Grazzi ħafna tal-mistoqsijiet tagħkom.

 

Hemm żewġ kelmiet, fil-bidu tal-mistoqsijiet, li laqtuni, u huma kelmiet li ngħixuhom fil-ħajja ta’ kuljum, kemm fis-soċjetà, kemm fil-familja.  Il-kelmiet huma “tensjoni” u “kunflitt”.  Magat Diop tkellmet dwar “tensjoni” fir-relazzjonijiet familjari, u Gregorius Hanzel tkellem fuq il-“kunflitti”.  Il-kunflitt.  Imma kif kienet tkun – naħsbu ftit – soċjetà, familja, grupp ta’ ħbieb, bla tensjonijiet u bla kunflitti?  Tafu kif kienet tkun?  Ċimiterju.  Għax tensjonijiet u kunflitti fil-ħwejjeġ mejtin biss m’hemmx.  Fejn hemm il-ħajja, hemm it-tensjoni u l-kunflitt; u għalhekk hemm bżonn niżviluppa dan il-kunċett u nfittex, fil-ħajja tiegħi, liema hi l-vera tensjoni, kif tiġi din it-tensjoni, għax hi tensjoni li qed turini li jiena ħaj; u kif ikunu dawn il-kunflitti.  Fil-Ġenna biss ma jkollniex minnhom!  Hemm ilkoll għad inkunu magħqudin fis-sliem ma’ Ġesù Kristu.  U kull wieħed irid isib liema huma t-tensjonijiet ta’ ħajtu.  It-tensjoni tgħinek tikber, tkabbarlek il-kuraġġ.  U żagħżugħ għandu jkollu din il-virtù tal-kuraġġ!  Żagħżugħ mingħajr kuraġġ hu żagħżugħ “mixrub”, żagħżugħ xiħ.  Xi drabi jagħtini li ngħidilkom hekk lilkom iż-żgħażagħ: “Nitlobkom, toħorġux bil-pensjoni għalissa!”.  Għax hemm żgħażagħ li ta’ għoxrin sena joħorġu bil-pensjoni: għandhom kollox fiż-żgur, fil-ħajja, kollox trankwill u m’għandhom ebda “tensjoni”.

 

It-tensjoni qiegħda fil-familja, din ħaġa ċerta.  Kif insolvuha t-tensjoni?  Bid-djalogu.  Meta f’familja hemm id-djalogu, meta hemm din il-ħila li wieħed jgħid kif jaħsibha bla ma joqgħod jinkwieta, kull tensjoni tissewwa.  Iżjed ’il fuq, iżjed ’il fuq…  Ma rridux nibżgħu mit-tensjoni.  Imma jeħtieġ noqogħdu wkoll attenti, għax jekk int tħobb it-tensjoni minħabba fit-tensjoni, dan jagħmillek ħażin u int issir żagħżugħ dejjem f’kunflitt imma f’sens negattiv, wieħed li jieħu gost ikun dejjem f’tensjoni.  Le, hekk le.  It-tensjoni tiġi biex tgħinna mmiddu pass lejn l-armonija, imma l-armonija min-naħa tagħha tipprovoka tensjoni oħra biex tista’ tkun iżjed armonika.

 

Biex ngħidha b’mod iżjed ċar: l-ewwel, tibżgħux mit-tensjoni, għax din tgħinna nikbru; it-tieni, solvu t-tensjoni bid-djalogu, għax id-djalogu jgħaqqad, kemm fil-familja u kemm fi grupp ta’ ħbieb, u nfittxu triq biex nimxu fimkien, bla ma nitilfu l-identità tagħna; it-tielet, ma nintrabtux iżżejjed ma’ tensjoni għax dan jagħmlilna ħażin.  Ċara?  It-tensjoni tgħinna nikbru, it-tensjoni nsolvuha bid-djalogu, u noqogħdu attenti biex ma nintrabtux iżżejjed ma’ xi tensjoni, għax din fl-aħħar tispiċċa teqridna.  Għidt li żagħżugħ bla tensjoni hu żagħżugħ “fil-pensjoni”, żagħżugħ “mejjet”; imma żagħżugħ li fit-tensjoni biss jaf jgħix hu żagħżugħ marid.  Wieħed irid ikun kapaċi jagħmel id-differenza.

 

Gregorius tkellem dwar il-kunflitti: il-kunflitt f’soċjetà bħall-Indoneżja, fejn hemm varjetà kbira ta’ kulturi.  Kunflitt soċjali.  Anki l-kunflitti jistgħu jagħmlulna tajjeb, għax ifehmuna d-differenzi, juruna kif ikunu l-affarijiet differenti u juruna li jekk ma nsibux soluzzjoni li ssolvi dan il-kunflitt, ikollna ħajja ta’ gwerra.  Il-kunflitt, biex jiġi affrontat tajjeb, għandu jkun orjentat lejn l-għaqda, u f’soċjetà bħal tiegħek [idur fuq iż-żagħżugħ li għamel il-mistoqsija], li għandha kultura b’tant kulturi differenti ġo fiha, wieħed għandu jfittex l-għaqda imma f’rispett lejn kull identità.  Il-kunflitt insolvuh bir-rispett lejn l-identitajiet.  Nistgħu naraw, meta naraw it-televiżjoni jew fuq il-ġurnali, kunflitti li ħadd ma jagħraf isolvihom, u jispiċċaw fi gwerer: kultura li  ma tittollerax l-oħra.  Naħsbu f’dawk ħutna Rohingja: tkeċċew minn pajjiż u minn ieħor u minn ieħor, u dejjem fuq il-baħar…  Meta jaslu f’port jew fuq xtajta, jagħtuhom ftit ta’ l-ilma jew xi ħaġa x’jieklu u jkeċċuhom lura fuq il-baħar.  Dan hu kunflitt mhux solvut, u din hi gwerra, din tissejjaħ vjolenza, jissejjaħ qtil.  Hu minnu: jekk jien għandi xi ngħid miegħek u noqtlok, il-kunflitt spiċċa.  Imma m’hijiex din it-triq.  Jekk tant identitajiet – kemm kulturali, kemm reliġjużi – jgħixu flimkien f’pajjiż, ħa jkun hemm il-kunflitti, imma biss fir-rispett lejn l-identità ta’ l-ieħor.  U b’dan ir-rispett jissewwa l-kunflitt.  It-tensjoni – fil-familja, bejn il-ħbieb – għidt li biex insolvuha hemm bżonn tad-djalogu; il-veri kunflitti soċjali, anki kulturali, jissolvew bid-djalogu, imma qabel xejn bir-rispett lejn l-identità tal-persuna l-oħra.  Anki fil-Lvant Nofsani qed naraw kif ħafna nies m’hix tiġi rrispettata: il-minoranzi reliġjużi, l-Insara, imma mhux biss, m’humiex qed jiġu rrispettati: ħafna drabi jiġu maqtula, ippersegwitati.  Għaliex?  Għax ma tiġix irrispettata l-identità tagħhom.  Fl-istorja tagħna dejjem kellna kunflitti ta’ identità reliġjuża, ngħidu aħna, li kienu jinqalgħu għax ma tiġix irrispettata l-identi tal-persuna l-oħra.  “Imma dan m’hux Kattoliku, ma jemminx f’Ġesù Kristu…” – “Irrispettah.  Fittex dak li hemm tajjeb fih.  Fittex fir-reliġjon tiegħu, fil-kultura tiegħu, il-valuri li hu għandu.  Uri rispett”.  Hekk il-kunflitti jissolvew bir-rispett ta’ l-identità ta’ ħaddieħor.  U t-tensjoni – il-kunflitti jġibu tensjoni – tissolva bid-djalogu.  U hekk weġibt għall-mistoqsija tiegħek, mill-Indoneżja.

 

Dik li żżomm ma’ Pelé [it-tfajla Brażiljana] għamlet din il-mistoqsija: Liema kienet l-akbar sfida jew diffikultà li l-Papa Franġisku ħabbat wiċċu magħha fil-missjoni tiegħu bħala reliġjuż?  Jien ngħid: li nsib dejjem il-paċi fil-Mulej, dik il-paċi li Ġesù biss jista’ jagħtik.  Fix-xogħol, fil-ħidmiet, l-isfida hi li ssib dik il-paċi li tfisser li l-Mulej miexi miegħek, li l-Mulej hu qrib tiegħek.  U hemm ukoll sfida oħra: li tagħraf tagħżel il-paċi ta’ Ġesù minn paċi oħra li m’hix ta’ Ġesù.  Fhimt?  U din hi ħaġa li intom tridu titgħallmuha sew, u titolbu lill-Mulej il-grazzja li tagħrfu tiddixxernu l-paċi vera mill-paċi falza.  Tiddixxernu.  Din hi sfida.  U l-paċi vera dejjem minn Ġesù tiġi.  Xi drabi hi “mgeżwra” f’salib.  Imma hu Ġesù li f’dik il-prova jagħtik il-paċi.  Mhux dejjem tiġi bħala salib, imma l-paċi vera dejjem hi ta’ Ġesù.  Min-naħa l-oħra, il-paċi l-oħra, dik superfiċjali, dik il-paċi li tagħmlek kuntent, tikkuntentak ftit imma hi tal-qoxra, ġejja mill-għadu, mix-Xitan, u tagħmlek kuntent: “Jien kuntent, m’iniex inkwetat b’hekk, jien fil-paċi…”.  Imma ġewwa, ġewwa hemm ingann!  U hawn jeħtieġ nitolbu din il-grazzja, li nagħrfu d-differenza, li nagħrfu liema hi l-paċi li jagħti Ġesù u liema hi l-paċi li ġejja mill-għadu, li teqred.  L-għadu dejjem jeqred: jipprova jbellagħhielek li din hi t-triq u mbagħad, fl-aħħar, jitilqek waħdek.  Għax ftakru dan: ix-Xitan iħallas ħażin, ma jħallas qatt tajjeb!  Dejjem jidħak bik, hu qarrieq!  Ipinġilek l-affarijiet mod, u int temmen li dik ħaġa tajba, li sa tagħtik il-paċi, tmur hemm u fl-aħħar il-ferħ ma ssibux.  Infittxu dejjem il-paċi ta’ Ġesù: din hi sfida, sfida li kelli jien, li għandi jien u li għandkom intom kollha.  U liema hu s-sinjal tal-paċi ta’ Ġesù?  Kif inkun naf li din il-paċi qed jagħtiha Ġesù?  Is-sinjal hu l-ferħ, dak il-ferħ profond.  Ix-Xitan qatt ma jagħtik il-ferħ.  Jagħtik ftit tad-divertiment, jagħmel ftit taċ-“ċirku”, iferrħek għal ftit, imma qatt ma jagħtik minn dak il-ferħ.  Dak il-ferħ jista’ jagħtih biss Ġesù meta jagħtik l-Ispirtu s-Santu.  U l-isfida tagħna lkoll – imqar tiegħi – hi li nfittxu dejjem il-paċi ta’ Ġesù; anki fil-mumenti koroh, il-paċi ta’ Ġesù.  U nagħrfu nagħżluha minn dik il-paċi l-oħra tal-qoxra, li fl-aħħar mill-aħħar hi daħka fil-wiċċ: tispiċċa ħażin u ma jħallsukx tajjeb.  U Ġesù jħallas tajjeb, iħallas tajjeb: iħallas tajjeb ħafna!

 

Pin-Ju Lu staqsieni iniex nara sinjali reali ta’ ferħ fil-Knisja, fid-dinja għal dan is-seklu wieħed u għoxrin.  Is-sinjali hemm qegħdin: dan hu wieħed minnhom [jindika ż-żgħażagħ preżenti fl-Awla]!  Dan hu sinjal ta’ tama, tara żgħażagħ bħalkom li jemmnu li Ġesù jinsab fl-Ewkaristija, li jemmnu li l-imħabba hi aqwa mill-mibegħda, li l-paċi hi aqwa mill-gwerra, li r-rispett hu aqwa mill-kunflitt, li l-armonija hi aqwa mit-tensjoni…  Din hi tama, dan lili jimlieni bil-ferħ!  U dan jimla bit-tama, għax il-mistoqsija ta’ Pin-Ju Lu kienet: “Liema kien l-ikbar mument ta’ ferħ għalik wara li lħaqt Papa?”, u mbagħad is-sinjali ta’ tama jew pożittivi f’din id-dinja mimlija b’tant gwerer.  Qegħdin fi gwerra: jien spiss nirripeti u ngħid li din hi t-Tielet Gwerra Dinjija miġġielda f’biċċiet.  Imma fi gwerra qegħdin.  U din hi ħaġa negattiva.  Imma għandna sinjali ta’ tama u għandna sinjali ta’ ferħ.

 

U jien nixtieq inwieġeb għal espressjoni ta’ Magat Diop, fil-bidu, kelma li minnha ħadt il-kelma “tensjoni”: il-familja.  “Tensjonijiet u taqbidiet qawwija bejn żewġ ġenerazzjonijiet”.  Jien nistaqsi: liema huma ż-żewġ ġenerazzjonijiet?  Għiduli: liema huma?  Nistaqsi jien, għax qed nara li kollha mmutajtu.  Dawk tal-ġenituri u ta’ l-ulied?  Dawn huma ż-żewġ ġenerazzjonijiet?  Iva, it-tensjonijiet bejn missieri u ommi u jien: il-fatt li jien irrid ħaġa għax nara l-ħajja hekk, u huma jaħsbuha mod ieħor…  Imma hemm ġenerazzjoni oħra.  Għaliex ma semmejtuhomx lin-nanniet?  Araw, jien ħa ngħidilkom ħaġa – imma din m’hix biex inċanfarkom – in-nanniet huma l-ikbar minsijin ta’ żmienna.  Issa ftit inqas, hawn l-Italja, għax billi m’hawnx xogħol u huma għandhom il-pensjoni, araw, qed jiftakru fihom in-nanniet!  Imma n-nanniet huma l-ikbar minsijin.  U n-nanniet huma l-memorja ta’ familja, il-memorja ta’ pajjiż, il-memorja tal-fidi, għax huma li jgħadduha lilna.  In-nanniet.  U jien nistaqsikom: intom tkellmuhom lin-nanniet tagħkom?  [Iwieġbu: “Iva!”].  Intom lin-nanniet qatt tistaqsuhom: “Nannu, nanna, dak kif kien hekk?  Kif tagħmel?  Kif kont tagħmel int?”.  Agħmluha, agħmluha!  Għax in-nanniet huma għajn ta’ għerf, għax għandhom il-memorja tal-ħajja, il-memorja tal-fidi, il-memorja tat-tensjonijiet, il-memorja tal-kunflitti…  U huma bravi, in-nanniet!  Jien nieħu gost ħafna nitkellem man-nanniet.  Ħa nirrakkuntalkom storja.  L-aħħar darba, fil-pjazza, waqt waħda mill-udjenzi ta’ l-Erbgħa, kont għaddej bil-popemobile, u rajt nanna, hemm, anzjana: stajt tintebaħ li kienet anzjana sew.  U nżilt insellmilha.  U hi titbissem.  “Għidli, nanna: kemm għandek żmien?” – “92!” – “Aħ, tajjeb, brava!  U ferħana!  Imma agħtini r-riċetta ta’ kif nasal sa 92 sena u nibqa’ bħalek”.  U qaltli: “Taf xiex, niekol ir-ravjul!”.  U mbagħad żiedet tgħidli: “U nagħmilhom jien!”.  Imma din hi storja biex ngħidilkom illi li tiltaqa’ man-nanniet hi dejjem sorpriża.  In-nanniet dejjem jissorprenduna: jafu jisimgħuna, għandhom il-paċenzja!…  Qed nitkellmu fuq tliet ġenerazzjonijiet, fuq tlieta, ta’ l-inqas.  U anki meta n-nanniet jgħixu d-dar, jgħinu ħafna biex isolvu t-tensjoni, li hi normali f’familja.  Tinsewhomx in-nanniet.  Fhimtu?

 

Louise: Fil-Vanġelu Ġesù jgħidilna: “Intom ħbiebi jekk tagħmlu dak li nikkmandakom”.  Imma f’din ir-relazzjoni ta’ ħbiberija rridu wkoll nistennew lura xi wirja tal-preżenza tiegħu?

 

Ħbiberija dejjem hi bejn tnejn: jien ħabib tiegħek u int ħabib tiegħi.  U Ġesù dejjem juri ruħu – tkellimt dwar dan – fil-paċi tiegħu.  Jekk int tersaq lejn Ġesù, hu jagħtik il-paċi, jagħtik il-ferħ.  U meta tiltaqa’ ma’ Ġesù, fit-talb, f’xi opra tajba, f’xi għemil ta’ għajnuna lill-ieħor – hemm ħafna modi biex issib lil Ġesù – tħoss il-paċi tiegħu u anki l-ferħ.  Din hi l-wirja, Louise.  Hekk hu.  Ġesù jidher f’dan il-qsim ta’ ħbiberija.  Imma int trid tfittxu fit-talb, kemm fl-Ewkaristija, kemm fil-ħajja ta’ kuljum, fir-responsabbiltà tad-dmirijiet tiegħek u anki meta tmur tfittex lil dawk l-iżjed fil-bżonn u tgħinhom: hemm jinsab Ġesù!  U int tagħmlu jinħass.  Xi drabi ħa tħoss ukoll dak li ssibu biss fil-laqgħa tiegħek ma’ Ġesù: l-istagħġib.  L-istagħġib li tiltaqa’ ma’ Ġesù.  Tiltaqa’ ma’ Ġesù: din il-kelma tinsihiex, jekk jogħġbok.  Tiltaqa’ ma’ Ġesù!

 

Ejjew naħsbu f’dak il-jum (ara Ġw 1:35-42): forsi kienu l-għaxra ta’ fil-għodu, Ġesù kien għaddej u Ġwanni u Indrì kienu ma’ Ġwanni l-Battista, jitkellmu, hemm, ipaċpċu fuq elf ħaġa.  U Ġwanni l-Battista qal: “Dak hu, arawh, il-Ħaruf ta’ Alla.  Dak hu”.  U huma, kollhom kurżità, marru wara Ġesù, biex ifittxuh.  Hi l-kurżità…  U Ġesù jagħmel tabirruħu ma ndunax u jdur fuqhom u jgħidilhom: “X’qed tfittxu?” – “Fejn toqgħod?” – “Ejjew!” (vv. 38-39).  U huma baqgħu – jgħid il-Vanġelu – ma’ Ġesù l-ġurnata kollha.  Imma x’ġara wara?  Indrì mar jiġri għand ħuh Xmun: kien ħa jtir bil-ferħ, ferħ kbir; kien kollu mgħaġġeb għax kien għadu kemm iltaqa’ ma’ Ġesù.  U jgħidlu: “Sibna l-Messija!” (v. 41).  U Ġwanni għamel l-istess ma’ Ġakbu.  Hekk hu.  Il-laqgħa ma’ Ġesù tagħtik dan is-sens ta’ stagħġib.  Hi l-preżenza tiegħu.  Imbagħad tgħaddi, imma tħallilek paċi u ferħ kbir f’qalbek.  Tinsewh qatt dan: stagħġib, paċi, ferħ.  Hemm Ġesù.  Dan hu kif hu jpattilna lura.

 

U issa niġu għal “Maradona” [iż-żagħżugħ Arġentin].  X’jista’ jgħidilhom il-Papa Franġisku liż-żgħażagħ biex jiskopru l-qawwa profonda ta’ l-Ewkaristija?

 

Lili tgħinni ħafna kull meta naħseb fl-Aħħar Ċena.  U dik il-kelma li Ġesù lissen meta tahom il-ħobż u l-inbid, Ġismu u Demmu: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi”.  It-tifkira, il-memorja ta’ Ġesù preżenti hemm; il-memorja ta’ Ġesù li, f’kull Quddiesa, jinsab hemm, u hemm isalvana!  Il-memorja ta’ dak il-ġest ta’ Ġesù, li wara ħareġ fil-Ġnien taż-Żebbuġ biex jibda l-Passjoni tiegħu.  Il-memorja ta’ mħabba hekk kbira li ta ħajtu għalija!  Kull wieħed u waħda minna jista’ jgħidu dan.

 

Il-grazzja tal-memorja, li dwarha tkellimt meta semmejt in-nanniet.  Il-grazzja tal-memorja: il-memorja ta’ dak li għamel Ġesù.  M’huwiex biss ritwal, m’hix ċerimonja.  Hemm ċerimonji sbieħ ħafna, ċerimonji militari, kulturali…  Le, le.  Din ħaġa oħra: hawn nitilgħu hemm, fuq il-Kalvarju, fejn Ġesù ta ħajtu għalija.  Kull wieħed u waħda għandu jgħid dan.  U b’din il-memorja, meta tara lil Ġesù, tirċievi l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù, int tinżel fil-fond tal-misteru ta’ l-Ewkaristija.  “Eħ, Dun, jien il-Quddiesa nixba’…”.  Għax m’hix ritwal.  Jekk int trid tinżel iktar fil-fond tal-misteru ta’ l-Ewkaristija, ftakar.  Dan il-verb hu sabiħ, għax Pawlu jgħidu lil wieħed mid-dixxipli għeżież tiegħu – ma niftakarx jekk hux lil Titu jew lil Timotju, imma lil wieħed mit-tnejn, li kienu żewġ isqfijiet li hu kien ordnahom isqfijiet.  Ftakar f’Ġesù Kristu (ara 2 Tim 2:8).  Ftakar f’Ġesù Kristu.  Meta mmur il-Quddiesa, hemm jinsab, u qed jagħti ħajtu għalija.  U hekk ninżlu iktar fil-fond tal-Misteru.  U mbagħad, meta ma tmurx Quddiesa, imma tmur titlob quddiem it-Tabernaklu, ftakar li Hu jinsab hemm, u li ta ħajtu għalik.  Il-memorja.  Dan kien l-amar li Ġesù ta lil tiegħu: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi”.  Jiġifieri, kull darba li tagħmlu din iċ-ċelebrazzjoni, ftakru fija; kull darba li tmorru titolbu quddiem it-Tabernkalu, ftakru f’dan.  U tinsewx dak li San Pawl qal lid-dixxiplu tiegħu, isqof ukoll: Ftakar f’Ġesù Kristu!

 

Hekk nagħlqu d-djalogu tagħna tal-lum.  Jien nirringrazzjakom.  Jien kelli l-mistoqsijiet miktuba, imma ma kontx għadni qrajthom.  Dan li għidtilkom, għidthulkom minn qalbi, kif ġieni dak il-ħin.

 

U aħsbu f’dawn il-kelmiet: tensjoni–djalogu; kunflitt–rispett–djalogu; inpattu lura l-preżenza ta’ Ġesù–ħbiberija ma’ Ġesù: paċi u ferħ; laqgħa ma’ Ġesù: stagħġib, ferħ, paċi; ninżlu iktar fil-fond ta’ l-Ewkaristija: memorja ta’ dak li għamel Ġesù.  U hekk tibqgħu mexjin ’il quddiem.  Fid-dinja hawn tant ħwejjeġ koroh, qegħdin fi gwerra; imma għandna wkoll ħafna ħwejjeġ sbieħ u tajbin, u ħafna qaddisin moħbija qalb il-poplu ta’ Alla.  Alla hu preżenti.  Alla hu preżenti u hemm ħafna, ħafna raġunijiet ta’ tama biex nibqgħu mexjin.  Kuraġġ u imxu!

 

Qabel nagħti l-barka, nistgħu nitolbu l-għajnuna tal-Madonna.  Għax it-tfal meta jibdew imiddu l-ewwel passi biex jimxu, ifittxu id ommhom biex ma jiżbaljawx it-triq.  U aħna jeħtieġ nimxu fl-istess triq tal-ħajja b’idna f’id ommna.  Nitolbu lill-Madonna, kull wieħed u waħda bl-ilsien tiegħu jew tagħha.

 

Sliema…”

 

[Barka]

 

U jekk jogħġobkom, jekk jogħġobkom, nitlobkom: tinsewx titolbu għalija.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard