Il-Papa Franġisku inġabar fit-talb mal-membri tal-familji li tilfu 'l-għeżież tagħhom minħabba l-vjolenza tal-mafja. Huwa qagħad jisma' fis-skiet, b'rasu baxxuta u jdejh magħqudin flimkien fit-talb, il-lista ta' 842 isem ta' vittmi innoċenti tal-vjolenza tal-mafja, fosthom 80 tfal, ismijiet li nqraw kollha wieħed wieħed.  Imbagħad għamel dan id-diskors:

Għeżież ħuti,

Grazzi li għamiltu din il-waqfa f’Ruma, li qed tagħtini l-opportunità li niltaqa’ magħkom, qabel il-velja u qabel Jum it-Tifkira u l-Impenn li se tgħixu illejla u għada f’Latina.  Inrodd ħajr lil Don Luigi Ciotti u lill-kollaboraturi tiegħu, kif ukoll lill-Patrijiet Franġiskani ta’ din il-parroċċa.   Insellem ukoll lil-Isqof ta’ Latina, Mons. Crociata, li qiegħed hawn magħna.  Grazzi, Eċċellenza.

Għandi x-xewqa li naqsam magħkom din it-tama li ftit ftit, is-sens ta’ responsabiltà jirbaħ fuq il-korruzzjoni, f’kull parti tad-dinja.  U dan irid jibda minn ġewwa, mill-kuxjenza. Hu minn hemm li jkunu rranġati l-imġieba, ir-relazzjonijet, l-għażliet, it-tessut soċjali tas-soċjetà.  Huwa hekk li l-ġustizzja jkollha post fejn tikber, tagħmel l-għeruq, u tieħu post inġustizzja.

Naf li intom tħossu din it-tama b’mod qawwi, u nixtieq naqsamha magħkom, ngħidilkom li se nkun qrib tagħkom, anke llejla u għada meta tkun Latina – anke jekk ma nistgħax niġi fiżikament, imma se nkun magħkom f’din il-mixja, li titlob  minnkom li tkunu sodi u perseveranti.

Nixtieq nesprimi s-solidarjetà tiegħi b’mod partikolari lil dawk fostkom li tilfu li xi ħadd għażiż, vittma tal-vjolenza tal-mafja.  Grazzi għax-xhieda tagħkom, talli ma ingħalaqtux, imma inftaħtu, ħriġtu biex tirrakuntaw il-ġrajja tagħkom ta’ dulur u ta’ tama.  Dan huwa tant importaanti, speċjalment għaż-żgħażagħ!

Irrid nitlob magħkom – u dan nagħmlu mill-qalb – għall-vittmi kollha tal-mafji.  Anke ftit jiem ilu, qrib Taranto, kien hemm delitt, li ma kellux ħasra lanqas minn tifel.  Imma fl-istess waqt, flimkien ilkoll kemm aħna, nitolbu l-għajnuna biex timxu ‘l quddiem u li ma titilfux il-kuraġġ, imma biex tkompli tiġġieldu kontra l-kurruzzjoni.

Inħoss li ma nistgħax nispiċċa bla ma ngħid kelma lil kbar li mhumiex hawn, illum, lil protagonisti li mhumiex hawn,  lill-irġiel u nisa tal-mafja.  Jekk jogħġobkom, ibdlu ħajjitkom, ikkonvertu, ieqfu għamlu l-ħażen! U aħna nitolbu għalikom. Ikkonvertu. Nitlobkom għarkubtejja … huwa għall-ġid tagħkom.  Din il-ħajja li qed tgħixu issa, mhux ser tagħtikom pjaċir, mhux ser tagħtikom ferħ, mhux ser tagħtikom kuntentizza.  Il-poter, il-flus li għandkom issa u li ġie minn tant intriċċi maħmuġa, minn tant delitti mafjużi, huma flus id-demm, huwa poter imċappas bid-demm, u ma tistgħux toħduh fil-ħajja l-oħra. Ikkonvertu, għad għandkom iċ-ċans biex ma tispiċċawx fl-infern.  Huwa dak li qed jistenniekom jekk tkomplu f’din it-triq.  Intom kellkom missier u omm … aħsbu fihom, ibku ftit u ikkonvertu.

Ejjew nitolbu flimkien lil Ommna Marija ciex tgħinna: Sliem għalik Marija …

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Farrugia.