Għeżież ħuti,
Ġentili Sinjuri,

Nilqagħkom bi pjaċir u ntikom l-isbaħ xewqat minn qalbi.  Nirringrazzja li Patri Bernard Ardura għall-kliem li ndirizzali li bihom ġabar fil-qosor is-sens ta’ dan il-Konvenju dwar Luteru u r-riforma tiegħu.

Nistqarr magħkom li l-ewwel sentiment li nħoss quddiem din l-inizjattiva ta’ min ifaħħarha tal-Kumitat Pontifiċju tax-Xjenzi Storiċi hu sentiment ta’ gratitudni lejn Alla, flimkien ma’ ċertu stgħaġib meta naħseb li sa ftit żmien ilu, konvenju bħal dan lanqas biss kien jgħaddi minn moħħna.  Il-Kattoliċi u l-Luterani jitkellmu dwar Luteru flimkien b’inizjattiva tas-Santa Sede: verament qed immissu b’idejna l-frott tal-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu, li jegħleb kull ostaklu u jittrasforma l-kunflitti f’okkażjonijiet ta’ tkabbir f’komunjoni.  Mill-kunflitt għall-komunjoni hu propju t-titlu tad-dokument li l-Kummissjoni Luterana-Kattolika Rumana ħejjiet biex tfakkar il-ħames ċentinarju mill-bidu tar-Riforma ta’ Luteru.

Ħadt pjaċir meta sirt naf li din il-kommemorazzjoni kienet okkażjoni biex l-istudjużi minn istituzzjonijiet diversi jagħtu ħarsa flimkien lejn dawk l-avvenimenti.  Meta nidħlu fil-fond bis-serjetà fil-figura ta’ Luteru u l-kritika li kien għamel lill-Knisja ta’ żmienu u tal-papat, żgur li hu kontribut biex tkun megħluba dik il-klima ta’ sfiduċja u rivalità li għal wsiq żmien fil-passat kienet karatteristika tar-relazzjonijiet bejn il-Kattoliċi u l-Protestanti.  L-istudju bir-reqqa u rigoruż, meħlus mill-preġudizzji u l-polemiċi ideoloġiċi, jippermettu lill-Knejjes, li llum jinsabu fi djalogu, li jiddixxernu u jagħmlu tagħhom kulma kien pożittiv u leġittimu fir-Riforma, u biex ninqatgħu mill-iżbalji, esaġerazzjonijiet u fallimenti, aħna u nagħrfu d-dnubiet li wasslu għall-firda.

Ilkoll kemm aħna nafu ferm tajjeb li l-passat ma jistax jinbidel.  Madankollu, illum, wara ħamsin sena ta’ djalogu ekumeniku bejn il-Kattoliċi u l-Protestanti, hu possibbli li nsaffu l-memorja, li ma tikkonsistix filli nippruvaw nikkoreġu dak li mhux possibbli nikkoreġu, minn dak li ġara ħames mitt sena ilu, imma li «li nirrakkuntaw dik l-istorja b’mod differenti» (Kummissjoni Luterana-Kattolika Rumana għall-għaqda, Mill-Kunflitt għall-Komunjoni, 17 ta’ Ġunju, 2013, 16), mingħajr ebda ħjiel ta’ risentiment minħabba l-ġrieħi li ġarrabna, li jiddeformaw l-impressjoni li għandna ta’ xulxin.  Illum, bħala Nsara, ilkoll imsejħin biex ninħelsu mill-preġudizzji lejn il-fidi mistqarra mill-oħrajn b’aċċent u lingwaġġ differenti, biex nitolbu maħfra lil xuxlin għall-ħtijiet li għamlu missirijietna u flimkien nitolbu lil Alla d-don tar-rikonċiljazzjoni u l-għaqda.

Filwaqt li nakkumpanja l-ħidma prezzjuża ta’ tiftix storiku bit-talb, ninvoka fuqkom il-barka t’Alla ħanin li jista’ kollox.  U nitlobkom, jekk jogħġobkom, biex titolbu għalija.  Il-Mulej iberikkom ilkoll.  Grazzi!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber