Sur Rettur,  Awtorita’, Studenti, Personnel tal-Università, Professuri, ħuti fid-dinja tax-xogħol,

Nirringrazzjakom għall-laqgħa li tajtuni.  Nirringrazzjakom l-aktar talli qsamtu miegħi ir-realtajiet li qed tgħixu, il-piżijiet u t-tamiet tagħkom.  Is-Sur Rettur tenna l-espressjoni li darba kont għidt jien: Alla tagħna huwa Alla tas-sorpriżi.  Minnu, kuljum jagħmel waħda ġdida.  Hekk hu magħmul il-Missier tagħna.  Imma qal ħaġ’oħra dwar Alla, li laqtitni: Alla jkisser l-iskemi.  U jekk aħna ma jkollniex il-kuraġġ li nkissru l-iskemi, qatt ma nimxu ‘l quddiem għax Alla tagħna jimbuttana biex nagħmlu dan: li nkunu kreattivi dwar il-futur.

Iż-żjara tiegħi fil-Molise qed tibda’ minn hawn, minn dil-laqgħa mad-dinja tax-xogħol, imma l-post fejn qegħdin niltaqgħu hu l-università.  Dan għandu tifsira: jesprimi l-importanza tar-riċerka u tal-formazzjoni ukoll bħala tweġiba għall-mistoqsijiet ġodda u kumplessi li qed tpoġġi quddiemna l-kriżi ekonomika li għaddejja fuq livell lokali, nazzjonali u internazzjonali.  Ftit ħin ilu dan kien qed jixhdu l-bidwi żgħażugħ bl-għażla tiegħu li jagħmel kors ta’ lawreja fl-agrarja għax irid jaħdem l-art bħala “vokazzjoni”.  Il-fatt li bidwi jibqa’ jaħdem l-art ma jfissirx li jibqa’ skjav magħha imma jfisser li jidħol fi djalogu, djalogu għammiel, djalogu kreattiv.  Huwa d-djalogu tal-bniedem mal-art tiegħu biex iwarradha u jagħmilha għammiela għalina.  Dan hu importanti.  Formazzjoni tajba ma toffrix soluzzjonijiet faċli imma tgħin biex wieħed ikabbar ix-xefaq u jsir aktar kreattiv ħalli jivvaloriżża aħjar ir-riżorsi tat-territorju tiegħu.

Naqbel għal kollox ma dak li ntqal dwar “il-ħarsien” tal-art, biex din tkun tista’ tagħti l-frott mingħajr ma tkun “sfruttata”.  Din hi waħda mill-akbar sfidi tal-epoka tagħna: li nikkonvertu lejn żvilupp li jkun jaf jirrispetta l-ħolqien.  Jien inħares lejn l-Amerika, il-patrija tiegħi, fejn tant foresti jinqerdu u jsiru art li ma tistax tinħadem, li ma tistax tagħti ħajja.  Dan hu d-dnub tagħna: li nisfruttaw l-art u ma nħallux lilha ttina dak li hi għandha ġewwa fiha, bl-għajnuna li ntuha bil-koltivazzjoni.

Minn fomm din il-brava omm ħaddiema tal-id ħarġet sfida oħra.  Hi tkellmet ukoll f’isem il-familja tagħha: żewġha, binha ċkejken u l-ieħor li qed iġġorr fi ħdanha.  Dan tagħha hu appell lid-dinja tax-xogħol u fl-istess waqt favur il-familja.  Grazzi ta’ din it-testimonjanza!  Fil-fatt dan ifisser li għandna nfittxu li ż-żmien tax-xogħol iħalli żmien għall-familja.  Ngħidilkom ħaġa: meta mmur fil-konfessinarju biex inqarar (issa mhux bħal qabel, mhux daqskemm kont fid-djoċesi l-oħra) meta jiġu jqerru omm jew missier żgħażagħ nistqasihom:  Kemm għandek tfal? U huma jgħiduli.  U dejjem nagħmel mistoqsija oħra:  Għidli, int tilgħab ma’ uliedek?  Il-maġġoranza jistaqsuni “X’qed tgħid, padre?”  “Iva, iva, int tilgħab?  Tgħaddi żmien ma’ uliedek?  Qed nitilfu din il-ħila, dan l-għaqal, li nilgħabu ma’ uliedna.  Is-sitwazzjoni ekonomika qed tibuttana għal dan, dan qed nitilfuh.  Jekk jogħġobkom, għaddu ħin ma’ uliedkom!  Il-Ħadd: din (hawn il-Papa dar lejn dik il-ħaddiema li kienet tkellmet) semmiet dan: il-Ħadd tal-familja, li ngħaddu ftit żmien flimkien…..  Dan hu punt kritiku, punt li jippermettilna niddixxernu, li nivvaloriżżaw il-kwalità umana tas-sistema ekonomika li ninsabu fiha.  U f’dan il-kwadru tidħol ukoll il-kwistjoni tax-xogħol tal-Ħadd, ħaġa li ma tolqotx biss lil min jemmen, imma lil kulħadd, bħala għażla etika.  Qed nitilfu dan l-ispazju tal-gratwità.  Il-mistoqija hi: x’inhi l-prijorità tagħna?  Il-Ħadd mingħajr xogħol (b’eċċezzjoni tas-servizzi ta’ neċessità) jfisser li l-prijorità mhix l-ekonomija imma dak li hu uman, il-gratwità, mhux ir-relazzjonijiet kummerċjali imma dawk tal-familja, tal-ħbieb, għal min jemmen ir-relazzjoni ma’ Alla u mal-komunità.  Forsi wasal iż-żmien li nistaqsu lilna nfusna jekk ix-xogħol nhar ta’ Ħadd hux veru libertà.  Għax Alla tas-sorpriżi u Alla li jkisser l-iskemi jissorprendi u jkisser l-iskemi għax aħna nsiru aktar ħielsa: huwa Alla tal-libertà.

Għeżież ħbieb, illum irrid ngħaqqad leħni ma’ dak ta’ tant ħaddiema u imprendituri ta’ dan it-territorju biex nitlob li jekk jista’ jkun isir “patt tax-xogħol”.  Osservajt li fil-Molise hemm rieda li d-dramm tal-qagħad ikun affrontat billi jingħaqdu flimkien l-enerġiji b’mod kostruttiv.  Tant postijiet tax-xogħol jistgħu ikunu rkuprati bis-saħħa ta’ strateġija miftehema mal-awtoritajiet nazzjonali, “patt tax-xogħol” li jagħraf jaħtaf l-opportunità li joffru n-normi nazzjonali u Ewropej.  Inħeġġiġkom tibqgħu mixjin f’dit-triq li tista’ twassalkom biex taqtgħu frott tajjeb hawn u f’reġjuni oħrajn ukoll.

Irrid indur mill-ġdid fuq kelma li għedt int (idur lejn il-ħaddiem): dinjità.  Li ma jkollokx xogħol ma jfissirx biss li m’għandekx dak li hu meħtieġ biex tgħix, le.  Aħna nistgħu nieklu kuljum: immorru l-Caritas, immorru f’dik l-assoċjazzjoni, f’dak il-klabb, immorru hemm u jtuna nieklu.  Imma l-problema mhix din.  Il-problema hi li ma neħdux il-ħobża d-dar: dan hu gravi u dan jeqred id-dinjità!  Dan jeqred id-dinjità!  U l-problema l-aktar gravi mhix il-ġuħ – anki jekk din il-problema ma nistgħux niċħduha -  il-problema l-aktar gravi hi d-dinjità.  Għaldaqstant irridu naħdmu u niddefendu d-dinjità tagħna, id-dinjità li jagħtina x-xogħol.

Fl-aħħar irrid ngħidilkom li laqatni l-fatt li tajtuni pittura li propju tirrappreżenta “maternità”.  Il-maternità fiha l-uġigħ tal-ħlas, imma l-uġigħ tal-ħlas hu mmirat lejn il-ħajja, hu mimli tama.  Allura mhux biss nirringrazzjakom ta’ dan ir-rigal, imma nirringrazzjakom aktar għax-xhieda li jagħti dan il-kwadru: dak tal-ħlas mimli tama.  Grazzi!  U rrid inżid fatt storiku li ġara lili.  Meta kont provinċjal tal-Ġiżwiti kien hemm bżonn li fl-Antartide jintbagħat kappillan biex jgħix hemm għal għaxar xhur fis-sena.  Ħsibt dwarha u mar wieħed, patri Bonaventura De Filippis.  Imma għandkom tkunu tafu li dan kien twieled f’Campobasso, kien minn hawn!  Grazzi!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber