi biss: naqdu…  Niftakar f’direttur spiritwali tassew twajjeb, in-nies kienet tmur għandu, hekk li xi drabi ma setax jitlob il-Brevjar kollu.  U bil-lejl, kien imur għand il-Mulej jgħidlu: “Ara, Mulej, m’għamiltx ir-rieda tiegħek, imma lanqas tiegħi!  Għamilt ir-rieda ta’ l-oħrajn”.  Hekk, it-tnejn li huma – il-Mulej u hu – kienu jwennsu lil xulxin.  Il-qadi jfisser tagħmel, ħafna drabi, ir-rieda ta’ l-oħrajn.  Saċerdot li kien jaħdem fi kwartier baxx ħafna – baxx ħafna! – f’villa misera, favela, kien jgħid: “Jien għandi bżonn nagħlaq it-twieqi, il-bibien, kollox, għax f’ċertu punt hu wisq, wisq dak li jiġu jitolbuni: din il-ħaġa spiritwali, din il-ħaġa materjali, hekk li fl-aħħar ikolli aptit nagħlaq kollox.  Imma dan m’hux li jrid il-Mulej”, kien jgħid.  Hu minnu: meta m’hemmx il-qadi, int ma tistax tmexxi lill-poplu tiegħek.  Il-qadi tar-ragħaj.  Ir-ragħaj għandu jkun dejjem għad-dispożizzjoni tal-poplu tiegħu.  Ir-ragħaj għandu jgħin lill-poplu jikber, jimxi.  Il-bieraħ, il-Qari tani x’naħseb għax fil-Vanġelu kien hemm il-verb “imbotta”: ir-ragħaj jimbotta lin-nagħaġ tiegħu biex joħorġu jfittxu l-mergħa.  Qanqlitli kurżità: joħroġhom, joħroġhom b’ċerta saħħa!  L-oriġinal għandu ċertu ton hekk: iġagħilhom joħorġu, imma bis-saħħa.  Qisu jkeċċihom: “oħroġ, oħroġ”.  Ir-ragħaj li jgħin lill-poplu tiegħu jikber u li jimxi dejjem mal-poplu tiegħu.  Xi drabi, ir-ragħaj jeħtieġ jimxi quddiem nett, biex juri t-triq; drabi oħra, fin-nofs, biex ikun jaf x’inhu jiġri; ħafna drabi, wara, biex jgħin lil dawk li waqgħu lura u anki biex jimxi max-xamma tan-nagħaġ li jafu fejn qiegħed il-ħaxix it-tajjeb.  Ir-ragħaj…  Santu Wistin, hu u jikkummenta fuq Eżekjel, jgħid li r-ragħaj għandu jkun għall-qadi tan-nagħaġ u jisħaq fuq żewġ perikli: ir-ragħaj li jabbuża min-nagħaġ biex jiekol hu, biex jagħmel il-flus, għall-interess ekonomiku, materjali, u r-ragħaj li jisfrutta n-nagħaġ biex jilbes tajjeb hu.  Il-laħam u s-suf.  Hekk jgħid Santu Wistin.  Aqra dik l-omelija sabiħa De pastoribus.  Hemm bżonn taqrawha u terġgħu taqrawha.  Iva, tnejn huma d-dnubiet tar-rgħajja: il-flus, li jsiru għonja u jagħmlu l-affarijiet għall-qligħ tal-flus – rgħajja tan-negozju –; u l-vanità, ir-rgħajja li jħossu li huma fi stat superjuri għall-poplu tagħhom, maqtugħin… ngħidu aħna, ir-rgħajja-prinċpijiet.  Ir-ragħaj-negozjant u r-ragħaj-prinċep.  Dawn huma ż-żewġ tentazzjonijiet li Santu Wistin, meta jaqbad dik is-silta minn Eżekjel, isemmi fl-omelija tiegħu.  Hu minnu, ragħaj li jfittex lilu nnifsu, kemm jekk jgħaddi mit-triq tal-flus u kemm jekk mit-triq tal-vanità, m’hux qaddej, m’għandux leadership veru.  L-umiltà għandha tkun l-arma tar-ragħaj: umli, dejjem għall-qadi.  Għandu jfittex il-qadi.  U m’hix ħaġa faċli tkun umli, le, m’hix faċli!  Jgħidu l-irħieb tad-deżert li l-vanità hi bħall-basla: meta int taqbad basla, tibda tqaxxarha, u int tħossok vanituż u tibda tqaxxar il-vanità.  U tqaxxar, tqaxxar, u qoxra oħra, wara l-oħra, wara l-oħra, u oħra… u sa fl-aħħar, tasal… għax-xejn.  “Aħ, għall-grazzja ta’ Alla, qaxxart il-basla, qaxxart il-vanità”.  Agħmel hekk, u jkollok ir-riħa tal-basla!  Hekk jgħidu l-Missirijiet tad-deżert.  Hekk il-vanità.  Darba smajt Ġiżwita – twajjeb, raġel twajjeb –, imma kien vanituż ħafna, vanituż ħafna…  U kollha konna ngħidulu: “Int vanituż!”, imma tant kien twajjeb li kulħadd kien jaħfirhielu.  U mar jagħmel l-eżerċizzi spiritwali, u meta ġie lura qalilna, lilna, fil-komunità: “Xi ġmiel ta’ eżerċizzi!  Għamilt tmint ijiem fil-Ġenna, u sibt li kont wisq vanituż!  Imma, għall-grazzja ta’ Alla, il-passjonijiet irbaħthom kollha!”.  Hekk il-vanità!  Diffiċli wisq tneħħi l-vanità minn ġo qassis.  Imma l-poplu ta’ Alla jaħfirlek ħafna ħwejjeġ: jaħfirlek jekk kellek żelqa, affettiva, jaħfirhielek.  Jaħfirlek jekk żlaqt minħabba xi ftit inbid żejjed, jaħfirhielek.  Imma ma jaħfirlekx jekk int ragħaj qalbek marbuta mal-flus, jekk int ragħaj vanituż li ma timxix sew man-nies.  Għax il-vanituż, in-nies ma jimxix magħha sew.  Flus, vanità u kburija.  It-tliet tarġiet li jwassluna għad-dnubiet kollha.  Il-poplu ta’ Alla jifhem id-dgħufijiet tagħna, u jaħfirhomlna; imma dawn it-tnejn, ma jaħfirhomx!  Il-kilba għall-flus, fir-ragħaj, ma jaħfirhiex.  U li ma timxix sew miegħu, ma jaħfirhiex.  Kurjuża, le?  Irridu nissieltu biex ma jkollniex dawn iż-żewġ difetti.  Imbagħad, il-leadership irid ikun fil-qadi, imma bi mħabba personali għan-nies.  Darba smajt jingħad hekk fuq kappillan: “Dak ir-raġel kien jaf l-ismijiet tan-nies kollha tal-kwartier tiegħu, anki l-ismijiet tal-klieb!”.  Kemm hi ħaġa sabiħa!  Kien qrib, kien jaf lil kulħadd, kien jaf l-istorja tal-familji kollha, kien jaf kollox.  U kien jgħin.  Kien hekk qrib…  Tkun qrib, taqdi, b’umiltà, faqar u sagrifiċċju.  Niftakar fil-kappillani li kellna fl-antik fi Buenos Aires, meta ma kienx hemm il-mowbajl, lanqas l-answering machine; kienu jorqdu bit-telefon maġenbhom.  Ħadd ma kien imut mingħajr is-Sagramenti.  Kienu jċemplulhom ikun x’ħin ikun: kien jqumu u jmorru.  Qadi, qadi.  U meta kont isqof, kont nitnikket meta nċempel f’xi parroċċa u tweġibni l-answering machine…  Hekk ma jkunx hemm leadership!  Kif tista’ tmexxi poplu jekk ma tisimgħux, jekk m’intix għas-servizz tiegħu?  Dawn huma l-affarijiet li jiġuni ġo moħħi, xi ftit… m’hux f’xi ordni partikulari, imma biex inwieġeb għall-mistoqsija tiegħek…

 

D. – (seminarista)

L-għodwa t-tajba, Santità.

 

R. – (Il-Papa Franġisku)

L-għodwa t-tajba.

 

D. – Jisimni Don Sèrge, ġej mill-Kamerun.  Il-formazzjoni tiegħi qed neħodha fil-Kulleġġ ta’ San Pawl Appostlu.  Hawn il-mistoqsija tiegħi: meta nerġgħu lura fid-djoċesijiet u l-komunitajiet tagħna, se niġu msejħa għal responsabbiltajiet ministerjali u dmirijiet formattivi ġodda.  Kif nistgħu nżommu dan il-bilanċ bejn id-dimensjonijiet kollha tal-ħajja ministerjali: it-talb, l-impenji pastorali, id-dmirijiet formattivi, bla ma nittraskuraw l-ebda waħda minnhom?  Grazzi.

 

R. – Hemm mistoqsija li għaliha ma weġibtx: ħarbet, forsi – l-inkonxju hu diżonest! – u rrid ngħaqqadha ma’ din.  Staqsewni: “Kif jirnexxielek, bħala Papa, tagħmel dawn l-affarijiet?”.  Anki din tiegħek…  Sa nwieġeb għal din tiegħek biex nirrakkonta, bis-sempliċità kollha, x’nagħmel jien biex ma nittraskura xejn.  It-talb.  Fil-għodu nfittex li nitlob il-Lawdi u anki li ngħaddi ftit ħin fit-talb, il-lectio divina, mal-Mulej.  Dan malli nqum.  L-ewwel naqra r-rapporti “ċifrati”, u mbagħad nagħmel dan.  U mbagħad, niċċelebra l-Quddiesa.  Imbagħad, jibda x-xogħol: ix-xogħol li l-lum ikun mod, u għada jkun mod ieħor… nipprova nagħmlu fl-ordni.  F’nofs in-nhar niekol, imbagħad ftit tas-sjesta; wara s-sjesta, għat-tlieta – skużawni – ngħid l-Għasar, għat-tlieta…  Jekk ma ngħidux dak il-ħin, nispiċċa ma ngħidux!  Iva, u anki l-qari, l-Uffiċċju tal-Qari ta’ l-għada.  Imbagħad ix-xogħol ta’ fil-għaxija, l-affarijiet li nkun irrid nagħmel…  Imbagħad, nagħmel ftit ta’ adorazzjoni u ngħid ir-Rużarju; ċena, u nagħlaq.  Din hi l-iskema.  Imma xi darba ma tkunx tista’ tagħmel kollox, għax inħalli lili nnifsi ninġarr minn esiġenzi xejn prudenti: wisq xogħol, jew għax nemmen li jekk ma nagħmilx dil-ħaġa l-lum, għada ma nagħmilhiex… ittir l-adorazzjoni, ittir is-sjesta, itir dan…  U anki hawn, il-viġilanza: intom għad terġgħu lura fid-djoċesijiet tagħkom u jiġrilkom dan li jiġri lili: hu normali.  Ix-xogħol, it-talb, ftit spazju biex tistrieħu, toħorġu mid-dar, timxu ftit, dan kollu hu importanti… imma tridu tirregolawh bil-viġilanza u anki bil-pariri…  L-ideal hu li tispiċċaw il-ġurnata għajjiena: dan hu l-ideal.  Ma jkunx hemm bżonn tibla’ pinuri: tispiċċa għajjien.  Imma b’għeja tajba, mhux b’għeja imprudenti, għax dik tagħmel ħażin lis-saħħa u fuq medda twila ta’ żmien tħallas qares għaliha.  Bħalissa qed nara wiċċ Sandro, li qed jitbissem u jgħidli: “Imma int mhux hekk tagħmel!”.  Veru.  Dan hu l-ideal, imma mhux dejjem inwettqu, għax anki jien midneb, u mhux dejjem inkun daqshekk ordnat.  Imma hekk trid tagħmel…

 

D. – L-għodwa t-tajba, Santità, jien Fernando Rodriguez, saċerdot novell mill-Messiku, ġejt ordnat xahar ilu, u noqgħod fil-Kulleġġ Messikan.  Missier, int fakkartna li l-Knisja għandha bżonn ta’ evnaġelizzazzjoni ġdida.  Anzi, fl-Evangelii gaudium, int waqaf titkellem fuq il-preparazzjoni tal-predikazzjoni, fuq l-omelija u fuq it-tħabbira bħala forma ta’ djalogu appassjonat bejn ragħaj u l-poplu tiegħu.  Tista’ terġa’ lura fuq din it-tema ta’ l-evanġelizzazzjoni ġdida?  Barra minn hekk, Santità, nistaqsu kif għandu jkun saċerdot fid-dawl ta’ l-evanġelizzazzjoni ġdida.  Liema għandu jew għandhom ikunu l-karatteristiċi tiegħu?  Grazzi.

 

R. – Meta San Ġwanni Pawlu II tkellem – jien kont naħseb li kienet l-ewwel darba, imma mbagħad qaluli li ma kinitx – fuq l-evanġelizzazzjoni ġdida, kien f’Santo Domingo fl-1992.  U hu qal li jeħtieġ tkun ġdida fil-metodoloġija, fil-ħeġġa, fiż-żelu appostoliku, u t-tielet waħda ma niftakarhiex…  Min jiftakarha?  Fl-espressjoni!  Tfittex espressjoni li taqbel ma’ l-uniċità taż-żminijiet.  U, ngħid għalija, fid-Dokument ta’ Aparecida hu ċar ħafna.  Dan id-Dokument ta’ Aparecida jiżviluppaha tajjeb din.  Għalija l-evanġelizzazzjoni titlob li wieħed joħroġ minnu nnifsu; titlob id-dimensjoni tat-traxxendentali: it-traxxendentali fl-adorazzjoni ta’ Alla, fil-kontemplazzjoni, u t-traxxendentali lejn l-aħwa, lejn in-nies.  Noħorġu minn, noħorġu minn!  Għalija dan qisu l-qalba ta’ l-evanġelizzazzjoni.  U noħorġu jfisser naslu xi mkien, jiġifieri noqorbu lejn.  Jekk int ma toħroġx minnek innifsek, qatt m’int ħa toqrob lejn ħadd!  Toqrob.  Inkunu qrib tan-nies, inkunu qrib ta’ kulħadd, ta’ dawk kollha li għandna nkunu qrib tagħhom.  Ta’ kulħadd.  Noħorġu.  Noqorbu.  Ma nistgħux nevanġelizzaw bla ma nkunu qrib ta’ l-oħrajn.  Inkunu qrib, imma b’rispett; noqorbu fl-imħabba, anki noqorbu fiżikament; inkunu qrib ta’.  U ma’ dan int irbatt l-omelija.  Il-problema ta’ l-omeliji li jdejqu n-nies – biex ngħidu hekk – il-problema ta’ l-omeliji ‘ta’ dwejjaq’ hi li min jagħmilhom m’hux qrib tan-nies.  Hu sewwa sew mill-omelija li jitkejjel kemm hu qrib ir-ragħaj lejn il-poplu tiegħu.  Jekk int fl-omelija tparla, ħa nara ftit, għal 20, 25 jew 30, 40 minuta – dawn m’humiex fantasiji, dawn jiġru fil-verità! – u titkellem dwar ħwejjeġ astratti, dwar veritajiet tal-fidi, int mhux omelija tkun tagħmel, imma tgħallem l-iskola!  Din ħaġa differenti!  Int m’intix qrib tan-nies.  Għalhekk hi importanti l-omelija: bħala kejl, biex tkun taf tajjeb il-qassis kemm hu qrib in-nies.  Naħseb li b’mod ġenerali l-omeliji tagħna m’humiex tajbin, m’humiex qed isiru fil-ġeneru letterarju omeletiku: huma konferenzi, jew huma lezzjonijiet, jew huma riflessjonijiet.  Imma l-omelija – u dan staqsuh lill-professuri tat-teoloġija – l-omelija fil-Quddiesa, il-Kelma hi Alla qawwi, hi sagramentali.  Għal Luteru kienet kważi sagrament: kienet ex opere operato, il-Kelma ppriedkata; għal oħrajn hi ex opere operantis, biss.  Imma jien naħseb li qiegħda fin-nofs, xi ftit mit-tnejn li huma.  It-teoloġija ta’ l-omelija hi xi ftit sagramentali kważi.  Hi differenti milli tagħmel diskors fuq suġġett.  Dik ħaġa oħra.  Titlob talb, titlob studju, titlob li tkun taf lin-nies li lilhom sa tkellem, titlob li tkun qribhom.  Fuq l-omelija, biex l-evanġelizzazzjoni timxi ’l quddiem, jeħtieġ nagħmlu passi kbar ’il quddiem, għax għadna lura.  Hu wieħed mill-punti ta’ konverżjoni li l-Knisja għandha bżonn il-lum: tirranġa sew l-omeliji, biex in-nies tifhimhom.  U, mbagħad, wara tmien minuti, l-attenzjoni tintilef.  Omelija ta’ iktar minn tmien, għaxar minuti m’hix sew.  Trid tkun qasira, trid tkun qawwija.  Nissuġġerilkom żewġ kotba, ta’ żmieni, imma tajbin, dwar dan l-aspett ta’ l-omelija, għax jistgħu jgħinukom ħafna.  L-ewwel, It-teoloġija tal-predikazzjoni, ta’ Hugo Rahner.  Mhux ta’ Karl, ta’ Hugo.  Hugo tista’ taqrah sew, Karl diffiċli taqrah.  Dan ġojjell: Teoloġija tal-predikazzjoni.  U l-ieħor hu dak ta’ Patri Domenico Grasso, li jintroduċina f’dak li hi l-omelija.  Naħseb li għandu l-istess isem: Teoloġija tal-predikazzjoni.  Dan ukoll jgħinkom sew.  Li tkunu qrib, l-omelija…  Hemm ħaġa oħra li ridt ngħid…  Toħorġu, tkunu qrib, l-omelija bħala kejl ta’ kemm jien qrib tal-poplu ta’ Alla.  U kategorija oħra li jien inħobb nuża hi dik tal-periferiji.  Meta wieħed joħroġ, ma jridx jasal biss sa nofs il-mixja, imma jrid imur sat-tarf nett.  Xi wħud jgħidu li l-evanġelizzazzjoni għandha tibda minn dawk l-aktar imbiegħda, kif kien jagħmel il-Mulej.  Dan hu dak li jaħbat ma’ moħħi dwar il-mistoqsija tiegħek.  Imma din ta’ l-omelija hi vera: għalija hi waħda mill-problemi li l-Knisja għandha tistudja u tikkonverti fuqha.  L-omeliji, l-omeliji: m’humiex tagħlim fi skola, m’humiex konferenzi, huma ħaġa oħra.  Nieħu gost nara saċerdoti li jinġabru flimkien għal sagħtejn biex iħejju l-omelija tal-Ħadd li jkun ġej, għax tinħoloq klima ta’ talb, ta’ studju, ta’ qsim ta’ fehmiet.  Dan jagħmel tajjeb, jagħmel tajjeb.  Tippreparaha ma’ xi ħadd ieħor, dan tajjeb ħafna.

 

D. – Ikun imfaħħar Ġesù Kristu!  Jisimni Voicek, noqgħod fil-Kulleġġ Pontifiċju Pollakk, qed nistudja t-Teoloġija Morali.  Missier, fil-ministeru presbiterali għall-qadi tal-poplu tagħna fuq l-eżempju ta’ Kristu u tal-missjoni tiegħu, x’tirrikkmandalna biex nibqgħu disposti u hienja fil-qadi tal-poplu ta’ Alla?  Liema kwalitajiet umani tissuġġerilna u tirrikkmandalna nitrawmu fihom biex insiru xbieha tar-Ragħaj it-Tajjeb u ngħixu dik li int sejjaħtilha “il-mistika tal-laqgħa”?

 

R. – Tkellimt dwar xi affarijiet li għandna nagħmlu fit-talb, prinċipalment.  Imma sa naqbad ma’ l-aħħar kelma tiegħek biex nitkellem fuq ħaġa, biex inżidha ma’ dak kollu li għidt, ma’ kull ma għidt u li jwasslu għall-mistoqsija tiegħek.  “Il-mistika tal-laqgħa”, għidt int.  Il-laqgħa.  Il-ħila li niltaqgħu.  Il-ħila li nisimgħu lill-persuni l-oħra.  Il-ħila li flimkien infittxu t-triq, il-metodu, tant ħwejjeġ.  Din il-laqgħa.  U tfisser anki li ma nibżgħux, ma nibżgħux mill-affarijiet.  Ir-ragħaj it-tajjeb ma jridx jibża’.  Forsi ġo fih għandu l-biża’, imma ma jitwerwer qatt.  Jaf li l-Mulej sa jgħinu.  Il-laqgħa mal-persuni li int għandu jkollok il-kura pastorali tagħhom; il-laqgħa ma’ l-Isqof tiegħek.  Importanti l-laqgħa ma’ l-Isqof.  Importanti anki li l-Isqof iħalli lil min jiltaqa’ miegħu.  Hu importanti… għax, iva, xi drabi tisma’ min jgħid: “Int dan għidthulu lill-Isqof tiegħek?”.  “Iva, tlabt udjenza miegħu, imma ilni erba’ xhur li tlabtha.  Għadni nistenna!”.  Dan m’hux sew, le.  Li tmur issib lill-Isqof u li l-Isqof iħalli lil min isibu.  Id-djalogu.  Imma fuq kollox irrid nitkellem fuq ħaġa: il-laqgħa bejn il-qassisin, bejnietkom.  Il-ħbiberija saċerdotali: dan hu teżor, teżor li tridu tgħożżu bejnietkom.  Il-ħbiberija bejnietkom.  Il-ħbiberija saċerdotali.  Mhux kulħadd jista’ jkun ħabib intimu.  Imma kemm hi sabiħa l-ħbiberija saċerdotali!  Meta l-qassisin, bħal żewġt aħwa, tliet aħwa, erbat aħwa, isiru jafu lil xulxin, jitkellmu dwar il-problemi tagħhom, il-ferħ tagħhom, ix-xewqat tagħhom, tant ħwejjeġ…  Ħbiberija spiritwali.  Fittxuha din, importanti.  Li tkunu ħbieb.  Nemmen li dan jista’ jgħinna ħafna biex ngħixu l-ħajja saċerdotali, biex ngħixu l-ħajja spiritwali, il-ħajja appostolika, il-ħajja komunitarja u anki l-ħajja intellettwali: il-ħbiberija saċerdotali.  Jekk jiġi qassis u jgħidli: “Jien qatt ma kelli ħabib”, naħseb li dan il-qassis ikun tilef wieħed mill-aktar ferħ sabiħ tal-ħajja saċerdotali, il-ħbiberija saċerdotali.  U dan hu li nawguralkom jien.  Nawguralkom li tkunu ħbieb ma’ dawk li l-Mulej iġibilkom quddiemkom għall-ħbiberija.  Nawguralkom dan fil-ħajja.  Il-ħbiberija saċerdotali hi qawwa ta’ perseveranza, ta’ ferħ appostoliku, ta’ kuraġġ, anki ta’ sens ta’ umoriżmu.  Hi sabiħa, sabiħa ferm!  Dan hu li naħseb.

 

Nirringrazzjakom tal-paċenzja tagħkom!  U issa nistgħu nitolbu lill-Madonna, u nitolbu l-barka

 

Regina Cæli…

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard