DISKORS TAL-PAPA FRANĠISKU

LILL-PARTEĊIPANTI TAL-KONFERENZA INTERNAZZJONALI

FL-OKKAŻJONI TAT-TIELET ANNIVERSARU

TAL-PUBBLIKAZZJONI TAL-ENĊIKLIKA  “LAUDATO SI’”,

fIs-Sala Klementina tal-Palazz Appostoliku tal-Vatikan,

il-Ġimgħa 6 ta’ Lulju 2018

 

 

Sinjuri Kardinali,

Eminenzi,

għeżież Ħuti,

illustri Sinjuri,

Nagħti merħba lil kulħadd fl-okkażjoni tal-Konferenza Internazzjonali msejħa u mlaqqgħa fit-tielet anniversarju tal-pubblikazzjoni tal-Ittra Enċiklika Laudato Si’, fuq li għandna nieħdu ħsieb id-dar komuni tagħna.  Nixtieq insellem b’mod speċjali lill-Eminenza Tiegħu, l-Arċisqof Zizioulas, għax kien hu li, flimkien mal-Kardinal Turkson, ippreżenta l-Enċiklika tliet snin ilu. Irroddilhom ħajr għax ingħaqdu flimkien biex “jisimgħu bil-qalb tagħhom” l-għajta dejjem aktar ta’ inkwiet tad-dinja u tal-fqar li jgħixu fiha, biex ifittxu l-għajnuna u r-responsabbiltà, u biex jixhdu u jilqgħu b’urġenza kbira l-appell tal-Enċiklika sabiex fid-dinja jkun hawn tibdil u konverżjoni ekoloġiċi.  Ix-xhieda tagħkom hija xhieda tal-impenn kontinwu tagħkom ħalli fid-dinja kollha jkun hawn impenn kontinwu biex naġixxu u nikkollaboraw b’mod konkret biex insalvaw id-dinja u l-ħajja ta’ fuqha, waqt li nibdew mill-prinċipju li “kull ħaġa fid-dinja hija marbuta waħda mal-oħra”, kunċett gwida tal-Enċiklika, prinċipju li hu l-bażi tal-ekoloġija integrali.

Anke f’din il-perspettiva, nistgħu naqraw is-sejħa li San Franġisk t’Assisi rċieva mill-Mulej fil-Kappella ta’ San Damjan, “Mur, u sewwi d-dar tiegħi li, kif qed tara, tinsab f’ħerba sħiħa.” Anke llum, “id-dar komuni tagħna”, jiġifieri d-dinja, il-pjaneta tagħna, għandha bżonn urġenti li tiġi msewwija u assigurata futur sostenibbli.

F’dawn l-aħħar għaxriet ta’ snin (jew deċenni), il-komunità xjentifika daħlet aktar fid-dettall u fil-fond u b’mod aktar elaborati, u f’ċertu sens, f’valurazzjonijiet u studji aktar dettaljati.  “Ir-ritmu tal-konsum, tal-iskart anke goff ħafna, u tal-bidla ekoloġika, issuperaw il-possibilitajiet tal-pjaneta tagħna b’mod tant qawwi lill-istil tal-ħajja tal-pjaneta, u l-mod li bih qed tgħix illum, mhux sostenibbli u li jista’ jġib biss katastrofi fid-dinja, bħalma diġà ġara f’diversi partijiet u reġjuni tad-dinja”. (Laudato Si’, para. 161). Jeżisti l-periklu reali li lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna se nħallulhom biss akkumuli sħaħ ta’ skart, deżerti u ħmieġ.

Għalhekk, nixtieq li din il-preokkupazzjoni għall-istat tad-dinja, “id-dar komuni tagħna”, tinbidel f’azzjoni organika u organizzata ta’ ekoloġija integrali. Infatti, “l-effeti tal-iżbilanċ attwali [fl-ekoloġija tad-dinja], nistgħu nnaqqsuh biss bl-azzjoni deċiżiva tagħna, hawn u issa” (ara ibid,).  L-umanità għandha l-kuxjenza u l-mezzi biex tilħaq dan l-iskop u, b’responsabbiltà, tikkoltiva u tieħu ħsieb” id-dinja b’mod responsabbli.  Rigward dan is-suġġett, hija sinifikattiva d-diskussjoni tagħkom rigward anke fuq ċerti ġrajjiet importanti li qed jiġru f’din is-sena.

Il-Laqgħa Internazzjonali COP24 fuq il-klima tad-dinja, ippjanata li ssir f’ Katowice, fil-Polonja, f’Diċembru li ġej, tista’ tkun il-ġebla tax-xewka li fuqha tinbena b’mod aktar sod it-triq murija lilna mit-Trattat (Ftehim) ta’ Pariġi tal-2015.  Aħna lkoll nafu li għad baqa’ ħafna xi jsir biex jitwettaq dan il-Ftheim.  Il-gvernijiet kollha tad-dija għandhom jagħmlu sforz biex jonoraw l-impenji li huma stess assumew f’Pariġi biex jevitaw l-agħar konsegwenzi tal-kriżi fil-klima li għaddejja minnha d-dinja. “It-tnaqqis tal-gassijiet li qed jikkawżaw dak li jissejjaħ “l-effett serra” (“the greenhouse effect”), jeħtieġ onestà, kuraġġ, u responsabbiltà, l-aktar mill-pajjiżi l-aktar b’saħħithom, li l-aktar qed jikkawżaw dan it-tip ta’ tniġġis” (ibid, para 169). Ma jistax ikun li nħallu lilna nfusna nitilfu ż-żmien f’dan il-proċess.

Minbarra l-istati, istituzzjonijiet oħra huma fid-dmir li dan li qed ngħidu, jitwettaq. Hawnhekk qed nirreferu għall-awtoritajiet lokali, il-gruppi tas-soċjetà ċivili u anke istituzzjonijiet ekonomiċi u reliġjużi li għandhom jiffavorixxu kultura u prattika ekoloġika integrali.  Nixtieq u nawgura minn qalbi li dawn il-gruppi joffru wkoll risposti xierqa, flimkien mal-gruppi ta’ pressjoni (“pressure groups”) taċ-ċittadini li jinsabu f’kull parti tad-dinja, leħen fil-kwistjonijiet li għandhom jiġu diskussi, pereżempju fil-Laqgħa Internazzjonali fuq il-Klima tad-Dinja, ippjanata li ssir bejn it-12 u l-14 ta’ Diċembru fil-belt ta’ San Francisco.  Kif affermajna flimkien mal-Qdusija Tiegħu, il-Patrijaka Ekumeniku Bartilmew, “Ma jistax ikun hemm soluzzjoni ġenwina u permanenti għall-isfida tal-kriżi ekoloġika u tal-tibdiliet fil-klima“ li qed tiffaċċja d-dinja,  mingħajr tweġiba organizzata u kollettiva, mingħajr responsabbiltà meħuda minn kulħadd u mingħajr ma wieħed jagħti kas ta’ dak li jkun qed isir fil-prattika, u mingħajr ma tagħti prijorotà lis-solidarjetà u lil-ispirtu ta’ servizz fost il-bnedmin” (Messaġġ għall-Ġurnata Mondjali ta’ Talb għall-Ħolqien – 1 ta’ Settembru 2017).

Anke l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom rwol huma wkoll, kemm bħala parti mill-problema kif ukoll bħala parti mis-soluzzjoni.  Jeħtieġ li jkun hemm bidla bażika tad-dinja finanzjarja sabiex jimxi ‘l quddiem l-iżvilupp uman sħiħ.  L-Organizzazzjonijiet internazzjonali, pereżempju l-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Bank Dinji jistgħu jiffavorixxu riformi effikaċi għal żvilupp aktar inklussiv u sostenibbli tal-umanità.  It-tama hi li “d-dinja finanzjarja […] terġa’ tkun strument eċċellenti għall-aħjar mezzi lejn il-produzzjoni tal-ġid materjali u l-iżvilupp tal-bniedem sħiħ” (Benedittu XVI “Caritas in Veritate”, para. 65).  L-istess tama tapplika wkoll għall-mod kif il-bniedem għandu jieħu ħsieb l-ambjent.

Dawn l-azzjonijiet jitolbu bidla f’livell aktar profond, jiġifieri bidla fil-qlub, bidla fil-kuxjenzi tal-bnedmin, kif qal il-Papa San Ġwanni Pawlu II, “Jeħtieġ [‘’’] li nistimulaw u nsostnu l-konverżjoni ekoloġika” (Katekeżi, 17 ta’ Jannar 2001).  U f’din il-ħaġa, ir-reliġjonijiet, b’mod partikulari l-Knejjes Insara, għandhom rwol importanti ħafna.  Il-Ġurnata ta’ Talb għall-Ħolqien u l-inizjattivi marbutin magħha, mibdija fil-qalba tal-Knisja Ortodossa, qed jixterdu fost il-komunitajiet Insara mad-dinja kollha.

Fl-aħħar nett, l-impenn lejn id-“dar komuni tagħna” (jiġifieri d-dinja) għandu jirriserva spazju speċjali lil żewġ gruppi ta’ persuni li jinsabu fuq quddiem fl-isfida ekoloġika li qed tiffaċċja d-dinja, u dawn se jkunu fiċ-ċentru taż-żewġ sinodi li jmiss tal-Knisja Kattolika: iż-żgħażagħ, u l-popli indiġeni, l-aktar dawk tal-Amazonia. 

Min-naħa waħda, “iż-żgħażagħ jitolbu bidla.  Huma jistaqsu kif jista’ jkun li wieħed jippretenti li jibni  futur aħjar għall-bniedem mingħajr ma wieħed jagħti kas u jaħseb fil-kriżi ambjentali u fit-tbatijiet ta’ dawk imwarrbin mis-soċjetà (‘”Laudato Si’”, para. 13). Huma ż-żgħażagħ li ser ikollhom jiffaċċjaw il-konsegwenzi tal-kriżi ambjentali u tal-klima tal-lum.  Għalhekk, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet mhix atteġġjament li wieħed jista’ jgħaddi mingħajru u huwa kwistjoni essenzjali għall-ġustizzja, u dan għax id-dinja li rċevejna mingħand dawk ta’ qabilna hija wkoll ta’ dawk li ġejjin fil-futur” (ibid., para. 159).

Min-naħa l-oħra, ”hu indispensabbli li nagħtu attenzjoni speċjali lill-komunitajiet aboriġini bit-tradizzjonijiet kulturali tagħhom” (ibid., para. 146).  Hija ħaġa ta’ swied il-qalb li tara l-artijiet tal-popli indiġeni meħudin mingħandhom u l-kulturi tagħhom imkażbra minn atteġġjamenti minn min hu bil-għatx għall-art, għall-poter u għall-flus, minn forom ġodda ta’ kolonjaliżmu, sostnuti minn kultura tal-iskart, anke goff, u tal-konsumiżmu. (ara “Id-Dokument tas-Sinodu tal-Isqfijiet, “L-Amazonja: toroq ġodda għall-Knisja u għall-Ekoloġija integrali” – 8 ta’ Ġunju 2018). Għalihom, infatti, l-art mhix biss xi ħaġa ta’ ġid ekonomiku, imma wkoll rigal mogħti lilhom minn Alla u mill-antenati tagħhom li jinsabu jistrieħu fiha, spazju sagru li miegħu għandhom il-bżonn li joħolqu relazzjoni sabiex jagħtu ħajja lill-identità u lill-valuri tagħhom ( “Laudato Si’”, para. 146). Kemm għandna x’nitgħallmu minnhom!  Il-ħajja tal-popli indiġeni “hija memorja ħajja tal-missjoni li Alla afda lil kull wieħed u waħda minna: il-protezzjoni )tad-dar komuni tagħna” (jiġifieri id-dinja) (Diskors waqt il-Laqgħa tal-Popli Indiġeni, Puerto Maldonado, 19 ta’ Jannar, 2018).

Għeżież ħuti, irġiel u nisa, għandna bosta sfidi quddiemna! Nixtieq infisser il-gratitudni kbira tiegħi għax-xogħol tagħkom b’risq is-servizz biex nieħdu ħsieb tal-ħolqien għal futur aħjar għal uliedna u wlied uliedna. Xi kultant, ix-xogħol u l-isfidi li għandna u li hemm quddiemna jidhru kbar u diffiċli wisq, u dan għax “hemm wisq interessi partikulari li jeffettwaw il-qasam ambjentali  tad-dinja u faċilment li spiss l-interess ekonomiku jirnexxilu jirbaħ fuq il-ġid komuni li jimmanipula l-informazzjoni biex il-proġetti tiegħu ma jiġux milquta ħażin” (Laudato Si’, para. 54).  Iżda l-bnedmin, li kapaċi jaqgħu fl-aktar sitwazzjonijiet baxxi, huma kapaċi wkoll li jqumu minn dawn is-sitwazzjonijiet u jbiddlu s-soċjetà b’mod li jibda jiġi magħżul dak li hu tajjeb u jnisslu l-veru ġid mill-ġdid (ibid., para. 205).  Jekk jogħġobkom, komplu aħdmu “għall-bidla radikali meħtieġa miċ-ċirkustanzi tad-dinja tal-lum” (ibid., 171).  “L-inġustizzja mhix xi ħaġa li ma tistax tintrebaħ” (ibid., para 74).

San Franġisk t’Assisi jkompli jispirana u jmexxina ‘l quddiem f’din it-triq u “biex it-taqbidiet tagħna u l-inkwiet fil-preokkuzzazzjonii tagħna fuq il-pjaneta tagħna, ma jneħħulniex il-ferħ tat-tama” (ibid., para. 244).  Fl-aħħar mill-aħħar, it-tama tagħna hi bbażata fuq il-fidi fil-qawwa ta’ Missierna tas-Sema. Huwa hu li jsejħilna biex niddedikaw ruħna b’ġenerożità u  biex nagħtu kollox, u Hu jagħtina l-qawwa u d-dawl li għandna bżonn biex nimxu ‘l quddiem.  Fil-qalb ta’ din id-dinja, dejjem jibqa’ preżenti l-Mulej tal-ħajja li tant iħobbna. Hu ma jħalliniex waħedna, ma jabbandunaniex u dan għax Hu magħqud b’mod definittiv mal-art tagħna, u l-imħabba tiegħu dejjem tmexxina lejn toroq ġodda. Lilu kull tifħir!” (ibid., para. 245).

Jien inberikkom. U jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.

Grazzi!

 

Maqluba għall-Malti mit-Taljan minn Kathleen Bonello