Għeżież Ħuti,

Inrodd ħajr lill-Mulej għall-ferħ tal-fidi tagħkom u għall-ħerqa tax-xhieda nisranija tagħkom, grazzi lil Alla!  Insellmilkom bil-qalb ibda mill-Équipe internazzjonali responsabbli mill-Mixja Neo-Katekumenali, flimkien mas-saċerdoti, is-seminaristi u l-katekisti.  Tislima mimlija mħabba ukoll lin-numru kbir ta' tfal li hawn preżenti.  Ħsiebi jmur b'mod speċjali fuq il-familji li se jmorru f'diversi nħawi tad-dinja per iħabbru u jagħtu xhieda tal-Evanġelju.  Il-Knisja hi grata lejn il-ġenerożità tagħkom!  Nirringrazzjakom għal dak kollu li tagħmlu fil-Knisja u fid-dinja.

U propju f'isem il-Knisja, Ommna – il-Knisja Mqaddsa Omm tagħna, ġerarkika, kif kien iħobb jgħid San Injazju minn Loyola – f'isem il-Knisja, nixtieq nagħmlilkom ftit rakkomandazzjonijiet sempliċi.

L-ewwel hi biex intom, bl-akbar kura, tibnu u tikkonservaw il-komunjoni fi ħdan il-Knejjes partikolari li fihom sejrin taħdmu.  Il-Mixja għandha l-kariżma propja tagħha, id-dinamika tagħha, rigal, li bħar-rigali l-oħrajn kollha li jtina l-ispirtu s-Santu, għandu dimensjoni ekkleżjali profonda.  Dan ifisser il aħna nżommu widnejna miftuħin biex nisimgħu il-ħajja tal-Knisja li fiha dawk responsabbli minnkom se jibgħatukom, biex nivvaloriżżaw ir-rikkezzi li nsibu fihom, biex, fejn ikun meħtieġ, nittolleraw id-debbulizzi u biex nimxu flimkien, bħal merħla waħda, taħt it-tmexxija tar-Rgħajja tal-Knejjes lokali.  Il-komunjoni hija essenzjali: xi minn daqqiet hu aħjar li wieħed  jirrinunzja li jgħix id-dettalji kollha li jeżiġi l-itinerarju tiegħu, basta jiggarantixxi l-għaqda bejn l-aħwa li jiffurmaw il-komunità ekkleżjali waħda, li intom tridu tħossu ruħkom parti minnha.

Indikazzjoni oħra: tkunu kull fejn tkunu, jagħmlilkom tajjeb taħsbu dejjem li l-Ispirtu t'Alla jasal dejjem qabilna.  Dan hu importanti: Il-Mulej dejjem jasal qabilna!  Aħsbu f'Filippu, meta l-Mulej jibgħatu f'dik it-triq li fiha jiltaqa' mal-amministratur bilqiegħda fuq il-karru tiegħu (At, 8: 27-28).  L-Ispirtu kien wasal qabel: hu kien qed jaqra l-Profeta Iżaija imma ma kien qed jifhem xejn, iżda qalbu kienet imħeġġa.  B'hekk, meta Filippu jersaq lejh hu kien lest għall-katekeżi u għall-Magħmudija.  L-Ispirtu dejjm hu qabilna: Alla dejjem jasal qabel naslu aħna!  Anki fl-aktar postijiet imbegħeda, anki fil-kulturi l-aktar diversi.  Alla jitfa' dejjem iż-żerriegħa tal-Kelma tiegħu.

Minn hawn tinbet il-ħtieġa ta' attenzjoni speċjali għall-kuntest kulturali li intom il-familji sejrin taħdmu fihom: bosta drabi hu ambjent differenti ħafna minn dak li intom ġejjin minnu.  Ħafna minnkom se jkollhom jitħabtu biex jitgħallmu l-lingwa tal-post, ħafna drabi diffiċli, imma dan l-isforz hu apprezzat ferm.  Se jkun ta' importanza akbar l-impenn tagħkom biex titgħallmu l-kulturi li se tiltaqgħu magħhom biex tkunu tistgħu tagħrfu liema huma l-ħtiġijiet ta' evanġeliżżazzjoni li nsibu kullimkien, imma tagħrfu ukoll dik l-azzjoni li l-Ispirtu s-Santu wettaq fil-ħajja u fl-istorja ta' kull poplu.

Fl-aħħar, neżortakom biex bl-imħabba tieħdu ħsieb xuxlin, b'mod partikolari tieħdu ħsieb dawk li huma l-aktar debboli.  Il-Mixja Neo-Katekumenali, minħabba li hi mixja biex wieħed jerġa' jiskopri il-Magħmudija tiegħu, hija triq eżiġenti li tulha xi ħadd mill-aħwa jista' jiltaqa' ma' diffikultajiet mhux mistennija.   F'dawn il-każi, it-tħaddim tal-paċenzja u l-ħniena man-naħa tal-komunità hu sinjal ta' maturità fil-fidi.  Il-libertà ta' kull individwu m'għandhiex tkun sfurzata, u hemm bżonn li wieħed jirrispetta l-għażla ta' min jiddeċiedi għamliet oħra ta' ħajja nisranija li jgħinuh jikber fit-tweġiba li jagħti lis-sejħa tal-Mulej, 'il barra mill-Mixja.

Għeżież familji, għeżież ħuti, ninkoraġġikom biex twasslu kullimkien, anki fl-ambjenti l-anqas kristjaniżżati, speċjalment fil-preiferiji eżistenzjali, l-Evanġelju ta' Ġesù Kristu.  Evanġeliżżaw bl-imħabba, wasslu lil kulħadd l-imħabba t'Alla.  Għidu lil kull min tiltaqgħu miegħu fit-triq tal-missjoni tagħkom, li Alla jħobb lil bniedem kif inhu, anki bil-limitazzjonijiet tiegħu, bl-iżbalji, anki bid-dnubiet tiegħu.  Kien għalhekk li Hu bagħat lil Ibnu, biex jitgħabba bid-dnubiet tagħna.  Kunu messaġġiera u xhieda tal-imħabba infinita u tal-ħniena bla tarf tal-Missier.

Jien nafdakom lill-Omma tagħna Marija, biex tnebbaħkom u ssostnikom dejjem fl-appostolat tagħkom.  Fl-iskola ta' din l-Omm tenera kunu missjunarji hawtiela u ferrieħa.  Titilfux il-ferħ, kuraġġ

                           

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber.