Għeżież ħuti,

 

Nagħti merħba minn qiegħ qalbi lilkom li qed tieħdu sehem f’dit-tieni Assemblea tar-“Renate” (Netwerk Reliġjuż Ewropew kontra l-Kummerċ u l-Isfruttament).  Irrodd ħaj lil Swor Imelda Poole għall-kliem ġentili li bih sellmitli f’isimkom u nawguralkom sinċerament li dawn il-jiem ta’ talb, riflessjoni u konfront, iħallu l-frott.  Hu f’waqtu li din l-Assemblea tagħkom qed issir f’Ruma fi żmien il-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena.  F’daż-żmien ta’ grazzja, aħna lkoll mistednin biex nidħlu fil-fond tal-misteru tal-ħniena t’Alla, u bħas-Sammaritan it-tajjeb, inwasslu l-balzmu ta’ dil-ħniena lil tant feriti li hawn fid-dinja tagħna. 

 

Waħda mill-feriti jnixxu li hi tal-akbar niket hi l-kummerċ tal-persuni, għamla moderna ta’ skjavitù li tipprofana d-dinjità, don ta’ Alla, f’ħafna minn ħutna, u li hi att kriminali kontra l-umanità.  Filwaqt li sar ħafna biex issir magħrufa l-gravità u l-firxa ta’ dan il-fenomenu, għad fadal ħafna xi jsir biex jgħola l-livell ta’ għarfien fost l-opinjoni pubblika, u biex ikun hemm koordinament aħjar tal-isforzi li jsiru min-naħa tal-gvernijiet, tal-awtoritajiet ġudizzjarji, leġiżlattivi u tal-operaturi soċjali

 

Kif tafu tajjeb, waħda mill-isfidi ta’ din il-ħidma ta’ sensibiliżżazzjoni, edukazzjoni u koordinament hi ċerta indifferenza, u saħansitra kompliċità, tendenza ta’ ħafna li jdawwru wiċċhom in-naħa l-oħra (cfr Eż. App.  Il-Ferħ tal-Vanġelu, 211) filwaqt li ,daħħlin fl-istorja hemm interessi ekonomiċi setgħana u netwerks ta’ kriminalità.  Għal dir-raġuni nesprimi l-apprezzament tiegħi għall-impenn tagħkom immirat biex ikabbar il-kuxjenza soċjali dwar id-daqs ta’ dil-pjaga li tolqot l-aktar lin-nisa u lit-tfal.  Iżda b’mod partikolarment speċjali rrodilkom ħajr għax-xiehda fidila li tagħtu tal-Evanġelju tal-ħniena, kif juri l-impenn tagħkom fil-ħidma biex tirkupraw u tirrijablitaw ‘il-vittmi.

 

Il-ħidma tagħkom f’dal qasam tfakkarna «fl-isforzi enormi u spiss siekta li saru tul bosta snin minn kongregazzjonijiet reliġjużi, speċjalment tan-nisa» biex jieħdu ħsieb ta’ min ikun miġrugħ fid-dinjità tiegħu u mtaqqal mill-esperjenzi li għadda minnhom (cfe Messaġġ għal-Jum Dinji tal-Paċi 2015, 5).  Qed niftakar b’mod partikolari fil-kontribut speċifiku li jagħmlu n-nisa biex jakkumpanjaw nisa oħra u tfal, f’mixja profonda u personali ta’ fejqan u re-integrazzjoni.

 

Għeżież ħbieb, għandi fiduċja li l-esperjenzi ta’ għarfien u ħiliet li se taqsmu bejnietkom tul dawn il-jiem ikunu kontribut biex ix-xhieda tal-Evanġelju tkun aktar effikaċi f’waħda mill-“periferiji” l-kbar tas-soċjetà kontemporanja tagħna. 

 

Filwaqt li lilkom u lil dawk kollha li intom isservu, inqiegħdkom taħt l-interċessjoni mimlija mħabba ta’ Marija, Omm il-Ħniena, minn qalbi ntikom il-barka tiegħi bħala rahan ta’ ferħ u paċi fil-Mulej.  Filwaqt li likom ilkoll niżgurakom li niftakar fikom fit-talb tiegħi, nitlobkom, jekk jogħġobkom, biex titolbu għalija.

Grazzi!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber