Għeżież Isqfijiet, Saċerdoti u Seminaristi,

Insellmilkom ilkoll lilkom li tiffurmaw il-komunità tal-Kulleġġ Pontifiċju Leonjan ta' Agnani.  Nirringrazzja lir-Rettur għall-kliem li ndirizzali f'isimkom ilkoll.  Tislima speċjali lilkom, għeżież seminaristi, li għoġobkom tiġu Ruma bil-mixi!  Intom kuraġġużi!  Dan il-pellegrinaġġ hu simbolu sabiħ ħafna tal-mixja ta' formazzjoni tagħkom, mixja li għandkom tagħmlu bl-entużjażmu u bil-perseveranza, fl-imħabba ta' Kristu u f'komunjoni fraterna.

Bħala seminarju reġjonali, il-”Leoniano” joffri servizz li xi djoċesijiet tal-Lazio.  Bħala konsegwenza tat-tradizzjoni formattiva, dan is-seminarju hu msejjaħ, fil-preżent tal-Knisja, biex jipproponi lill-kandidati għas-saċerdozju esperjenza li tibdel il-proġetti vokazzjonali tagħhom f'realtà appostolika għammiela.  Bħal kull seminarju, anki dan tagħkom għandu l-għan li jħejji lill-ministri ordnati futuri fi klima ta' talb, studju u fraternità f'din l-atmosfera evanġelika, f'din il-ħajja mimlija bl-Ispirtu s-Santu u bl-umanità, li tippermetti li min ikun parti minnha li jum wara jum jassimila s-sentimenti ta' Ġesù Kristu, l-imħabba tiegħu lejn il-Missier u lejn il-Knisja, id-dedikazzjoni mingħajr riżervi għall-Poplu t'Alla.  Talb, studju, fraternità u anki ħajja appstolika: dawn huma l-erba' pilastri tal-formazzjoni li għandhom effett fuq xuxlin.  Il-ħajja spiritwali, qawwija; il-ħajja inellettwali, serja; il-ħajja komunitarja u, fl-aħħar, il-ħajja appostolika, imma mingħajr ebda idea ta' klassifika ta' liema hi l-aktar importanti.  L-erba' li huma huma importanti, jekk tonqos waħda minnhom, il-formazzjoni mhix tajba.  U dawn jeffettwaw lil xulxin.  Erba' pilastri, erba' dimensjonijiet li fuqhom għandha tinbena l-ħajja ta' seminarju.

Intom, għeżież seminaristi, m'intkomx qed tħejju ruħkom biex tagħmlu xi mestjier, biex issiru funzjonarji f'xi ditta jew f'xi organiżmu burokratiku.  Għandna tant sacċerdoti li qegħdin fit-triq tan-nofs.  Dan hu għafsa ta' qalb għax ma rnexxilhomx jaslu għall-milja: jixbħu ftit lill-funzjonarji, għandhom id-dimensjoni burokratika, u dan ma jagħmilx tajjeb lill-Knisja.  Nirrikmandalkom biex toqgħodu attenti li ma taqgħux f'dan!  Intom se ssiru rgħajja xbieha ta' Kristu r-Ragħaj it-Tajjeb, biex tkunu bħalu u l-persuna tiegħu fost il-merħla, biex tirgħu lill-merħla tiegħu.

Quddiem din il-vokazzjoni aħna nistgħu nwieġbu bħalma Marija wieġbet lill-anġlu: «Kif jista' jkun dan?» (Luqa 1, 34).  Li nsiru rgħajja tajbin xbieha ta' Ġesù hi ħaġa wisq kbira u aħna tant aħna żgħar........  Minnu!  Dal-ġranet kont qed naħseb dwar il-Quddiesa taż-Zjut ta' Ħamis ix-Xirka u ħassejt dan: illi b'dar-rigla tant kbir li aħna nirċievu, iċ-ċokon tagħna hu qawwi: aħna fost l-iżgħar fost il-bnedmin.  Hu minnu, kbir wisq; imma din mhix opra tagħna!  Hija opra tal-Ispirtu s-Santu bil-kollaborazzjoni tagħna.  Ifisser li aħna umilment noffru lilna nfusna bħat-tafal li jrid jingħata l-forma, biex dak li jagħmel il-ġarar, li hu Alla, jkun jista' jaħdem bl-ilma u n-nar, bil-Kelma u bl-Ispirtu.  Ifisser li aħna nidħlu f'dak li jgħid San Pawl:  «Mhux jien ngħix, imma hu Kristu li jgħix fija» (Galatin 2,20).  Hekk biss nistgħu nkunu djakni u presbiteri fil-Knisja, hekk biss nistgħu nirgħu 'il-poplu t'Alla u mmexxuh mhux fit-toroq tagħna, imma f'dawk ta' Ġesù, anzi fit-triq li hi Ġesù.

Hu minnu li għall-bidu ma jkunx hemm intenzjoni retta sħiħa.  Imma nażżarda ngħid: diffiċli li jkun hekk.  Ilkoll kemm aħna dejjem kellna dawn l-affarijiet żgħar li ma kinux intenzjoni retta, imma dan maż-żmien jgħaddi, bil-konverżjoni ta' kuljum.  Naħsbu fl-Appostli!  Aħsbu f'Ġakbu u Ġwanni, wieħed ried isir prim ministru u l-ieħor ministru tal-ekonomija għax hu aktar importanti.  L-Appostli kien għad ma kellhomx din ir-rettitudni, kienu qed jaħsbu f'affarijiet oħra u l-Mulej, b'ħafna paċenzja, ikkoreġielhom l-intenzjoni tant li taw ħajjithom għalih bil-predikazzjoni u bil-martirju.  Ma nistgħux nibżgħu!  Imma jien ċert jekk irridx insir qassis bħala promozzjoni...... imma int tħobbu lil Ġesù?  “Iva.”  Tkellem mad-direttur spiritwali tiegħek, ma' dawk li qed jiffurmawk, itlob,itlob, itlob u tara li r-rettitudni tal-intenzjoni timxi 'l quddiem.

Din il-mixja tfisser meditazzjoni tal-Vanġelu kuljum, biex nittrasmettuh b'ħajjitna u l-predikazzjoni: ifisser li nħossu fina l-ħniena ta' Alla fis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni.  Dan m'għandna nħalluh qatt!   Inqerru!  Dejjem!  U b'hekk issiru ministri ġenerużi u mimlijin ħniena għax tħossu l-ħniena t'Alla fikom.  Iffiser li nieħdu l-Ewkaristija bil-fidi u bl-imħabba biex biha mbagħad nitimgħu lill-poplu nisrani; tfisser li nkunu rġiel ta' talb biex insiru l-leħen ta' Kristu li jfaħħar 'il-Missier u l'ħin kollu jinterċedi għall-ħutu (Lhud 7,25).  It-talb tal-interċessjoni, dik li kienu jagħmlu dawk l-irġiel kbar – Mosè u Abram – li kienu jitqgħabdu mal-Mulej f'isem il-poplu, dik it-talba kuraġġuża quddiem Alla.  Jekk intom - u dan ngħidu minn qalbi, mingħajr offiża! - jekk intom, jekk xi ħadd minnkom, m'intomx lesti li timxu f'din it-triq, li jkollkom dawn l-atteġġjamenti u tgħixu dawn l-esperjenzi, ikun aħjar li ssibu l-kuraġġ u tfittxu triq oħra.  Hemm ħafna modi fil-Knisja kif wieħed jista' jagħti xhieda nisranija u tant toroq li jwasslu għall-qdusija.  Fis-sekwela ministerjali ta' Ġesù m'hemmx lok għall-medjokrità, dik il-medjokrità li twassal dejjem biex nużaw lill-poplu qaddis t'Alla għall-vantaġġ tagħna.  Gwaj għar-rgħajja ħżiena li jirgħu lilhom infushom minflok 'il-merħla! - kienu jgħidu l-Profeti (Eż. 34,1-6) b'tant forza!

U Wistin jikkwota din is-sentenza profetika fil-ktieb De Pastoribus, li nirrikmandalkom li taqrawh u timmeditawh.  Imma gwaj għar-ragħajja ħżiena, għax is-seminarju, ħa ngħidu l-verità, mhux rifuġju għall-ħafna limitazzjonijiet li jista' jkollna, rifuġju ta' diffikultajiet psikoloġiċi jew rifuġju għax m'għandix il-kuraġġ li nimxi fil-ħajja u fih infittex lok li jista' jiddefendini.  Le, mhux dan.  Kieku s-seminarju tagħkom kien dan, kien isir ipoteka għall-Knisja!  Le, is-seminarju hu post li fih issir mixja 'l quddiem, 'il quddiem f'dit-triq.  U meta nisimgħu lill-Profeti jgħidu “gwaj”, jalla dan il-”gwaj” iġegħelkom tirriflettu serjament dwar il-futur tagħkom.  Piju XI darba kien qal li jkun aħjar tintilef vokazzjoni mir-riskju ta' kandidat inċert.  Kien alpinista u kien jaf x'inhu jgħid!

Għeżież, nirringrazzjakom taż-żjara tagħkom.  Nirringrazzjakom li ġejtu bil-mixi.  Jien nakkumpanjakom bit-talb u bil-barka tiegħi u nafdakom f'idejn il-Verġni Mbierka, li hi Omm.  Tinsewha qatt!  Il-mistiċi Russi kienu jgħidu li fil-waqtiet ta' tempesti spiritwali hemm bżonn insibu kenn taħt il-mant tal-Omm Imbierka t'Alla.  Qatt m'għandna noħorġu minn hemm taħt!  Mgħottijin bil-mant.  U, jekk jogħġobkom, itolbu għalija!

 

Miġjub gl-Malti minn Joe Huber.