Sur President,
S
ur Prim Ministru,
Eminenz
i, Eċċellenzi, Sinjuri, Ħuti,

Nirringrazzjakom mill-qalb tal-laqgħa fl-Istat ta’ Iżrael, li bi pjaċir qiegħed inżur waqt dan il-pellegrinaġġ tiegħi.  Jien grat lejn il-President, Shimon Perez u l-Prim Ministru Benjamin Netanyahu għall-kortesija tal-messaġġi tagħhom u niftakar bi pjaċir il-laqgħat li kelli magħhom fil-Vatikan.  Kif tafu, jien hawnhekk ninsab bħala pellegrin 50 sena wara l-vjaġġ storiku tal-Papa Pawlu VI.  Minn dak iż-żmien ‘l hawn inbidlu ħafna affarijiet bejn is-Santa Sede u l-Istat ta’ Iżrael: ir-relazzjonijiet diplomatiċi li minn għoxrin sena ‘l hawn waqqafna bejnietna, kienu mezz li bih żidna r-relazzjonjiet tajbin u kordjali, kif jixhdu ż-żewġ ftehim li diġà huma ffirmati u ratifikati, u dak li bħalissa jinsab fil-proċess li jkun mirqum.  B’dan l-ispirtu jien nagħti t-tislima tiegħi lill-Poplu kollu ta’ Iżrael u nawgura li hu jilħaq il-milja tal-aspirazzjonijiet tiegħu ta’ paċi u prosperità.

Fuq il-passi tal-predeċessuri tiegħi jien ġejt fl-Art Imqaddsa fejn issawret storja plurimillenarja u fejn seħħew l-avvenimenti ewlenin marbutin mat-twelid u l-iżvilupp tat-tliet reliġjojnjiet monoteisti l-kbar: l-Ebraiżmu, il-Kristjaneżmu u l-Iżlam.  Għalhekk din l-Art hi punt ta’ riferiment spiritwali għal parti kbira tal-umanità  Nawgura għalhekk li din l-Art imbierka tkun post li fih ma jkunx hemm wisa’ għal min isir intolleranti u vjolenti lejn l-oħrajn billi jistrumentaliżża u jeżaspera l-valur tar-reliġjon li hu jagħmel parti minnha.

Matul dan il-pellegrinaġġ tiegħi fl-Art Imqaddsa se nżur xi mkejjen ta’ tifsir mill-aktar kbir li jinsabu f’Ġerusalemm, belt ta’ valur universali.  Ġerusalemm tfisser “belt tal-paċi”.  Hekk rieda Alla u hekk iriduha tkun il-bnedmin kollha ta’ rieda tajba.  Imma, sfortunatament, din il-belt għadha tturmentata mill-konsegwenzi ta’ kunflitti twal.  Ilkoll nafu kemm hi urġenti l-ħtieġa tal-paċi mhux għal Iżrael biss imma għar-reġjun kollu.  Għalhekk hemm bżonn li jimmoltiplikaw ruħhom l-isforzi u l-enerġiji bl-għan li l-kunflitti li nisslu tant tbatijiet, tinstabilhom soluzzjoni ġusta u dejjiema.  F’għaqda mal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, nitlob bil-ħerqa lil kull min għandu xi responsabbiltà, biex iħalli t-toroq kollha miftuħa fit-tiftix ta’ solużżjoni ekwa għal dawn id-diffikultajiet kumplessi, biex b’hekk l-Iżraeljani u l-Palestinjani jkunu jistgħu jgħixu fil-paċi.  Hu meħtieġ li bil-kuraġġ u mingħajr heda nimxu dejjem fit-triq tad-djalogu, tar-rikonċiljazzjoni u tal-paċi.  Mhemmx triq oħra.  Għaldaqstant inġedded l-appell li minn dan l-istess post kien għamel Benedittu XVI: Hemm bżonn li jingħata għarfien universali tal-fatt li l-Istat ta’ Iżrael għandu dritt li jeżisti u li jgawdi l-paċi u s-sigurtà fil-limiti ta’ konfini b’għarfien internazzjonali.  Bl-istess mod għandu jingħata għarfien lill-Poplu Palestinjan li għandu dritt għall-patrija sovrana, li jgħix bid-dinjità u jivvjaġġa liberament.  Is-soluzzjoni ta’ żewġ Stati għandha ssir realtà u m’għandhiex tibqa’ biss ħolma.

Mument emozjonanti ħafna waqt li qiegħed f’pajjiżkom, se tkun iż-żjara li se nagħmel lill-Memorjal “Yad Vashem”, li jfakkar is-sitt miljun Lhud vittmi tas-Shoah, traġedja li tibqa’ bħala simbolu ta’ fejn tista’ tasal il-krudeltà tal-bniedem meta, immexxi minn ideoloġiji foloz, jinsa d-dinjità fundamentali ta’ kull persuna, li għandha dritt għar-rispett assolut tkun ta’ liema poplu jew reliġjon tkun.  Nitlob lil Alla li krimini bħal dan qatt ma jerġa jseħħ, delitt li ħalla vittmi l-ewwel u qabel kollox fost il-Lhud imma wkoll fost tant Insara u oħrajn.  Dejjem bil-fakra tal-passat, hemm bżonn ninkoraġġixxu edukazzjoni li fiha ma jkunx hemm lok għall-antisemitiżmu f’kull għamla possibbli, fejn ma jkunx hemm lok għal kull tip ta’ espressjoni ta’ ostilità, diskriminazzjoni jew intolleranza lejn persuni u popli.

B’qalb tqila għall-aħħar naħseb f’dawk li tilfu ħajjithom fl-attentat imdemmi li seħħ ilbieraħ fi Brussell.  Filwaqt li nġedded il-kundanna tiegħi għal dan l-att kriminali ta’ mibgħeda anti-semita, nafda lill-vittmi lil Alla Ħanin u nitlob għall-fejqan tal-feruti.

Billi l-vjaġġ hu qasir, ma jistax ikolli laqgħat kemm irrid.  Minn hawn irrid insellem liċ-ċittadini Iżraeljani kollha u nesprimi l-qrubija tiegħi lejhom, partikolarment lil dawk li jgħixu f’Nażaret u fil-Galileja, fejn hemm preżenti tant komunitajiet Insara.

Lill-isqfijiet u lill-fidili Nsara ntihom tislima fraterna u mill-qalb.  Ninkuraġġihom biex jibqgħu jgħixu bil-fduċja u t-tama x-xhieda serena tagħhom favur ir-rikonċiljazzjoni u l-maħfra, billi jimxu fuq it-tagħlim u l-eżempju tas-Sinjur tagħna Ġesù, li ta ħajtu biex iġib il-paċi bejn il-bniedem u Alla, bejn l-aħwa.  Kunu ħmira tar-rikonċiljazzjoni, ġorru magħkom it-tama, kunu xhieda tal-karità.  Kunu afu li intom tinsabu dejjem fit-talb tiegħi.

Nixtieq nagħmel stedina lilek, Sur President, u lill-President is-Sur Mahmoud Abbas, biex flimkien miegħi nerfgħu talba ħerqana u ninvokaw mingħand Alla ir-rigal tal-paċi.  Noffri d-dar tiegħi fil-Vatikan biex nospita din il-laqgħa ta’ talb.  Ilkoll nixtiequ l-paċi: tant persuni jibnuha kull jum li jgħaddi b’ġesti żgħar; ħafna jsofru u jissaportu bil-paċenzja l-għeja ta’ tant sforzi biex jibnuha; u lkoll, speċjalment dawk li qegħdin fil-karigi li minnhom jaqdu lill-popli, għandna d-dmir li nkunu strumenti u bennejja tal-paċi, l-ewwel u qabel kollox bit-talb.  Diffiċli tibni l-paċi imma li tgħix mingħajr il-paċi hu turment.  Il-bnedmin kollha ta’ din l-Art u tad-dinja kollha, qed jitolbuna li nwasslu quddiem Alla l-aspirazzjoni ħerqana għall-paċi.

Sur President, Sur Prim Ministru, Sinjuri, nirringrazzjakom mill-ġdid għall-laqgħa li tajtuni.  Jalla l-paċi u l-prosperità jinżlu bl-abbundanza fuq Iżrael.  Alla jbierek lill-poplu ta’ din l-Art bil-paċi.  Shalom!

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber.