Għeżież Ħuti,

Minn qalbi nagħtikom merħba għal din l-Assemblea Plenarja. Nixtieq nirringrazzja b’mod speċjali lill-Kardinal O’Malley għat-tislima ġentili tiegħu filwaqt li nesprimi l-apprezzament sinċier għar-riflessjonijiet li s-Sur Hermenegild Makoro u s-Sur Bill Kilgallon ippreżentaw f’isimkom. Esprimew b’mod tajjeb ħafna r-rwol li ħsibt għall-Kummissjoni meta waqqaftha tliet snin ilu. Nemmen li fis-snin li ġejjien din il-ħidma ser tkompli tkun ta’ għajnuna kbira għall-Papa, għas-Santa Sede, għall-Isqfijiet u għas-Superjuri Maġġuri fid-dinja kollha.

Waqt li aħna miġburin flimkien hawnhekk, nixtieq naqsam magħkom x’niket kbir tnissel f’qalbi s-sitwazzjoni tat-tfal abbużati, kif ġa għamilt dan l-aħħar f’diversi ċirkustanzi oħra. L-iskandlu tal-abbuż sesswali hu qerda kbira għall-umanità kollha; laqat lil bosta tfal, żgħażagħ u adulti vulnerabbli fil-pajjiżi kollha u fis-soċjetajiet kollha.  Kienet esperjenza ta’ dulur kbir anki għall-Knisja. Hu tal-mistħija tara dawn l-abbużi mwettqa minn ministri sagri, li jmisshom ikunu persuni ta’ fiduċja.  Ħassejna s-sejħa, li żgur ġejja direttament mingħand il-Mulej Ġesù Kristu, biex nilqgħu l-missjoni tal-Evanġelju li titlob minna l-ħarsien tal-minorenni kollha u tal-adulti vulnerabbli.

Ippermettuli ngħid b’mod ċar li l-abbuż sesswali hu dnub ikrah, li jmur kontra dak li jgħallem Kristu u li tgħallem l-Knisja. Hawnhekk f’Ruma, kelli l-privileġġ  nisma’ l-istejjer li xtaqu jaqsmu l-vittmi u dawk li għelbu l-abbuż. F’dawn il-laqgħat tkellmu b’mod miftuħ dwar il-konsegwenzi li l-abbuż sesswali  ħalla fuq ħajjithom u fuq il-familji tagħhom. Naf li intom ukoll kellkom l-okkażjoni mbierka tieħdu sehem f’laqgħat ta’ din ix-xorta, u dawn qed ikomplu jsaħħu l-impenn personali tagħkom biex tagħmlu dak kollu li hu possibbli ħalli tikkumbattu  dan il-ħażen u teliminaw din il-qerda minn fostna.

Illum għal darb’oħra rrid nerġa’ nisħaq li l-Knisja, fil-livelli kollha, trid twieġeb billi tapplika l-miżuri l-aktar ħarxa kontra dawk li jittradixxu s-sejħa tagħhom u jabbużaw minn ulied Alla. Il-miżuri ta’ dixxiplina li l-Knejjes partikulari ddeċidew li jużaw għandhom ikunu applikati għal dawk kollha li jaħdmu fl-istituzzjonijiet tal-Knisja. Ir-responsabbiltà ewlenija hi tal-Isqfijiet, tas-saċerdoti u tar-reliġjużi, ta’ dawk kollha li rċevew mingħand il-Mulej is-sejħa li joffru ħajjithom  biex ikunu ta’ servizz, li jinkludi l-ħarsien tat-tfal kollha, taż-żgħażagħ u tal-adulti vulnerabbli. Għalhekk, il-Knisja b’mod irrevokabbli u fil-livelli kollha  trid tappilika l-prinċipju  ta’ “tolleranza zero” kontra l-abbuż sesswali tal-minorenni. 

Id-dokument (motu proprio) Bħal omm li tħobb”,  ippromulgat  fuq proposta  tal-kummissjoni tagħkom u skont il-prinċipju tar-responsabbiltà li għandha l-Knisja, jitkellem dwar il-każijiet ta’ Isqfijiet djoċesani, Eparki u Superjuri Maġġuri ta’ istituti reliġjużi li,  bi traskuraġni, wettqu  jew  naqsu milli jwettqu azzjonijet li bihom ipprokuraw ħsara kbira lill-oħrajn, kemm  lill-individwi kif ukoll lill-komunità kollha flimkien (ara  art. 1). 

F’dawn l-aħħar tliet snin, il-Kummissjoni saħqet bla waqfien fuq il-prinċipji l-aktar importanti li jiggwidaw l-isforzi tal-Knisja biex tħares lill-minorenni kollha u lill-adulti vulnerabbli. B’dan il-mod hi wettqet il-missjoni fdata f’idejha ta’ “funzjoni konsultattiva b’servizz lill-Qdusija tiegħu l-Papa” billi offriet l-esperjenza tagħha “bl-għan li tippromwovi  r-responsabbiltà tal-Knejjes partikulari fil-ħarsien tal-minorenni kollha u tal-adulti vulnerabbli “ (Statut, art. 1).

Kont kuntent ħafna meta sirt naf li bosta Knejjes partikulari segwew ir-rakkommandazzjoni tagħkom li ssir  Ġurnata ta’ Talb għal djalogu mal-vittmi u  ma’ dawk li għelbu l-abbuż, kif ukoll mar-rappreżenanti tal-organizzazzjonijet tal-vittmi.  Qalulna li dawn il-laqgħat kienu esperjenza profonda ta’ grazzja fid-dinja kollha u sinċerament nittama li l-Knejjes partikulari kollha jibbenefikaw minnhom.

Timtela bil-kuraġġ meta ssir  taf kemm Konferenzi Episkopali u Konferenzi tas-Superjuri Maġġuri fittxew il-parir tagħkom dwar il-policies għall-ħarsien tal-minorenni u tal-adulti vulnerabbli. Il-kollaborazzjoni tagħkom li permezz tagħha qed  tagħtu l-aħjar  sehem li tistgħu f’dan il-qasam hi tassew prezzjuża, l-aktar fejn il-Knejjes m’għandhomx ir-riżorsi kollha meħtieġa għal din il-ħidma kruċjali ta’ protezzjoni. Inħeġġiġkom tkomplu taħdmu  b’kollaborazzjoni mal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi u mal-Kongregazzjoni għall-Evanġelizzazzjoni tal-Ġnus biex  din il-ħidma ssir parti mill-kultura tal-Knejjes differenti fid-dinja kollha.

Fl-aħħar nixtieq ngħid kelma ta’ tifħir b’mod speċjali għal ħafna opportunitajiet ta’ tagħrif, edukazzjoni u formazzjoni li offrejtu lil bosta Knejjes partikulari fid-dinja kollha, u anki hawnhekk f’Ruma, fid-diversi dikasteri tas-Santa Sede, fil-kors għall-Isqfijet ġodda u f’diversi kungressi internazzjonali. Kont kuntent  meta sirt naf b’liema ħeġġa ġiet milqugħa l-preżentazzjoni li l-Kardinal  O’Malley u s-Sinjura Marie Collins, waħda mill-membri fundaturi tagħkom, għamlu l-ġimgħa l-oħra lill-Isqfijiet ġodda. Dawn il-programmi edukattivi joffru  xorta ta’ riżorsi li jippermettu lid-Djoċesijiet, lill-Istituti reliġjużi u lill-istituzzjonijet kattoliċi kollha  jużaw il-materjal l-aktar effikaċi għal din il-ħidma.

Il-Knisja hi msejħa biex tkun il-post tat-tjieba u l-ħniena, l-aktar għal dawk li qed ibatu. Għalina lkoll il-Knisja tkompli tkun sptar fuq il-kamp tal-battalja, li takkumpanjana  fil-mixja spiritwali tagħna. Hi l-post fejn nistgħu noqogħdu bilqiegħda ħdejn l-oħrajn, nisimgħuhom u naqsmu magħhom it-taħbit tagħna u l-fidi tagħna fl-aħbar it-tajba ta’ Ġesù Kristu. Nemmen bis-sħiħ li l-Kummissjoni  għandha tkompli tkun il-post fejn jinstema’ b’interess il-leħen tal-vittmi u ta’ dawk li għelbu l-abbuż. Għandna ħafna x’nitgħallmu minnhom u mill-istejjer personali tagħhom ta’ kuraġġ u perseveranza.

Ippermettuli mill-ġdid nirringrazzjakom għall-isforzi  u l-pariri tagħkom matul dawn it-tliet snin. Nafdakom f’idejn il-Verġni Mqaddsa Marija, l-Omm li tibqa’ dejjem qrib tagħna fil-mixja tal-ħajja. Nagħti l-Barka Appostolika tiegħi lilkom ilkoll u lill-għeżież tagħkom, u nitlobkom tkomplu titolbu għalija.


 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard