Għeżież ħuti,

 

Meta dħalt, ħsibt li kont bdilt il-bieb, li kont dħalt f’Kindergarten…  Skużawni!

 

Nilqa’ minn qalbi lil kull wieħed u waħda minnkom.  Insellem lill-Onorevoli Carlo Casini u nirringrazzjah għall-kelmiet tiegħu, imma fuq kollox nesprimi r-rikonoxxenza tiegħi għall-ħidma kollha li hu wettaq għal tant snin fil-Moviment favur il-Ħajja.  Nawguralu li meta l-Mulej isejjaħlu għandu, ikunu t-tfal li jiftħulu l-bieb hemm fuq!  Insellem lill-Presidenti taċ-Ċentri ta’ Għajnuna lill-Ħajja u dawk responsabbli mid-diversi servizzi, b’mod partikulari mill-“Programm Ġemma”, li f’dawn l-aħħar għoxrin sena, permezz ta’ għamla partikulari ta’ solidarjetà konkreta, ippermetta t-twelid ta’ tant trabi li kieku ma kienu jaraw qatt id-dawl.  Grazzi għax-xhieda li qed tagħtu billi tippromovu u tħarsu l-ħajja umana sa mit-tnissil tagħha!  Aħna dan nafuh, il-ħajja umana hi qaddisa u invjolabbli.  Kull dritt ċivili jissejjes fuq l-għarfien ta’ l-ewwel dritt fundamentali, dak tal-ħajja, li ma joqgħod għall-ebda kundizzjoni, la kwalitattiva, la ekonomika u wisq inqas ideoloġika.  “L-istess kif il-kmandament ‘la toqtolx’ iqiegħed quddiemna limitu ċar biex jiżgura l-valur tal-ħajja umana, il-lum jeħtieġ ngħidu ‘le għal ekonomija ta’ l-esklużjoni u n-nuqqas ta’ ugwaljanza’.  Din it-tip ta’ ekonomija toqtol…  Il-bniedem fih innifsu qed jitqies bħala prodott ta’ konsum, li tista’ tużah u mbagħad tarmih.  Ħloqna kultura ta’ l-‘iskart’ u qegħdin saħansitra nippromovuha” (Eżort. App. Evangelii gaudium, 53).  U hekk il-ħajja tisfa mormija.

 

Wieħed mir-riskji l-aktar gravi li għalihom aħna esposti fi żmienna hu l-qasma bejn ekonomija u morali, bejn il-possibbiltajiet offruti minn suq mogħni b’kull teknoloġija ġdida u n-normi etiċi elementari tan-natura umana, li qed tiġi dejjem iżjed imwarrba għall-ġenb.  Għalhekk jeħtieġ neħduha qatta’ bla ħabel kontra kull attentat dirett fuq il-ħajja, speċjalment dik innoċenti u li m’għandhiex min jiddefendiha, u t-tarbija fil-ġuf ta’ l-omm hi l-innoċenti per eċċellenza.  Niftakru kliem il-Konċilju Vatikan II: “Il-ħajja, darba mnissla, għandha titħares; l-abort u l-qtil tat-trabi huma delitti l-aktar koroh” (Kost. Gaudium et spes, 51).  Niftakar darba ilu kelli konferenza għat-tobba.  Wara l-konferenza sellimt lit-tobba – dan kien ħafna żmien ilu.  Kont qed insellem lit-tobba, nitkellem magħhom, u wieħed ġibidni għall-ġenb biex ikellimni.  Kellu pakkett f’idejh u qalli: “Dun, irrid inħallilek dan.  Dawn huma l-għodda li jien użajt biex nopera l-abort.  Iltqajt mal-Mulej, indimt milli għamilt, u issa qed nissielet favur il-ħajja”.  Tani dawn l-għodda kollha.  Itolbu għal dan ir-raġel qalbieni!

 

Min hu Nisrani dejjem għandu d-dmir li jagħti din ix-xhieda evanġelika: li bil-kuraġġ u l-imħabba jħares il-ħajja fil-fażijiet kollha tagħha.  Inħeġġiġkom tagħmluh dejjem fi stil li bih in-nies iħossukom qrib tagħhom: biex kull mara tħossha meqjusa bħala persuna, mismugħa, imsieħba.

 

Tkellimna dwar it-tfal: għandna ħafna!  Imma jien irrid nitkellem ukoll dwar in-nanniet, fuq in-naħa l-oħra tal-ħajja!  Għax aħna għandna nieħdu ħsieb ukoll tan-nanniet, għax it-tfal u n-nanniet huma t-tama ta’ poplu.  It-tfal, iż-żgħażagħ għax ikomplu jmexxuh ’il quddiem, ikomplu jmexxu ’l quddiem lil dan il-poplu; u n-nanniet għax għandhom l-għerf ta’ l-istorja, huma l-memorja ta’ poplu.  Inħarsu l-ħajja fi żmien fejn it-tfal u n-nanniet jidħlu f’din il-kultura ta’ l-iskart u jħarsu lejhom bħala materjal għar-rimi.  Le!  It-tfal u n-nanniet huma t-tama ta’ poplu!

 

Għeżież ħuti, il-Mulej iwieżen il-ħidma li qed twettqu bħala Ċentri ta’ Għajnuna għall-Ħajja u bħala Movimenti favur il-Ħajja, b’mod partikulari “Wieħed minna”.  Nafdakom f’idejn l-interċessjoni smewwija ta’ Ommna l-Verġni Marija u minn qalbi nbierek lilkom u lill-familji tagħkom, lil uliedkom, lin-nanniet tagħkom, u itolbu għalija għax għandi bżonn!

 

Meta nitkellmu fuq il-ħajja niftakru minnufih fl-omm.  Induru lejn l-Omm tagħna biex tħarisna lkoll.  Ave Maria.

 

Barka

 

Ħaġa ta’ l-aħħar.  Għalija meta t-trabi jibku, meta jokorbu, meta jgħajtu, din hi mużika sabiħa ħafna.  Imma xi trabi jibku għax bil-ġuħ.  Allura nitlobkom, toqogħdux tinkwetaw, reddgħuhom hawn bla nkwiet ta’ xejn!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard