Għeżież ħbieb,

 

Ġejt inżur il-Komunità ta’ Sant’Eġidju hawn fi Trastevere, fejn twieldet.  Nirringrazzjakom tal-merħba sabiħa li tajtuni!

 

Ninsabu miġburin hawn madwar Kristu li, mill-għoli tal-mużajk, iħares lejna b’għajnejn mimlija ħlewwa u li jidħlu fil-fond ta’ qalbna, bil-Verġni Marija maġenbu, li hu jħaddan b’dirgħajh.  Din il-bażilika antika saret imkien ta’ talb ta’ kuljum għal tant Rumani u pellegrini.  Li nitolbu fil-qalba tal-belt ma jfissirx ninsew il-periferiji umani u urbani.  Ifisser li niġu hawn biex nisimgħu u nilqgħu l-Vanġelu ta’ l-imħabba ħalli mbagħad noħorġu niltaqgħu ma’ l-aħwa fit-truf tal-belt u tad-dinja!

 

Kull knisja, kull komunità hi msejħa għal din il-ħajja storbjuża u kultant imħawda tal-belt.  Kollox jitlaq mit-talb.  It-talb iħares lill-bniedem anonimu tal-belt minn tentazzjonijiet li jistgħu jsiru wkoll tagħna: il-protagoniżmu fejn kollox idur mal-persuna, l-indifferenza, il-vittimiżmu.  It-talb hu l-ewwel ħidma tal-Komunità tagħkom, u jikkonsisti f’li tisimgħu l-Kelma ta’ Alla – dan il-ħobż, il-ħobż li jqawwina, li jgħajjixna – imma anki f’li titfgħu ħarsitkom fuqU, bħal f’din il-bażilika: “Ħarsu lejh u jiddi bil-ferħ wiċċkom, u ma jkollkomx għax tistħu”, jgħid is-Salm (34:6).

 

Min iħares lejn il-Mulej, jilmaħ ukoll lill-oħrajn.  Anki intom tgħallimtu tħarsu lejn l-oħrajn, b’mod partikulari lejn dawk l-iżjed foqra; u nawguralkom li tgħixu dak li qal il-Professur Riccardi, jiġifieri li fostkom ma tibqgħux tagħrfu lil min qed jgħin minn min qed jiġi megħjun.  Attenzjoni li ftit ftit ma tibqax attenzjoni u ssir laqgħa, tgħanniqa: ma tibqax tingħaraf id-differenza bejn min qed jgħin u min qed jirċievi l-għajnuna.  Min hu l-protagonista?  It-tnejn li intom, jew, aħjar, it-tgħanniqa.

 

Fil-foqra hemm Ġesù, li jidentifika ruħu magħhom.  San Ġwann Kriżostmu jikteb: “Il-Mulej jersaq qrib tiegħek bħal wieħed fqir…” (In Matthæum Homil. LXVI, 3: PG 58, 629).  Ibqgħu, kif intom, Komunità mal-foqra.  Nilmaħ fostkom anki bosta anzjani.  Iferraħni li intom ħbieb tagħhom u qrib tagħhom.  It-trattament ta’ l-anzjani, bħal dak tat-tfal, jindika xi kwalità għandha s-soċjetà.  Meta l-anzjani jiġu mormija, meta l-anzjani huma mwarrba għall-ġenb u kultant jispiċċaw bla mħabba, dan hu sinjal ikrah!  Min-naħa l-oħra, kemm hi ħaġa tajba dik ir-rabta li hawn qed nilmaħ bejn żgħażagħ u anzjani fejn kulħadd jirċievi u jagħti!  L-anzjani u t-talb tagħhom huma għana għal Sant’Eġidju.  Poplu li ma jiħux ħsieb ta’ l-anzjani tiegħu, li ma jiħux ħsieb taż-żgħażagħ tiegħu, hu poplu bla futur, poplu bla tama.  Għax iż-żgħażagħ – it-tfal, iż-żgħażagħ – u l-anzjani jmexxu l-istorja ’l quddiem.  It-tfal, iż-żgħażagħ bis-saħħa bijoloġika tagħhom, m’għandniex xi ngħidu.  L-anzjani, billi jagħtuhom il-memorja.  Imma meta soċjetà titlef il-memorja, tispiċċa, tispiċċa.  Kemm hi ħaġa kerha naraw soċjetà, poplu, kultura li tilfu l-memorja.  In-nanna ta’ disgħin sena li tkellmet – brava! – qaltilna li kien hemm din il-ġirja għall-iskart, din il-kultura ta’ l-iskart.  Biex jinżamm bilanċ bħal dan, fejn fiċ-ċentru ta’ l-ekonomija tad-dinja ma jkunx hemm ir-raġel u l-mara, imma l-idolu tal-flus, ikun hemm bżonn jintremew xi affarijiet.  Jintremew it-tfal: tfal xejn.  Aħsbu mqar fir-rata ta’ twelid fl-Ewropa: fl-Italja, Spanja, Franza…  U jintremew l-anzjani, b’atteġġjamenti li warajhom hemm moħbija ewtanasja, forma ta’ ewtanasja.  Ma jiswewx, u dak li ma jiswiex, jiġi mormi.  Dak li ma jipproduċix, jintrema.  U l-lum il-kriżi hi hekk kbira li qed jintremew iż-żgħażagħ: meta naħsbu f’dawn il-75 miljun żagħżugħ u żagħżugħa ta’ inqas minn 25 sena, li huma “la-lanqas”: la xogħol, lanqas studju.  Jonqoshom kollox.  Hekk qed jiġri l-lum, f’din l-Ewropa għajjiena, kif għidt int.  F’din l-Ewropa li għejiet; mhux xjaħet, le, għejiet.  Ma tafx x’ħa taqbad tagħmel.  Ħabib tiegħi xi żmien ilu staqsieni għaliex jien ma nitkellimx dwar l-Ewropa.  Jien għamiltlu nassa, għidtlu: “Int smajtni nitkellem dwar l-Asja?”, u nduna li kienet nassa!  Il-lum nitkellem dwar l-Ewropa.  L-Ewropa għejiet.  Irridu ngħinuha terġa’ ssir żagħżugħa, issib għeruqha.  Hu minnu: ċaħdet l-għeruq tagħha.  Hu minnu.  Imma rridu ngħinuha terġa’ ssibhom.

 

Is-soċjetà nibdew nibdluha jekk nitilqu mill-foqra u l-anzjani.  Ġesù fuqu nnifsu jgħid hekk: “Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka” (Mt 21:42).  Anki l-foqra huma b’xi mod “ġebla tax-xewka” għall-bini tas-soċjetà.  Il-lum b’xorti ħażina għandna ekonomija spekulattiva li tfaqqarhom dejjem iżjed, iċċaħħadhom minn dak li hu essenzjali, bħalma huma d-dar u x-xogħol.  Dan hu inaċċettabbli!  Min iħaddan is-solidarjetà dan ma jaċċettahx u allura jaġixxi.  U din il-kelma “solidarjetà” ħafna jridu jneħħuha mid-dizzjunarju, għax għal ċerta kultura tidher qisha kelma baxxa.  Le!  Hi kelma Kristjana, is-solidarjetà!  U għalhekk intom familja għal dawk li huma bla saqaf, ħbieb tal-persuni b’diżabbiltà, li – meta maħbuba – jesprimu tant umanità.  Qed nara wkoll hawn bosta “Ewropej ġodda”, immigranti li waslu wara vjaġġi iebsien u riskjużi.  Il-Komunità tilqagħhom bi mħabba u turi li l-barrani hu ħuna li rridu nsiru nafuh u ngħinuh.  U dan iżommna żgħażagħ.

 

Minn hawn, minn Santa Marija in Trastevere, nibgħat it-tislijiet tiegħi lil dawk kollha li jagħmlu parti mill-komunità tagħkom f’pajjiżi oħra tad-dinja.  Inħeġġeġ lilhom ukoll ikunu ħbieb ta’ Alla, tal-foqra u tal-paċi: min jgħix hekk isib il-barka fil-ħajja u jsir barka hu għall-oħrajn.

 

F’xi pajjiżi li qed isofru minħabba l-gwerra, intom tfittxu li żżommu ħajja t-tama tal-paċi.  Il-ħidma b’riżq il-paċi ma tagħtix riżultati mgħaġġlin, imma hi ħidma ta’ nies tas-sengħa li kollhom sabar ifittxu dak li jgħaqqad u jwarrbu dak li jifred, kif kien iħobb jgħid San Ġwann XXIII.

 

Hawn hu meħtieġ nitolbu iżjed u niddjalogaw iżjed: din hi ħtieġa.  Id-dinja bla djalogu tispiċċa tifga.  Imma d-djalogu hu possibbli biss jekk nibdew mill-identità tagħna.  Jien ma nistax nagħmel tabirruħi li għandi identità oħra ħalli nista’ niddjaloga.  Le, hekk ma nistgħux niddjalogaw.  Jien għandi din l-identità, imma nidħol fi djalogu, għax jien persuna, għax jien raġel, jien mara, u r-raġel u l-mara għandhom din il-possibbiltà li jiddjalogaw mingħajr ma jinnegozjaw l-identità tagħhom.  Id-dinja bla djalogu tifga: għalhekk anki intom agħtu s-sehem tagħkom biex ixxettlu l-ħbiberija bejn ir-reliġjonijiet.

 

Ibqgħu mexjin fuq din it-triq: talb, foqra u paċi.  U intom u mexjin hekk, għinu biex tikber il-mogħdrija fil-qalb tas-soċjetà – hi li l-vera rivoluzzjoni, dik tal-mogħdrija u tal-ħlewwa –, biex toktor il-ħbiberija flok l-iħirsa tal-mibegħda u l-indifferenza.

 

Il-Mulej Ġesù, li mill-għoli tal-mużajk iħaddan miegħu lill-Omm Imqaddsa tiegħu, iweżinkom kull fejn tkunu u jgħannaqkom ilkoll flimkien magħha fil-ħniena tagħha.  Neħtieġuha, neħtieġuha ħafna.  Dan hu ż-żmien tal-ħniena.  Nitlob għalikom, u intom itolbu għalija!  Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard