Qabel xejn, il-lejla t-tajba lil kulħadd!

 

Ninsab kuntent li qiegħed hawn fostkom.

 

Nirringrazzja lill-Kardinal Vigarju għall-kelmtejn ta’ mħabba u ta’ fiduċja li indirizzali f’isimkom ilkoll.  Grazzi wkoll lil Dun Giampiero Palmieri u liż-żewġ katekisti, li taw stampa ċara tas-sitwazzjoni.  Jien għidtilhom: “Diġà għidtu kollox intom!  Ħa nagħti l-barka u nitlaq”.  Bravi.

 

Bla dubju ta’ xejn, hemm ħaġa li rrid ngħid żgur: ħadt gost ħafna li int, Don Giampiero, semmejt l-Evangelii nuntiandi.  Dan għadu sal-lum id-dokument pastorali l-iżjed importanti, li baqa’ ma ġiex issuperat, ta’ wara l-Konċilju.  Dejjem għandna mmorru lura lejh.  Hi minjiera ta’ ispirazzjoni dik l-Eżortazzjoni Appostolika.  U kitibha l-kbir Pawlu VI, b’idejh stess.  Għax wara dak is-Sinodu ma setgħux jiftiehmu jekk joħorġux b’Eżortazzjoni jew le…; u fl-aħħar ir-relatur – kien San Ġwanni Pawlu II – qabad il-karti kollha u għaddiehom lill-Papa, qisu ried jgħidlu: “Irranġa int, ħabib!”.  Pawlu VI qara kollox u, b’dak is-sabar kbir li kellu, beda jħażżeż u jikteb.  Għalija dan hu sewwa sew it-testment pastorali tal-kbir Pawlu VI.  U ma ġiex issuperat.  Hu minjiera għall-pastorali.  Nirringrazzjak li semmejtha, u jalla tkun dejjem punt ta’ riferiment!

 

Matul din is-sena, fiż-żjara tiegħi lil xi parroċċi, kelli ċans niltaqa’ ma’ ħafna persuni, li spiss bil-ħatfa imma b’fiduċja kbira stqarrewli t-tamiet tagħhom, ix-xewqat tagħhom, flimkien ma’ l-uġigħ ta’ qalb u l-problemi tagħhom.  Anki fil-bosta ittri li nirċievi kuljum naqra dwar irġiel u nisa li jħossuhom mifxula, għax spiss il-ħajja tħabbathom u ma jirnexxielhomx isibu s-sens u l-valur tagħha.  Mgħaġġla wisq!  Nistħajjel x’ġirja sfrenata hi l-ġurnata ta’ missier jew ta’ omm, li jqumu kmieni, iwasslu lil uliedhom l-iskola, imbagħad joħorġu jaħdmu, spiss f’postijiet fejn hemm tensjonijiet u kunflitti, anki f’postijiet imbiegħda.  Qabel ġejt hawn, mort sal-kċina biex nieħu kafè, kien hemm il-kok u għidtlu: “Int kemm trid ħin biex tasal lura d-dar?”; “Siegħa u nofs…”.  Siegħa u nofs!  U jmur lura d-dar, isib jistennewh it-tfal, il-mara…  U jridu jaqsmu Ruma fit-traffiku.  Spiss jiġri lilna lkoll li nħossuna waħidna hekk.  Li nħossu fuqna toqol li jgħattanna, u nistaqsu bejna u bejn ruħna: Imma din ħajja?  Tixref fil-qalb tagħna l-mistoqsija: Kif nagħmlu biex uliedna, iż-żgħażagħ tagħna, jagħtu sens lil ħajjithom?  Għax anki huma jħossu li dan il-mod tagħna ta’ kif ngħixu kultant m’hu xejn uman, u ma jafux x’direzzjoni jaqbdu biex ħajjithom tkun sabiħa u jieħdu gost li sebaħ fil-għodu.

 

Meta jiena nqarar il-miżżewġin żgħażagħ u jkellmuni fuq uliedhom, dejjem nistaqsihom: “U int issib ħin tilgħab mat-tfal?”.  U ħafna drabi l-missier jgħidli: “Imma, Dun, jien meta noħroġ għax-xogħol fil-għodu, huma jkunu għadhom reqdin, u meta nasal lura, fil-għaxija, diġà jkunu daħlu fis-sodda, insibhom reqdin”.  Din m’hix ħajja!  Hu salib iebes wisq.  M’huwiex uman.  Meta kont għadni Arċisqof fid-djoċesi l-oħra kont insib iżjed ħin mil-lum biex nitkellem spiss ma’ l-adolexxenti u ż-żgħażagħ u kont nintebaħ li kienu qed ibatu mill-orfandad, jiġifieri orfni.  It-tfal tagħna, iż-żgħażagħ tagħna jbatu għax sfaw iltiema!  Naħseb l-istess qed jiġri f’Ruma.  Iż-żgħażagħ sfaw iltiema minn triq żgura li fiha jistgħu jimxu, minn għalliem li jistgħu jafdaw, minn ideali li jħeġġu l-qalb, minn tamiet li jwieżnu fit-taħbit tal-ħajja ta’ kuljum.  Huma ltiema, imma fil-qalb tagħhom żammew ħajja x-xewqa ta’ dan kollu!  Din hi s-soċjetà ta’ l-iltiema.  Ejjew naħsbu f’dan, għax hi ħaġa importanti.  Iltiema, bla memorja ta’ familja: għax, ngħidu aħna, in-nanniet qed jiġu mbiegħda, f’xi dar ta’ l-anzjani, u allura m’għandhomx dik il-preżenza, dik il-memorja ta’ familja; iltiema, bla mħabba fil-ġurnata tal-lum, jew imħabba wisq mgħaġġla: il-missier għajjien, l-omm għajjiena, u jidħlu jorqdu…  U huma jisfaw iltiema.  Iltiema mill-gratwità: dak li kont qed ngħid qabel, dik il-gratwità tal-missier u ta’ l-omm li jafu jaħlu minn ħinhom biex jilagħbu ma’ wliedhom.  Għandna bżonn ta’ dan is-sens ta’ gratwità: fil-familji, fil-parroċċi, fis-soċjetà kollha.  U meta naħsbu li l-Mulej wera ruħu lilna fil-gratwità, jiġifieri bħala Grazzja, din hi ħaġa importanti ħafna.  Din il-ħtieġa ta’ gratwità umana, li hi bħal li wieħed jiftaħ qalbu għall-grazzja ta’ Alla.  Kollox gratis: Hu jiġi u jagħtina l-grazzja tiegħu.  Imma jekk aħna ma jkollniex is-sens ta’ gratwità fil-familja, fl-iskola, fil-parroċċa, isir wisq aktar diffiċli nifhmu x’inhi l-grazzja ta’ Alla, dik il-grazzja li ma tistax tinbiegħ, ma tistax tinxtara, li hi rigal, don ta’ Alla: hi Alla nnifsu.  U għalhekk li huma ltiema tal-gratwità.

 

Ġesù għamlilna wegħda kbira: “Ma nħallikomx iltiema” (Ġw 14:18), għax Hu t-triq li rridu nimxu fiha, l-għalliem li rridu nisimgħu, it-tama li ma tqarraqx bina.  Kif nistgħu ma nħossux qalbna tħeġġeġ u ma ngħidux lil kulħadd, b’mod partikulari liż-żgħażagħ: “M’intix orfni!  Ġesù Kristu wriena li Alla hu Missier u jrid jgħinek, għax iħobbok”.  Hawn hu s-sens profond ta’ l-inizjazzjoni Nisranija: innisslu fil-fidi jfisser inxandru li m’hux vera li aħna ltiema.  Għax anki s-soċjetà tiċħad lil uliedha!  Ngħidu aħna, lil kważi 40% taż-żgħażagħ Taljani m’hix tagħtihom xogħol.  Xi jfisser dan?  “Int ma jimpurtanix minnek!  Int materjal għar-rimi.  Jiddispjaċini, imma hekk hi l-ħajja”.  Anki s-soċjetà ġġib liż-żgħażagħ iltiema.  Aħsbu ftit xi jfisser ikollok 75 miljun żagħżugħ u żagħżugħa f’din iċ-ċiviltà Ewropea, żgħażagħ ta’ 25 sena u inqas, li huma bla xogħol…  Din iċ-ċiviltà ġibitna ltiema.  Aħna poplu li rridu nrabbu lil uliedna b’din iċ-ċertezza li għandhom missier, li għandhom familja, li għandhom omm.  Is-soċjetà teknoloġika tagħna – dan diġà kien qalu Pawlu VI – taf tkattar bla tarf l-okkażjonijiet ta’ pjaċir, ta’ distrazzjoni, ta’ kurżità, imma m’hix kapaċi tagħti lill-bniedem il-ferħ veru.  Tant kumditajiet, tant ħwejjeġ sbieħ, imma l-ferħ fejn hu?  Biex inħobbu l-ħajja m’hemmx bżonn nimlewha bl-oġġetti, li mbagħad isiru idoli; għandna bżonn li Ġesù jħares lejna.  Hi l-ħarsa li tgħidilna: kemm hi ħaġa sabiħa li inti ħaj, il-ħajja tiegħek m’hix bla siwi, għax int ġejt fdat b’ħidma importanti.  Dan hu l-għerf tassew: ħarsa ġdida lejn il-ħajja li tiġi mil-laqgħa ma’ Ġesù.

 

Il-Kardinal Vallini tkellem dwar din il-mixja ta’ konverżjoni pastorali missjunarja.  Hi mixja li qed issir u li għandha ssir u aħna għandna l-grazzja li għadna nistgħu nagħmluha.  Il-konverżjoni m’hix ħafifa, għax tfisser li nibdlu ħajjitna, nibdlu l-metodu, nibdlu tant affarijiet, anki ruħna nibdlu.  Imma din il-mixja ta’ konverżjoni se tagħtina l-identità ta’ poplu li jaf inissel l-ulied, m’hux poplu sterili!  Jekk aħna bħala Knisja ma nafux innisslu l-ulied, hemm xi ħaġa m’hix taħdem sew!  L-isfida l-kbira tal-Knisja l-lum hi li tkun omm: omm!  Mhux xi NGO organizzata tajba, b’ħafna pjani pastorali…  Għandna bżonnhom, bla dubju…  Imma m’huwiex dak l-essenzjali, dik hi għajnuna.  Għal xiex?  Għall-maternità tal-Knisja.  Jekk il-Knisja m’hix omm, niddejjaq ngħid li ssir mara xiħa bla tfal, imma hekk issir, mara xiħa bla tfal!  Hekk hu: m’hix għammiela.  Il-Knisja mhux biss tagħmel l-ulied, imma li tagħmel l-ulied hi l-istess identità tagħha, jiġifieri tevanġelizza, kif jgħid Pawlu VI fl-Evangelii nuntiandi.  L-identità tal-Knisja hi din: tevanġelizza, jiġifieri tagħmel l-ulied.  Tiġini f’moħħi ommna Sara, li kienet għoddha xjaħet bla tfal; naħseb f’Eliżabetta, mart Żakkarija, li xjaħet bla ma kellha tfal; naħseb f’Noemi, mara oħra li daħlet fiż-żmien bla ma kienet għadha ħalliet nisel warajha…  U dawn in-nisa sterili fl-aħħar kellhom l-ulied, kellhom nisel: il-Mulej għandu l-ħila jagħmel dan!  Imma għalhekk il-Knisja trid tagħmel xi ħaġa, trid tinbidel, trid tikkonverti biex tista’ ssir omm.  Trid tkun għammiela!  Li nagħmlu l-frott hi grazzja li aħna l-lum irridu nitolbuha lill-Ispirtu s-Santu, biex nistgħu nibqgħu mexjin fil-konverżjoni pastorali u missjunarja tagħna.  Hawn m’aħniex nitkellmu, din m’hix kwistjoni li mmorru nfittxu l-proseliti, le, le!  Li mmorru nċemplu lil dak u lill-ieħor: “Int tixtieq tidħol f’din l-assoċjazzjoni li jisimha Knisja Kattolika?…”.  Noħorġulek il-card, soċju ieħor ma’ li għandna…  Il-Knisja – qalilna Benedittu XVI – ma tikbirx bi proselitiżmu, tikber bl-attrazzjoni, bl-attrazzjoni materna, billi toffri din il-maternità tagħha; tikber bil-ħlewwa, bil-maternità, bix-xhieda li tnissel dejjem ulied ġodda.  Xjaħet naqra l-Omm tagħna l-Knisja…  Ma jaqbilx nitkellmu dwar in-“nanna” Knisja, imma xjaħet ftit…  Jeħtieġ nerġgħu nagħmluha żagħżugħa!  Jeħtieġ inżommuha żagħżugħa, imma mhux billi neħduha għand it-tabib tal-kożmetika, le!  Dan m’hux il-mod veru kif il-Knisja tibqa’ żagħżugħa, dan m’hux il-mod.  Il-Knisja ssir iżjed żagħżugħa meta jkollha l-ħila tnissel iżjed ulied; iżjed ma ssir omm, iżjed issir żagħżugħa.  Din hi l-omm tagħna, il-Knisja; u l-imħabba tagħna ta’ wlied.  Li nkunu fil-Knisja jfisser inkunu d-dar, mal-ma; id-dar mal-ma.  Dan hu l-kobor tar-Rivelazzjoni.

 

Inkunu nxejħuha… naħseb… – ma nafx kienx Don Giampiero jew il-Kardinal – li tkellem dwar ħarba mill-ħajja komunitarja, dan hu minnu: l-individwaliżmu jwassalna biex naħarbu mill-ħajja komunitarja, u dan ixejjaħha lill-Knisja.  Immorru nżuru istituzzjoni li m’għadhiex omm, tagħtina ċerta identità, bħat-tim tal-futbol: “Dawn minn dan it-tim, iżommu mal-Kattolika!”.  U dan jiġri meta jkun hemm ħarba mill-ħajja fil-komunità, il-ħarba mill-familja.  Irridu nirkupraw il-memorja, il-memorja tal-Knisja li hi poplu ta’ Alla.  Lilna llum qed jonqosna s-sens ta’ l-istorja.  Nibżgħu miż-żmien: la żmien, la mixjiet, xejn, xejn!  Kollox issa!  Qegħdin fis-saltna tal-preżent, tas-sitwazzjoni.  Dan l-ispazju biss, dan l-ispazju, dan l-ispazju, u xejn żmien.  Anki fil-komunikazzjoni: dwal, il-mument ta’ issa, mowbajl, il-messaġġ…  L-iqsar lingwaġġ possibbli, l-iżjed ridott.  Nagħmlu kollox bl-għaġla, għax sirna lsiera tas-sitwazzjoni.  Jeħtieġ nirkupraw il-memorja fis-sabar ta’ Alla, li ma kellux għaġla fl-istorja tiegħu ta’ salvazzjoni, li mexa magħna tul l-istorja, li għalina pprefera l-istorja t-twila, ta’ ħafna snin, u mexa magħna.

 

Għalissa – imbagħad nitkellem iktar tard, jekk ikolli ħin – kelma waħda ngħid: nilqgħu.  Hekk hu, nilqgħu.  U oħra li għidtu intom: ħlewwa.  L-omm timxi bi ħlewwa, taf iżżiegħel bl-ulied.  Imma meta aħna naraw lil dik jew dak l-imsejken li jmur sal-parroċċa ma’ din jew ma’ l-oħra, u ma jafx x’għandu jagħmel f’dan l-ambjent, għax il-parroċċa ma jmurx spiss, u jsib segretarja li tagħmel għalih, li tagħlaqlu l-bieb f’wiċċu: “Le, int biex tagħmel dan trid tħallas daqshekk, daqshekk u daqshekk!  U trid tagħmel dan u dan…  Ħu din il-karta u trid tagħmel hekk…”.  Dawn il-persuni mhux ħa jħossuhom li qegħdin id-dar ta’ ommhom!  Forsi jħossuhom daħlu f’xi uffiċċju, imma mhux id-dar ta’ ommhom.  U s-segretarji, l-“ostjarji” l-ġodda tal-Knisja!  Imma li tkun segretarja parrokkjali jfisser tiftaħ il-bieb tad-dar ta’ l-omm, u mhux tagħlqu!  U l-bieb tista’ tagħlqu b’ħafna modi.  Fi Buenos Aires kien hemm waħda segretarja parrokkjali famuża: kollha kienu jsejħulha l-“brimba”… m’iniex ħa ngħid iżjed!  Trid tkun taf tiftaħ il-bieb fil-mument ta’ issa: tilqa’ u timxi bi ħlewwa.

 

Anki s-saċerdoti, il-kappillani u l-viċijiet għandhom ħafna xogħol, u jien nifhem li kultant ikunu xi ftit għajjenin; imma kappillan li hu wisq bla sabar ma tantx jagħmel ġid!  Xi kultant jien nifhem, nifhem…  Darba kellha tiġi tkellimni waħda mara, umli, ħafna umli, li meta kienet żagħżugħa kienet telqet il-Knisja; issa kienet mara tal-familja, reġgħet lura fil-Knisja, u tgħidli: “Dun, jien ħallejt il-Knisja għaliex fil-parroċċa, meta kont għadni żgħira – ma nafx kinitx waslet sal-Griżma, m’iniex ċert… – ġiet mara b’tarbija magħha u talbet lill-Kappillan biex jagħtiha l-Magħmudija… – dan ħafna żmien ilu u mhux hawn Ruma, band’oħra –, u l-Kappillan qalilha iva, imma li kellha tħallas…  “Imma jien m’għandix flus!”.  “Mur id-dar, ġib dak li għandek, ġibhuli u jien ngħammidlek it-tifel”.  U dik il-mara kellmitni fil-preżenza ta’ Alla!  Dan jiġri…  Dan mhux tilqa’ tkun, dan tkun tagħlaq il-bieb!  Fil-preżent: nilqgħu, u nagħmlu hekk bil-ħlewwa.

 

U għall-futur, tama u sabar.  Nagħtu xhieda ta’ tama, nimxu ’l quddiem.  U l-familja?  Hi sabar.  Dak li jgħidilna San Pawl: stabru b’xulxin, wieħed bl-ieħor.  Nistabru b’xulxin.  Hekk hu.

 

Imma nerġgħu lura għat-test.  In-nies li tiġi għandna taf, grazzi għad-dilka ta’ l-Ispirtu s-Santu, li l-Knisja għandha f’idejha t-teżor tal-ħarsa ta’ Ġesù.  U aħna rridu noffruh lil kulħadd.  Meta jiġu għandna fil-parroċċa – forsi qed nirripeti, għax qbadt triq oħra u tbegħidt mit-test –, liema mġiba għandu jkollna?  Irridu nilqgħu dejjem lil kulħadd b’qalb kbira, bħal f’familja, u nitolbu lill-Mulej jagħmilna kapaċi nieħdu sehem fid-diffikultajiet u l-problemi li spiss l-adolexxenti u ż-żgħażagħ jħabbtu wiċċhom magħhom fil-ħajja tagħhom.

 

Irid ikollna l-qalb ta’ Ġesù, li “ra n-nies u tħassarhom, għax kienu mdejqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj” (Mt 9:36).  Ra n-nies, u tħassarhom.  Nieħu gost noħlom bi Knisja li tgħix b’din l-istess kompassjoni u ħniena ta’ Ġesù.  Kompassjoni tfisser “tbati ma’”, tħoss dak li jħossu l-oħrajn, issieħeb lill-oħrajn f’dak li qed iħossu.  Hi l-Knisja omm, bħal omm li żżiegħel b’uliedha bil-ħniena tagħha.  Knisja li għandha qalb bla ħitan, imma mhux biss qalb: anki l-ħarsa, il-ħlewwa tal-ħarsa ta’ Ġesù, li spiss kapaċi tgħid ħafna iżjed minn tant kliem.  In-nies tistenna li ssib fina l-ħarsa ta’ Ġesù, kultant mingħajr ma taf, dik il-ħarsa serena, hienja, li tidħol fil-qlub.  Imma – kif qalu r-rappreżentati tagħkom – il-parroċċa kollha kemm hi trid tkun komunità li tilqa’, mhux biss is-saċerdoti u l-katekisti.  Il-parroċċa kollha!  Tilqa’…

 

Irridu nerġgħu naħsbu fuq kemm il-parroċċi tagħna qed ikunu akkoljenti, jekk il-ħinijiet ta’ l-attivitajiet jiffaċilitawx is-sehem taż-żgħażagħ, jekk aħniex kapaċi nitkellmu bil-lingwaġġi tagħhom, li anki fl-ambjenti tagħhom (ngħidu aħna fl-isport, fit-teknoloġiji l-ġodda) naħtfu l-okkażjoni biex inħabbru l-Vanġelu.  Noħorġu sidirna b’kuraġġ biex nesploraw modalitajiet ġodda li bihom il-komunitajiet tagħna jsiru djar fejn il-bieb hu dejjem miftuħ.  Il-bieb miftuħ!  Imma importanti li wara l-akkoljenza jkun hemm proposta ċara ta’ fidi; proposta ta’ fidi wisq drabi mhux espliċita, imma li tidher fl-imġiba tagħna, fix-xhieda li nagħtu: f’din l-istituzzjoni li tissejjaħ Knisja, f’din l-istituzzjoni li tissejjaħ parroċċa, wieħed jieħu n-nifs tal-fidi, għax hi temmen fil-Mulej Ġesù.

 

Nitlobkom tistudjaw sewwa dawn il-ħwejjeġ li għidt: din is-soċjetà ltima, u nistudjaw kif nerġgħu niksbu l-memorja ta’ familja; kif nagħmlu biex fil-parroċċi tagħna jkun hemm l-imħabba, il-gratwità, biex il-parroċċa ma tkunx istituzzjoni marbuta biss mas-sitwazzjonijiet tal-mument.  Le, trid tkun storika, trid tkun mixja ta’ konverżjoni pastorali.  Biex fil-preżent tagħraf tilqa’ bi ħlewwa, u tagħraf tmexxi ’l quddiem lil uliedha bit-tama u s-sabar.

 

Jien għandi wisq għal qalbi s-saċerdoti, għax m’hix ħaġa ħafifa tkun kappillan.  Iżjed ħafifa tkun isqof milli kappillan!  Għax aħna l-isqfijiet dejjem għandna l-possibbiltà li niddistanzjaw ruħna, li ninħbew wara l-“Eċċellenza Tiegħu”, u dak jiddefendina!  Imma li tkun kappillan, meta jħabbtulek il-bieb: “Dun, din, Dun hemm u Dun hawn…”.  M’hix ħaġa ħafifa!  Meta jiġi wieħed jaqsam miegħek il-problemi tal-familja, jew meta jmut xi ħadd, jew meta jiġu għandek l-hekk imsejħa “nisa tal-Caritas” iqassu kontra l-hekk imsejħa “nisa tal-katekeżi”…  M’hux faċli tkun kappillan!

 

Imma rrid ngħid ħaġa, diġà għidtha darb’oħra: il-Knisja Taljana hi daqshekk b’saħħitha grazzi għall-kappillani!  Dawn il-kappillani li – sal-lum għandhom sistema oħra – kienu jorqdu bit-telefon fuq il-komodina u jqumu jkun x’ħin ikun biex imorru għand xi marid…  Ħadd ma kien imut mingħajr Sagramenti…  Qrib!  Kappillani qrib tan-nies!  U mbagħad?  Ħallew din il-memorja ta’ evanġelizzazzjoni…

 

Ejjew naħsbu fil-Knisja omm u ngħidulha lil din l-omm tagħna l-Knisja dak li Eliżabetta qalet lil Marija meta kienet saret omm, fl-istennija ta’ binha: “Hienja int, għax emmint!”.

 

Irridu Knisja ta’ fidi, li temmen li l-Mulej għandu l-ħila jagħmilha omm, jagħtiha tant ulied.  Ommna l-Knisja Mqaddsa.  Grazzi!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard