Għeżież ħuti saċerdoti, il-lejla t-tajba!

 

Bi pjaċir kbir qed niltaqa’ magħkom, qabel nagħtikom il-mandat bħala Missjunarji tal-Ħniena.  Dan hu sinjal ta’ rilevanza speċjali għax jikkaratterizza l-Ġublew, u jippermetti li l-Knejjes lokali kollha jgħixu l-misteru bla qies tal-ħniena tal-Missier.  Li tkun Missjunarju tal-Ħniena hi responsabbiltà li qed tiġi fdata lilkom, għax qed titlob minnkom li tkunu intom stess xhieda ta’ kemm Alla hu qrib tal-bniedem u tal-mod ta’ kif hu jħobb.  Mhux il-mod tagħna, dejjem limitat u xi drabi kontradittorju, imma l-mod ta’ kif iħobb hu, il-mod ta’ kif jaħfer hu, li hu appuntu l-ħniena.  Nixtieq noffrilkom xi riflessjonijiet qosra, biex il-mandat li issa se tirċievu jista’ jitwettaq b’mod koerenti u bħala għajnuna konkreta għall-ħafna persuni li ħa jiġu għandkom.

 

Qabel xejn nixtieq infakkarkom li f’dan il-ministeru intom imsejħin tesprimu l-maternità tal-Knisja.  Il-Knisja hi Omm għax tnissel dejjem ulied ġodda fil-fidi; il-Knisja hi Omm għax titma’ l-fidi; u l-Knisja hi Omm ukoll għax toffri l-maħfra ta’ Alla, tnissel mill-ġdid għall-ħajja ġdida, frott tal-konverżjoni.  Ma nistgħux nirriskjaw li penitent ma jħossx il-preżenza materna tal-Knisja li tilqgħu u tħobbu.  Jekk ma jħossx dan, minħabba fir-riġidità tagħna, dan ikun ta’ ħsara kbira qabel xejn għall-fidi nfisha, għax ikun iżomm lill-penitent milli jħossu parti mill-Ġisem ta’ Kristu.  Barra dan, ikun jillimitah ħafna milli jħossu parti minn komunità.  Imma aħna msejħin inkunu espressjoni ħajja tal-Knisja bħala omm li tilqa’ lil kull min jersaq għandha, għax nafu li permezz tagħha aħna nsiru parti minn Kristu.  Meta nidħlu fil-konfessjonarju, dejjem għandna niftakru li hu Kristu li qed jilqa’, hu Kristu li jisma’, hu Kristu li jaħfer, u Kristu li jagħti s-sliem.  Aħna l-ministri tiegħu; u l-ewwel u qabel kulħadd għandna dejjem bżonn li niġu maħfura Minnu.  Għalhekk, ikun xi jkun id-dnub mistqarr – jew li l-persuna ma tindenjax tlissen, imma tagħtina x’nifhmu, għax biżżejjed – kull missjunarju hu msejjaħ jiftakar fl-istess ħajja tiegħu ta’ midneb u umilment iservi ta’ “kanal” tal-ħniena ta’ Alla.  U nistqarrilkom fraternament li għalija hi għajn ta’ ferħ it-tifkira ta’ dik il-Qrara tal-21 ta’ Settembru 1953, li tat orjentament ġdid lil ħajti.  X’qalli s-saċerdot?  Ma niftakarx.  Niftakar biss li tbissimli u mbagħad ma nafx x’ġara iżjed.  Imma rridu nilqgħu bħal missier…

 

Aspett ieħor importanti hu dak li nkunu kapaċi naraw ix-xewqa għall-maħfra preżenti fil-qalb tal-penitent.  Hi xewqa frott tal-grazzja u ta’ l-azzjoni tagħha fil-ħajja tal-persuni, li tħallihom iħossu n-nostalġija ta’ Alla, ta’ mħabbtu u tad-dar tiegħu.  Ma ninsewx li hemm propju din ix-xewqa fil-bidu tal-konverżjoni.  Il-qalb iddur lejn Alla u tagħraf il-ħażen li tkun għamlet, imma bit-tama li tikseb il-maħfra.  U din ix-xewqa tissaħħaħ meta wieħed jiddeċiedi fil-qalb tiegħu li jibdel ħajtu u li ma jridx jidneb iżjed.  Hu l-mument li fih nafdaw ruħna f’idejn il-ħniena ta’ Alla, u għandna fiduċja sħiħa li Hu jifhimna, jaħfrilna u jweżinna.  Ejjew nagħmlu ftit tal-wisa’ sew lil din ix-xewqa għal Alla u għall-maħfra tiegħu; inħalluha toħroġ bħala vera espressjoni tal-grazzja ta’ l-Ispirtu li jqanqal għall-konverżjoni tal-qalb.  U hawn inħeġġiġkom tifhmu mhux biss il-lingwaġġ tal-kelma, imma anki dak tal-ġesti.  Jekk jiġi xi ħadd għandek u jħoss li għandu jneħħi xi piż minn fuq l-istonku, imma forsi ma jirnexxilux jgħid dan bil-kliem, imma int tifhmu… mela sew, ħa jgħidu b’dak il-mod, bil-ġest li għamel li ġie għandek.  L-ewwel kundizzjoni.  It-tieni, li nidem.  Jekk xi ħadd ġie għandek, dan għax jixtieq li ma jaqax iżjed f’dawn is-sitwazzjonijiet, imma ma jindenjax jgħid hekk, jibża’ jgħidu dan u ma jirnexxilux jagħmlu.  Imma jekk ma jirnexxilux jagħmlu, ad impossibilia nemo tenetur.  U l-Mulej jifhmihom dawn il-ħwejjeġ, il-lingwaġġ tal-ġesti.  Dirgħajna miftuħa, biex nifhmu x’hemm f’dik il-qalb li ma tistax tgħid din jew dik il-ħaġa… xi ftit tidħol il-mistħija… tifhmuni intom.  Intom ilqgħu lil kulħadd bil-lingwaġġ li bih jista’ jitkellem.

 

Irrid, fl-aħħar nett, infakkar f’aspett li fuqu ma tantx nitkellmu, imma li hu determinanti: il-mistħija.  M’huwiex faċli tersaq quddiem bniedem ieħor, anki jekk taf li qed jirrappreżenta lil Alla, biex tistqarrlu dnubek.  Tħoss il-mistħija kemm għal dak li għamilt, u kemm għax trid tistqarru lil ħaddieħor.  Il-mistħija hi sentiment intimu li jaffettwa l-ħajja personali u jitlob min-naħa tal-konfessur atteġġjament ta’ rispett u inkuraġġiment.  Tant drabi l-mistħija timmutak u…  Il-ġest, il-lingwaġġ tal-ġest.  Sa mill-ewwel paġni tagħha l-Bibbja titkellem fuq il-mistħija.  Wara li dinbu Adam u Eva, l-awtur sagru dlonk iniżżel: “U nfetħu għajnejhom it-tnejn u ntebħu li kienu għerja, u ħietu weraq tat-tin, u għamlu iħżma” (Ġen 3:7).  L-ewwel reazzjoni ta’ din il-mistħija hi dik li nħbew minn quddiem Alla (ara Ġen 3:8-10).

 

Hemm anki silta oħra tal-Ġenesi li tolqotni, u din hi r-rakkont ta’ Noè.  Kollha nafuh, imma rari niftakru fl-episodju meta hu siker.  Noè fil-Bibbja hu meqjus raġel ġust; imma m’huwiex bla dnub: il-fatt li siker jurina kemm kien dgħajjef, hekk li naqas mid-dinjità tiegħu, ladarba l-Iskrittura tesprimi dan bix-xbieha ta’ l-għera.  Tnejn minn uliedu, imma, jaqbdu l-mantar u jgħattuh biex jerġa’ lura għad-dinjità ta’ missier (ara Ġen 9:18-23).

 

Din is-silta tfakkarni kemm hu importanti r-rwol tagħna fil-Qrar.  Quddiemna hemm persuna “għarwiena”, u anki persuna li ma tafx titkellem u ma tafx x’ħa taqbad tgħid, bid-dgħufija tagħha u l-limiti tagħha, bil-mistħija li dinbet, u ħafna drabi li ma tafx kif ħa taqbad tgħidu dan.  Ma ninsewx: quddiemna m’hemmx id-dnub, imma l-midneb niedem, il-midneb li ma jixtieqx li hu hekk, imma m’hux jirnexxilu.  Persuna li tħoss ix-xewqa li tiġi milqugħa u maħfura.  Midneb li qed jipproponi li ma jridx jitbiegħed iżjed mid-dar tal-Missier u li, bil-ftit saħħa li reġa’ sab, jixtieq jagħmel minn kollox biex jgħix ta’ bin Alla.  Mela, aħna m’aħniex imsejħin niġġudikaw, b’sens ta’ superjorità, bħallikieku konna ħielsa mid-dnub; għall-kuntrarju, aħna msejħin naġixxu bħal Sem u Ġafet, ulied Noè, li qabdu għata biex iqegħduha fuq missierhom ħalli jkennuh mill-mistħija.  Li tkun konfessur skond il-qalb ta’ Alla qisek qed tgħatti lill-midneb bl-għata tal-ħniena, biex ma jistħix iżjed u jista’ jikseb mill-ġdid il-ferħ tad-dinjità tiegħu ta’ iben, u jista’ jkun jaf ukoll fejn qiegħed.

 

Għalhekk, m’huwiex bil-bastun tal-ġudizzju li se jirnexxilna rreġġgħu lura n-nagħġa l-mitlufa fil-maqjel, imma bil-qdusija ta’ ħajjitna li hi prinċipju ta’ tiġdid u ta’ riforma fil-Knisja.  Il-qdusija nitimgħuha bl-imħabba u taf terfa’ fuqha t-toqol ta’ min hu l-iżjed dgħajjef.  Missjunarju tal-ħniena jerfa’ fuq spallejh lill-midneb, u jfarrġu bil-qawwa tal-kompassjoni.  U l-midneb li jmur hemm, il-persuna li tmur għandu, issib missier.  Intom smajtu, anki jien smajt, ħafna nies tgħid: “Le, jien ma mmur qatt, għax mort darba u l-qassis sawwatni, ċanfarni ħafna, jew mort u għamilli mistoqsijiet xi ftit ambigwi, ta’ kurżità”.  Nitlobkom, meta ma jkunx ir-ragħaj it-tajjeb, dan isir l-imħallef li forsi jaħseb li hu bla dnub, jew hu l-imsejken bniedem marid li kollu kurjuż jagħmel elf mistoqsija.  Imma lill-konfessuri nixtieq ngħidilhom: jekk int ma tħossx li għandek tkun missier, tmurx fil-konfessjonarju, aħjar tagħmel ħaġa oħra.  Għax tista’ tagħmel ħafna ħsara, ħafna ħsara lil ruħ jekk din ma tħosshiex milqugħa b’qalb ta’ missier, bil-qalb tal-Knisja Omm.  Xi xhur ilu kont qed nitkellem ma’ kardinal għaref tal-Kurja Rumana fuq il-mistoqsijiet li xi saċerdoti jagħmlu fil-Qrar u hu qalli: “Meta persuna tibda u jien nara li tixtieq tobżoq xi ħaġa, u nintebaħ u nifhem, ngħidilha: Fhimtek!  Serraħ rasek!”.  U mexxi.  Dak missier!

 

Inseħibkom f’din l-avventura missjunarja, u nagħtikom bħala eżempji żewġ qaddisin ministri tal-maħfra ta’ Alla, San Leopoldu u San Piju – hemm fost it-Taljani hemm Kapuċċin li jixbah ħafna lil San Leopoldu: ċkejken, bid-daqna… –, flimkien ma’ ħafna saċerdoti oħra li fil-ħajja tagħhom taw xhieda tal-ħniena ta’ Alla.  Jgħinukom huma.  Meta tħossu t-toqol tad-dnubiet li tkunu qarrejtu u l-limiti tal-persuna tagħhom u tal-kliem tagħkom, afdaw fil-qawwa tal-ħniena li toħroġ tiltaqa’ ma’ kulħadd bħala mħabba u li ma tafx b’limiti.  U għidu bħal ħafna konfessuri qaddisa: “Mulej, jiena naħfer, ixħtu fuq il-kont tiegħi!”.  U mexxu.  Ħa tgħinkom l-Omm tal-Ħniena u tħariskom f’dan is-servizz hekk prezzjuż.  Tkun magħkom il-barka tiegħi; u intom, nitlobkom, tinsewx titolbu għalija.  Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard