Sinjuri, Eminenzi, Eċċellenzi,

Għeżież ħuti,

 

Matul dan il-pellegrinaġġ tiegħi  xtaqt li niltaqa’ magħkom li kontu mġiegħla titilqu minn djarkom u minn art twelidkom minħabba  fi ġlied imdemmi u  sibtu kenn fl-art tal-Ġordanja li laqatkom, u fl-istess ħin, niltaqa’ magħkom ukoll, għeżież żgħażagħ, li qed iġorru l-piż ta’ limitu fiżiku.

 

Il-post li ninsabu fih ifakkarna fil-Magħmudija ta’ Ġesu’.   Hu, li ġie hawn  fil-Ġordan biex jitgħammed minn Ġwanni, jurina l-umilta’ tiegħu  u li hu qasam  magħna l-kundizzjoni  tagħna l-bnedmin: Hu jitbaxxa u jsir bħalna u b’imħabbtu jerġa’ jagħtina mill-ġdid id-dinjita’ u jsalvana.   L-umilta’ ta’ Ġesu’  li jitbaxxa  biex ifejjaq  il-ġrieħi tagħna l-bnedmin  dejjem tolqotna.   Ġesu’ jitbaxxa u jsir ħaġa waħda magħna biex ifejjaq il-ġrieħi tagħna! 

 

U min-naħa tagħna, aħna nħossu b’mod profond il-ġrajjiet drammatiċi u l-ġrieħi ta’ żmienna, l-aktar dawk il-ġrieħi miftuħa kawża tal-ġlied fil-Lvant Nofsani. L-ewwel ma tiġi quddiem għajnejja hi l-art maħbuba tas-Sirja mifnija minn gwerra ċivili li issa ilha sejra tlett snin u li ħalliet numru li ma jingħadx ta’ vittmi  u wasslet  ħafna  oħrajn biex jaħarbu u jfittxu l-kenn f’pajjiżi oħra.  Ilkoll irridu l-paċi!  Imma meta nħares lejn din il-ġrajja drammatika tal-gwerra, lejn dawn il-ġrieħi, lejn  tant nies li telqu arthom, li kellhom  jitilqu art twelidhom, nistaqsi lili nnifsi: min qed ibigħ l-armi  lil dawn  in-nies   biex jiġġieldu?    Hawn jinsab l-għerq tal-ħażen kollu!  Il-mibegħda u l-kilba għall-flus ta’ dawk li jipproduċu u jbigħu l-armi.  Dan  għandu jwassalna biex naħsbu  f’min hemm wara dan kollu, f’min qed jagħti l-armi lil dawk li qed jiġġieldu biex ikompli jsir il-ġlied!  Naħsbu,  u minn qalbna ngħidu kelma lil dawn l-imsejkna nies kriminali biex jikkonvertu.

 

Nirringrazzja lill-Awtorita’ u lill-poplu tal-Ġordanja li b’tant ġenerożita’ qed jilqgħu numru hekk għoli ta’ refuġjati li qed jiġu mis-Sirja u mill-Iraq, u ngħid grazzi wkoll  lil dawk kollha li  bil-ħidma tagħhom qed jagħtu  għajnuna u solidarjeta’ lir-rifuġjati.    Ma nistax ma naħsibx  ukoll fil-ħidma ta’ karita’ li qed issir mill-istituzzjonijiet tal-Knisja, bħall-Caritas tal-Ġordanja u oħrajn, li filwaqt li jagħtu l-għajnuna tagħhom lil  dawk fil-bżonn mingħajr ebda distinzjoni ta’ twemmin reliġjuż, appartenenza etnika jew ideoloġika,  juru d-dija tal-wiċċ karitattiv ta’ Ġesu’, li hu ħanin. Alla li jista’ kollox u li hu ta’ mħabba bla qies ibierek lilkom u kull sforz  li tagħmlu biex ittaffu t-tbatija li ġġib magħha l-gwerra!

 

Indur lejn il-komunita’ internazzjonali biex ma tħallix waħidha lill-Ġordanja, hekk akkoljenti u kuraġġuża, imma biex tkompli tgħinha u żżid is-sostenn u l-għajnuna  ħalli tiffaċċa din  l-emerġenza umanitarja minħabba li  numru daqshekk għoli ta’ refuġjati  qed  jaslu fit-territorju tagħha.  Inġedded  minn qalbi l-appell għall-paċi fis-Sirja.   Ħa tieqaf  il-vjolenza u jkunu rispettati d-drittijiet umani filwaqt li tingħata garanzija tal-għajnuna meħtieġa lill-poplu li qed ibati! Jalla kulħadd iwarrab  il-ħsieb  li  l-armi  għandhom ikunu s-soluzzjoni għall-problemi u  jerġa’ jimxi fit-triq tan-negozjati.  Fil-fatt, is-soluzzjoni tista’ tiġi biss mid-djalogu u mill-moderazzjoni, mill-kumpassjoni lejn min qed ibati, mit-tiftix għal soluzzjoni politika u mis-sens ta’ responsabbilta’ lejn ħutna l-bnedmin.

 

U lilkom, żgħażagħ, nitlobkom tingħaqdu miegħi fit-talb għall-paċi. Tistgħu tagħmlu dan anki billi toffru t-tbatija tagħkom ta’ kuljum lil Alla, u hekk it-talba tagħkom issir partikolarment prezzjuża u effikaċi. Inħeġġiġkom tikkollaboraw bl-impenn u bis-sensittivita’ tagħkom biex tinbena soċjeta’ li tirrispetta lil dawk l-aktar dgħajfa, lill-morda, lit-tfal, lill-anzjani. Minkejja d-diffikultajiet tal-ħajja,  kunu sinjal ta’ tama. Intom fil-qalb ta’ Alla, intom fit-talb tiegħi u nirringrazzjakom li ġejtu hawn daqshekk  numerużi u mimlija ħeġġa u  ferħ. Grazzi!

 

Fit-tmiem ta’ din il-laqgħa nġedded  l-awgurju tiegħi li r-raġuni u l-moderazzjoni jirbħu fuq kull ħaġa oħra, u li bl-għajununa tal-komunita’ internazzjonali, is-Sirja ssib mill-ġdid it-triq tal-paċi.  Nitolbu li Alla jikkonverti lil dawk li huma vjolenti!  Nitolbu li Alla jikkonverti  lil dawk li għandhom proġetti ta’ gwerra! Nitolbu li Alla  jikkonverti lil dawk li jipproduċu l-armi u jbigħuhom, u  li jsaħħaħ il-qlub u l-imħuħ ta’ dawk li jaħdmu għall-paċi u jħallashom b’kull barka tiegħu. Il-Mulej ibierek lilkom ilkoll!

 

Miġjub għall-Malti minn Vivienne Attard.