Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Kuntent li qed niltaqa’ magħkom, u nirringrazzjakom li ġejtu daqshekk numerużi.  Nixtieq insellem  b’mod speċjali lil dawk li waslu biex  jitilqu għal x’imkien ieħor!  Intom smajtu s-sejħa biex tmorru tevanġelizzaw: inbierek lill-Mulej għal dan, inbierku għad-don tal-Mixja u għad-don ta’ kull wieħedu waħda minnkom. Irrid nisħaq fuq tliet kelmiet li l-Evanġelju għadu kemm jagħtihomlkom bħala mandat għall-missjoni: unita’, glorja u dinja.

Unita’.  Ġesu’ talab lill-Missier biex dawk li huma tiegħu “jkunu perfetti fl-għaqda ta’ bejniethom” (ara Ġw 17,23): irid li jkunu “ħaġa waħda” kif Hu u l-Missier huma ħaġa waħda ( ara v.22). Din kienet l-aħħar  ħaġa li talab  qabel il-Passjoni tiegħu;  hi l-aktar ħaġa għal qalbu:  il-komunjoni fil-Knisja. Il-komunjoni hi essenzjali. Ix-xitan, l-għadu ta’ Alla u tal-bniedem ma jista’ jagħmel xejn kontra l-Evanġelju, kontra l-qawwa umli tat-talb u tas-sagramenti, imma jista’ jagħmel ħafna ħsara lill-Knisja billi jittanta l-umanita’ tagħna. Jipprovoka l-preżunzjoni, il-ġudizzju fuq l-oħrajn, l-għeluq, il-firda. Hu   dak li jifred u spiss jibda billi jwassalna biex nemmnu li aħna twajba, li forsi  aħna wkoll aħjar mill-oħrajn, u  hekk ikollu l-art lesta biex jiżra’ s-sikrana. Din hi tentazzjoni għall-komunitajiet kollha u tista’ tippenetra anki fl-isbaħ kariżmi fil-Knisja.

Intom irċevejtu kariżma kbira, li twassal għat-tiġdid tal-Magħmudija  fil-ħajja tagħkom; fil-fatt aħna nsiru parti mill-Knisja permezz tal-Magħmudija. Kull kariżma hi  grazzja t’Alla biex tikber il-komunjoni. Imma l-kariżma tista’ tiddeterjora meta ningħalqu fiha jew niftaħru biha, meta permezz tagħha nkunu rridu niddistingwu ruħna minn oħrajn. Għalhekk irridu nieħdu ħsiebha l-kariżma. Ħudu ħsiebha l-kariżma tagħkom! Kif? Billi timxu fit-triq  li tgħallem unita’ umli u ubbidjenti. Jekk ikun hemm din, l-Ispirtu s-Santu jkompli jaħdem kif ħadem f’Marija, li kienet miftuħa għall-ħidma tiegħu,   umli u ubbidjenti. Dejjem hemm bżonn li wieħed joqgħod attent u jieħu ħsieb il-kariżma, billi jissaffa minn dak li hu uman filwaqt li jfittex l-għaqda ma’ kulħadd u l-ubbidjenza lejn il-Knisja. Hekk wieħed jieħu n-nifs fil-Knisja u mal-Knisja, hekk nibqgħu wlied doċli  “tal-Knisja Ġerarkika, Qaddisa u  Omm”  u “ b’ruħ imħejjija u lesta” għall-missjoni ( ara San Injazju ta’ Loyola, Eżerċizzi Spiritwali, 353).

Nisħaq fuq dan l-aspett: il-Knisja hi Ommna. Kif l-ulied iġibu fuq wiċċhom ix-xebh ma’ommhom, hekk aħna lkoll nixbħu lill-Knisja Ommna. Wara l-Magħmudija aħna ma ngħixux aktar bħala individwi iżolati;  aħna nsiru  rġiel u nisa ta’ komunjoni, imsejħa biex inkunu operaturi ta’ komunjoni fid-dinja. Għax Ġesu’ mhux biss  waqqaf il-Knisja għalina, imma waqqaf lilna bħala Knisja. Il-Knisja mhijiex strument għalina: aħna l-Knisja.  Hi welditna mill-ġdid, hi tgħajjixna bil-Ħobż tal-Ħajja, hi tagħtina  Kliem il-Ħajja, hi tagħtina l-maħfra u  takkumpanjana sad-dar. Din hi l-fekondita’ tal-Knisja, li hi Omm: il-Knisja mhijiex organizzazzjoni li tfittex  lil min isegwiha, jew inkella  grupp  li jimxi ‘l quddiem billi jsegwi l-loġika tal-ideat tiegħu, imma hi Omm li tittrażmetti l-ħajja li rċeviet mingħand Ġesu’.

Din il-fekondita’ tesprimi ruħha permezz tal-ministeru u l-gwida tar-Ragħajja. Fil-fatt, anki l-istituzzjoni hi kariżma, għax għeruqha huma mħawlin fl-istess għajn, li hu l-Ispirtu s-Santu. Hu l-ilma ħaj, imma l-ilma jista’ jkompli jagħti l-ħajja biss jekk  ix-xitla jkollha min jieħu ħsiebha u jiżborha. Aqtgħu l-għatx  tagħkom mill-għajn tal-imħabba, mill-Ispirtu, u b’delikatezza u b’rispett, ħudu ħsieb l-organiżmu  ekkleżjali kollu, speċjalment ta’ dawk il-partijiet l-aktar fraġli, biex  dan jikber  kollu flimkien b’mod armonjuż u jagħmel il-frott.

It-tieni kelma: glorja. Qabel il-passjoni tiegħu,  Ġesu’ ħabbar li għad ikun “igglorifikat” fuq is-salib: li hemm għad tidher il-glorja tiegħu (ara Ġw 17,5). Din hi glorja ġdida: il-glorja tad-dinja tidher fl-importanza, fl-ammirazzjoni, fil-ġid u fis-suċċess, imma l-glorja t’Alla timmanifesta ruħha fuq is-salib: hi l-imħabba, li  hemmhekk tiddi u  minn hemmhekk tinfirex. Hi glorja paradossali: mingħajr ħoss, mingħajr qligħ u mingħajr ċapċip.  Iżda hi biss din il-glorja li twassal  l-Evanġelju  biex jagħmel il-frott.  U l-istess għall-Knisja Omm:  hi tagħmel il-frott meta timita l-imħabba t’Alla mimlija ħniena , li tipproponi mingħajr qatt ma timponi. Hi umli; twettaq il-ħidma tagħha bħalma tagħmel ix-xita li tinżel fuq l-art, bħalma tagħmel l-arja li tagħtina n-nifs, bħal żerriegħa ċkejkna li tagħti l-frott fis-skiet. Min iħabbar l-imħabba, ma jistax jagħmel dan ħlief bl-istess stil ta’ mħabba.

It-tielet kelma li smajna kienet dinja.”Alla tant ħabb lid-dinja” li bagħat lil Ġesu’( ara Ġw 3,16 ). Min iħobb ma joqgħodx ‘l bogħod minn min iħobb, imma jmur jiltaqa’ miegħu. Intom tmorru tiltaqgħu ma’ nies f’ħafna bliet, f’ħafna pajjiżi. Il-mondanita’ ma togħġbux lil Alla, anzi  jistmerra; imma Hu jħobb id-dinja li ħalaq u jħobb lil uliedu, hekk kif inhuma, hemm fejn jinsabu, ukoll jekk huma “mbiegħda”.  Il-ħajja f’pajjiżi ‘l bogħod, fejn hemm kulturi oħra, mhux ser tkun faċli għalikom; imma din hi l-missjoni tagħkom. U intom twettquha b’imħabba, b’imħabba għall-Knisja Omm, għall-unita’ ta’ din l-omm li tagħti l-frott; tagħmluha biex  il-Knisja tkun omm li tagħti l-frott. Uru lill-ulied il-ħarsa tenera tal-Missier u  ħarsu lejn ir-realtajiet li tiltaqgħu magħhom bħala don;  araw li ssiru midħla mal-kulturi, mal-ilsna, mad-drawwiet  tal-post filwaqt li tirrispettawhom u  taraw fihom iż-żerriegħa ta’ grazzja  ġa mxerrda mill-Ispirtu s-Santu. Mingħajr ma taqgħu fit-tentazzjoni li tittrapjantaw mudelli li ġa wieħed jaf bihom, iżirgħu l-ewwel tħabbira: dwar “dak li hu l-isbaħ, l-akbar, l-aktar attraenti u fl-istess ħin l-aktar meħtieġ” (Evangelii  Gaudium n.35).  Irridu dejjem inwasslu l-bxara t-tajba għax inkella hemm ir-riskju li l-fidi ssir duttrina kiesħa u bla ħajja. Morru evanġelizzaw bħala familji, għax imbagħad bl-għaqda u bis-sempliċita’  li tgħixu ġa tkunu qed twasslu aħbar  ħajja u tagħtu  xhieda li tagħha nirringrazzjakom  ħafna.  Nirringrazzjakom f’ismi u anki  f’isem il-Knisja kollha talli qed tagħmlu dan il-ġest u tmorru  lejn dak li ma tafuhx u  anki  tbatu.  Ikun hemm it-batija, imma  jkun hemm ukoll il-ferħ tal-glorja t’Alla, il-glorja ta’ fuq is-Salib.  Jien nakkumpanjakom u nagħmlilkom kuraġġ, u jekk jogħġobkom nitlobkom tinsewnix fit-talb tagħkom. Jien nibqa’ hawn, imma  niġi magħkom b’qalbi.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Vivienne Attard.