Il-lejla t-tajba!

 

Il-ħames navi mimlija! Tajjeb! Jidher li tixtiequ taħdmu.

 

“Il-ferħ tal-imħabba: il-mixja tal-familji f’Ruma”: din hi t-tema tal-Konvenju djoċesan tagħkom. Mhux sa nibda nitkellem fuq l-Eżortazzjoni, għax naf li ħa teżaminawha fid-diversi gruppi ta’ ħidma. Nixtieq li flimkien magħkom nerġa’ lura għal xi ideat/għodod li ħarġu matul il-mixja Sinodali, li jistgħu jgħinuna nifhmu aħjar l-ispirtu li joħroġ mill-Eżortazzjoni. Dokument li jista’ jorjenta r-riflessjonijiet u d-djalogi tagħkom u hekk “jagħmlu kuraġġ, iħeġġu u jgħinu lill-familji fit-tħabrik tagħhom u fid-diffikultajiet li jsibu ma’ wiċċhom” (AL, 4). U din il-preżentazzjoni ta’ ċerti ideat/għodod, nixtieq nagħmilha bi tliet xbihat Bibliċi li jippermettulna nidħlu f’kuntatt mal-mixja tal-Ispirtu fid-dixxerniment tal-Padri Sinodali. Tliet xbihat Bibliċi.

 

1. “Neħħi l-qorq minn riġlejk, għax il-post li inti fuqu hu art qaddisa” (Eż 3:5). Din kienet l-istedina ta’ Alla lil Mosè quddiem is-siġra tal-għollieq jaqbad. L-art li kellna naqsmu, it-temi li kellna naffrontaw fis-Sinodu, kellhom bżonn ta’ atteġġjament partikulari. Ma konniex qed nittrattaw argument kien li kien; ma kellniex quddiemna sitwazzjoni kienet li kienet. Kellna quddiemna l-uċuħ konkreti ta’ tant familji. U sirt naf li, f’xi gruppi ta’ ħidma, matul is-Sinodu, il-Padri Sinodali qasmu flimkien ir-realtà familjari tagħhom. Din li nagħtu wiċċ lit-temi – biex ngħidu hekk – kienet titlob, u titlob, klima ta’ rispett li tista’ tgħinna nisimgħu dak li Alla qed jgħidilna f’dawn is-sitwazzjonijiet tagħna. Mhux rispett diplomatiku jew politikament korrett, imma rispett mimli bi tħassib u mistoqsijiet onesti li jimmiraw lejn l-għożża tal-ħajjiet li aħna msejħin nirgħu. Kemm tista’ tgħinna meta t-temi nagħtuhom wiċċ! U kemm tgħinna li nintebħu li wara l-karti hemm wiċċ, kemm tgħinna! Teħlisna milli ngħaġġlu biex niksbu konklużjonijiet ifformulati tajjeb imma ħafna drabi xotti mill-ħajja; teħlisna milli nitkellmu fl-arja, biex nistgħu nersqu qrib u nimpenjaw ruħna ma’ persuni tad-demm u l-laħam. Tħarisna milli nideoloġizzaw il-fidi permezz ta’ sistemi mfassla tajjeb imma li jinjoraw il-grazzja. Tant drabi nsiru Pelaġjani! U dan nistgħu nagħmluh biss fi klima ta’ fidi. Hi l-fidi li twassalna biex ma negħjewx infittxu l-preżenza ta’ Alla fil-bidliet tal-istorja.

 

Kull wieħed u waħda minna kellu esperjenza ta’ familja. F’xi każi iktar minn oħrajn joħroġ ir-radd ta’ ħajr tagħna, imma kollha għexna din l-esperjenza. F’dak il-kuntest, Alla ġie jiltaqa’ magħna. Il-Kelma tiegħu ġiet għandna mhux bħala sekwenza ta’ teżijiet astratti, imma bħala sieħba fil-vjaġġ li weżnitna qalb it-tbatija, ħeġġitna fil-festa u dejjem urietna l-mira tal-mixja tagħna (AL, 22). Dan ifakkarna li l-familji tagħna, il-familji fil-parroċċi tagħna bl-uċuħ tagħhom, l-istejjer tagħhom, bil-kumplikazzjonijiet kollha tagħhom mhumiex problema, huma opportunità li Alla jqegħdilna quddiemna. Opportunità li tisfidana biex inxettlu kreattività missjunarja li kapaċi tħaddan is-sitwazzjonijiet konkreti kollha, fil-każ tagħna, tal-familji Rumani. Mhux biss ta’ dawk li jiġu jew qegħdin fil-parroċċi – din tkun ftit jew wisq ħaġa faċli –, imma nkunu nistgħu naslu għand il-familji tal-lokalitajiet tagħna, għand dawk li ma jiġux. Din il-laqgħa tisfidana biex ma naqtgħu qalbna minn xejn u minn ħadd, imma nfittxu, inġeddu t-tama tagħna f’Alla li jissokta jaġixxi fi ħdan il-familji tagħna. Tisfidana ma nabbandunaw lil ħadd għax ma jistax jasal għal dak li hu mitlub minnu. U dan iġagħalna noħorġu mid-dikjarazzjonijiet ta’ prinċipju biex nidħlu fil-qalb tħabbat tal-kwartieri Rumani u, bħal nies tas-sengħa, nagħġnu f’din ir-realtà l-ħolma ta’ Alla, ħaġa li jistgħu jagħmluha biss il-persuni ta’ fidi, dawk li ma jagħlqux it-triq għall-azzjoni tal-Ispirtu, u li jħammġu jdejhom. Li nirriflettu fuq il-ħajja tal-familji tagħna, hekk kif inhuma u kif jinsabu, jitlob minna li ninżgħu l-qorq biex niskopru l-preżenza ta’ Alla. Din hi l-ewwel xbieha Biblika. Immorru: hemm Alla, hemm. Alla li jagħti l-ħajja, Alla li jgħix, Alla li jinsab mislub… imma hu Alla.

 

2. Issa ngħaddu għat-tieni xbieha Biblika. Dik tal-Fariżew, meta hu u jitlob lil Alla qallu: “O Alla, niżżik ħajr li m’iniex bħall-bqija tal-bnedmin, ħalliela, inġusti, żienja, jew ukoll bħal dan il-pubblikan” (Lq 18:11). Waħda mit-tentazzjonijiet (ara AL, 229) li aħna kontinwament esposti għalihom hi li jkollna loġika separatista. Interessanti. Biex niddefendu ruħna, naħsbu li nkunu qed niggwadanjaw f’dik li hi identità jew ċertezza kull darba li nqisu ruħna differenti jew niżolaw ruħna mill-oħrajn, speċjalment minn dawk li qed jgħixu sitwazzjoni differenti minn tagħna. Imma l-identità ma nsibuhiex fis-separazzjoni: l-identità nsibuha fl-appartenenza. L-appartenenza tiegħi għall-Mulej: dan hu li jagħtini identità. Ma ninqatax mill-oħrajn għax mhux ħa “jniġġsuni”.

 

Inħoss li jeħtieġ immiddu pass importanti: ma nistgħux nanalizzaw, nirriflettu u wisq inqas nitolbu fuq ir-realtà bħallikieku aħna konna fuq xtut jew toroq differenti, bħallikieku konna barra mill-istorja. Ilkoll għandna bżonn nikkonvertu, ilkoll għandna bżonn noqogħdu quddiem il-Mulej u kull darba nġeddu l-patt tagħna miegħu u flimkien mal-pubblikan ngħidu: Alla tiegħi, ħenn għalija midneb! B’dan il-punt ta’ tluq, nibqgħu parti mill-istess “parti” – mhux maqtugħin, imma parti mill-istess parti – u nersqu quddiem il-Mulej b’atteġġjament ta’ umiltà u ta’ smigħ.

 

Ġustament, meta nħarsu lejn il-familji tagħna bid-delikatezza li biha jħares il-Mulej jgħinna nqiegħdu l-kuxjenzi tagħna fl-istess direzzjoni tiegħu. L-aċċent fuq il-ħniena jqegħidna quddiem ir-realtà b’mod realistiku, mhux b’realiżmu kien li kien, imma bir-realiżmu ta’ Alla. L-analiżijiet tagħna huma importanti, huma meħtieġa u jistgħu jgħinuna naslu għal realiżmu san. Imma xejn ma jista’ jitqabbel mar-realiżmu Evanġeliku, li ma jiqafx mad-deskrizzjoni tas-sitwazzjoni, tal-problematiċi – wisq inqas mad-dnub – imma dejjem imur lil hemm u jirnexxielu jara x’hemm wara kull wiċċ, kull storja, kull sitwazzjoni, opportunità, possibbiltà. Ir-realiżmu Evanġeliku jimpenja ruħu mal-persuna l-oħra, mal-oħrajn u ma jagħmilx mill-ideali jew mill-“għandek tkun” xkiel biex niltaqgħu mal-oħrajn fis-sitwazzjonijiet li fihom jinsabu. Ma jfissirx li m’aħniex nipproponu l-ideal Evanġeliku, le, ma jfissirx hekk. Bil-maqlub, jistedinna ngħixuh fl-istorja, b’dak kollu li dan iġib miegħu. U dan ma jfissirx ma nkunux ċari fid-duttrina, imma li nevitaw li naqgħu f’ġudizzji u atteġġjamenti li ma jassumux il-kumplessità tal-ħajja. Ir-realiżmu Evanġeliku jħammeġ idejh għax jaf li “qamħ u sikrana” jikbru flimkien, u l-aħjar qamħ – f’din il-ħajja – dejjem ħa ssibu mħallat ma’ xi ftit tas-sikrana. “Nifhimhom lil dawk li jippreferu pastorali iżjed riġida li ma tħallix lok għal xi għamla jew oħra ta’ konfużjoni”, nifhimhom. “Imma sinċerament nemmen li Ġesù jrid Knisja attenta għall-ġid li l-Ispirtu jxerred qalb id-dgħufijiet tagħna: Omm li, waqt li tesprimi ċar it-tagħlim oġġettiv tagħha, ‘qatt ma tgħid le għall-ġid li jista’ jsir, anzi lesta li tidħol għar-riskju li titħammeġ bit-tajn tat-triq’”. Knisja li kapaċi tagħmel tagħha “il-loġika tal-ħniena mal-persuni dgħajfa u tevita persekuzzjonijiet jew ġudizzji ħorox wisq jew bla sabar. L-Evanġelju stess jitlobna ma niġġudikawx u ma nikkundannawx (ara Mt 7:1; Lq 6:37)” (AL, 308). U hawn niftaħ parentesi. Ġiet f’idejja – intom żgur tafuha – ix-xbieha ta’ dak il-kapitell tal-Bażilika ta’ Santa Marija Maddalena f’Vézelay, fin-Nofsinhar ta’ Franza, fejn jibda l-Camino di Santiago: fuq naħa hemm Ġuda, mgħallaq, bi lsienu barra, u n-naħa l-oħra tal-kapitell hemm Ġesù r-Ragħaj it-Tajjeb li jerfgħu fuq spallejh, jieħdu miegħu. X’misteru dan! Imma dawn il-Medjevali, li kienu jgħallmu l-katekeżi bix-xbihat, kienu fehmuh il-misteru ta’ Ġuda. U Dun Primo Mazzolari għandu diskors sabiħ, f’Ħamis ix-Xirka, fuq hekk, diskors sabiħ. Hu saċerdot mhux ta’ din id-djoċesi, imma mill-Italja. Saċerdot Taljan li fehem tajjeb din il-kumplessità tal-loġika tal-Vanġelu. U dak li l-aktar li ħammeġ idejh hu Ġesù. Ġesù ħammeġ idejh l-iżjed. Ma kienx “nadif”, imma kien imur għand in-nies, qalb in-nies u kien jilqa’ lin-nies kif kienet, mhux kif kellha tkun. Nerġgħu lura għax-xbieha Biblika: “Grazzi, Mulej, għax jien mill-Azzjoni Kattolika, jew minn dik l-għaqda, jew mill-Caritas, jew minn dan jew minn dik…, u mhux bħal dawn li jgħixu fil-kwartieri u huma ħallelin u delinkwenti u…”. Dan ma jgħinx fil-pastorali!

 

3. It-tielet xbieha Biblika: “Ix-xjuħ tagħkom ikollhom ħolm profetiku” (ara Ġoel 3:1). Din kienet waħda mill-profeziji ta’ Ġoel għal żmien l-Ispirtu. Ix-xjuħ joħolmu u ż-żgħażagħ ikollhom viżjonijiet. B’din it-tielet xbieha nixtieq nagħfas fuq l-importanza li l-Padri Sinodali taw lill-valur tax-xhieda bħala mkien li fih nistgħu nsibu l-ħolma ta’ Alla u l-ħajja tal-bnedmin. F’din il-profezija nikkontemplaw realtà obbligatorja: fil-ħolm tax-xjuħ tagħna ħafna drabi hemm il-possibbiltà li ż-żgħażagħ tagħna jkollhom viżjonijiet ġodda, ikollhom mill-ġdid futur – qed naħseb fiż-żgħażagħ ta’ Ruma, tal-periferiji ta’ Ruma –, jistgħu jħarsu lejn għada, ikollhom tama. Imma jekk l-40% taż-żgħażagħ minn 25 sena ’l isfel m’għandhomx xogħol, x’tama jista’ jkollhom? Hawn Ruma. Kif ħa jsibuha t-triq? Huma żewġ realtajiet – ix-xjuħ u ż-żgħażagħ – li jmorru flimkien u li għandhom bżonn ta’ xulxin u huma marbutin ma’ xulxin. Sabiħ meta ssib miżżewġin, koppji, li bħala anzjani jibqgħu jfittxu lil xulxin, iħarsu lejn xulxin; jibqgħu jinħabbu u jagħżlu lil xulxin. Kemm hi ħaġa sabiħa meta ssib “nanniet” li fl-uċuħ tagħhom mimlijin tikmix taż-żmien juru l-ferħ li ġej mill-għażla li għamlu ta’ mħabba u għall-imħabba. Santa Marta jiġu ħafna koppji li qed jiċċelebraw 50, 60 sena miżżewġin, u anki fl-udjenzi tal-Erbgħa, u jien dejjem ngħannaqhom u nirringrazzjahom tax-xhieda li jagħtu, u nistaqsihom: “Min minnkom l-aktar li ħa paċenzja?”. U dejjem jgħiduli: “It-tnejn!”. Xi drabi, biex jiċċajta, xi ħadd minnhom jgħid: “Jien!”, imma mbagħad jgħid: “Le, le, niċċajta”. U darba ħadt tweġiba sabiħa ħafna, naħseb li kulħadd kien jaħsibha imma kien hemm koppja ilha miżżewġa sittin sena li rnexxielha tesprimiha: “Għadna ninħabbu!”. Xi ġmiel! In-nanniet li jagħtu xhieda. U jien dejjem ngħid: uruhom liż-żgħażagħ, li jegħjew malajr, li wara sentejn jew tlieta jgħidu: “Ħa nerġa’ lura d-dar”. In-nanniet!

 

Bħala soċjetà, ċaħħadna lill-anzjani mill-vuċi tagħhom – dan hu dnub soċjali ta’ żmienna! –, ċaħħadniehom mill-ispazju tagħhom; ċaħħadniehom mill-opportunità li jirrakkontawlna ħajjithom, l-istejjer tagħhom, l-esperjenzi tagħhom. Warrabniehom għall-ġenb u hekk tlifna l-għana tal-għerf tagħhom. Meta rmejniehom, irmejna l-possibbiltà li nikxfu s-sigriet li bih setgħu jibqgħu mexjin ’il quddiem. Ċaħħadna lilna nfusna mix-xhieda ta’ miżżewġin li mhux biss ipperseveraw fiż-żmien, imma li f’qalbhom jgħożżu l-gratitudni għal dak kollu li għexu (ara AL, 38).

 

Dan in-nuqqas ta’ mudelli, ta’ xhieda, dan in-nuqqas ta’ nanniet, ta’ missirijiet kapaċi jirrakkontaw ħolm, lill-ġenerazzjonijet iż-żgħar ma jħallihomx “ikollhom viżjonijiet”. U jibqgħu staġnati. Ma jħallihomx jagħmlu proġetti, ladarba l-futur iġib nuqqas ta’ ċertezza, qtigħ il-qalb, biża’. Hi biss ix-xhieda tal-ġenituri tagħhom, meta jaraw li kien possibbli jissieltu għal xi ħaġa li tiswa, li tista’ tgħinhom jgħollu ħarsithom. Kif nistgħu nippretendu li ż-żgħażagħ jgħixu l-isfida tal-familja, taż-żwieġ bħala don, jekk kontinwament jisimgħuna ngħidu li dan hu piż? Jekk irridu “viżjonijiet”, inħallu lin-nanniet tagħna jirrakkontawlna, jaqsmu magħna l-ħolm tagħhom, biex jista’ jkollna profezji għal għada. U hawn nixtieq nieqaf ftit. Din hi s-siegħa li fiha rrid nagħmel il-qalb lin-nanniet biex joħolmu. Għandna bżonn tal-ħolm tan-nanniet, u li nisimgħu dan il-ħolm. Is-salvazzjoni minn hawn tiġi. Mhux ta’ b’xejn li lil Ġesù tarbija jeħduh it-Tempju u jiġi milqugħ minn żewġ “nanniet”, li kienu rrakkuntaw il-ħolmiet tagħhom: dak ix-xwejjaħ [Xmun] kien “ħolom”, l-Ispirtu kien wiegħdu li kellu jara lill-Mulej. Din hi s-siegħa – u mhix xi metafora – din hi s-siegħa li fiha n-nanniet għandhom joħolmu. Jeħtieġ ngħinuhom joħolmu, biex jgħidulna xi ħaġa. Huma jħossuhom mormija, jekk mhux ukoll mistmerra. Fil-pjanijiet pastorali tagħna aħna nieħdu gost ngħidu: “Din hi s-siegħa tal-kuraġġ”, “din hi s-siegħa tal-lajċi”, “din hi s-siegħa…”. Imma li kieku jien kelli ngħid, din hi s-siegħa tan-nanniet! “Imma Dun, int miexi b’lura, int prekonċiljari!”. Hi s-siegħa tan-nanniet: ħallu lin-nanniet joħolmu, u ż-żgħażagħ jitgħallmu jipprofetizzaw, u jwettqu bil-qawwa tagħhom, bl-immaġinazzjoni tagħhom, bil-ħidma tagħhom, il-ħolm tan-nanniet. Din hi s-siegħa tan-nanniet. U fuq dan nixtieq ħafna li intom tieqfu tirriflettu, nixtieq ħafna.

 

Tliet xbihat biex bihom taqraw l-Amoris lætitia:

1. Il-ħajja ta’ kull persuna, il-ħajja ta’ kull familja għandha tiġi ttrattata b’ħafna rispett u ħafna għożża. Speċjalment meta nirriflettu fuq dawn il-ħwejjeġ.

2. Noqogħdu attenti li ma nħaddmux pastorali tal-ghetti u għall-ghetti.

3. Nagħtu spazju lill-anzjani biex jistgħu jerġgħu jibdew joħolmu.

 

Tliet xbihat li jfakkruna kif “il-fidi ma taqtagħniex mid-dinja, imma ddaħħalna iżjed fil-fond tagħha” (AL, 181). Mhux bħal dawk il-perfetti u bla tebgħa li jaħsbu li jafu kollox, imma bħala persuni li għarafna l-imħabba li Alla għandu għalina (ara 1 Ġw 4:16). U b’din il-fiduċja, b’din iċ-ċertezza, b’ħafna umiltà u rispett, nixtiequ nersqu lejn ħutna kollha biex ngħixu l-ferħ tal-imħabba fil-familja. B’din il-fiduċja nwarrbu l-“ħitan” “li jżommuna mbegħdin minn fejn tħabbat il-qalb tat-tbatija umana, biex nistgħu naċċettaw tabilħaqq li nidħlu f’kuntatt mal-eżistenza konkreta tal-oħrajn u nagħrfu kemm hi kbira l-qawwa tal-ħlewwa” (AL, 308). Dan jimponi fuqna li niżviluppaw pastorali tal-familja li kapaċi tilqa’, issieħeb, tiddixxerni u tintegra. Pastorali li tippermetti u tagħmel possibbli l-binja adatta biex il-ħajja fdata lilna ssib l-għajnuna li għandha bżonn biex tista’ tiżviluppa skont il-ħolma – ippermettuli r-riduzzjoniżmu – skont il-ħolma tal-“ixjeħ” wieħed: skont il-ħolma ta’ Alla. Grazzi.

 

MISTOQSIJIET U TWEĠIBIET

 

Il-Kardinal Vallini:

Issa l-Papa se jisma’ tliet mistoqsijiet li ħarġu mill-mixja bi tħejjija għall-Konvenju tagħna. L-ewwel ta’ Dun Giampiero Palmieri, Kappillan ta’ San Frumenzio.

 

Dun Giampiero Palmieri:

Santità, il-lejla t-tajba. Fl-Eżortazzjoni Evangelii gaudium, int tgħid li l-problema l-kbira ta żmienna hi “l-individwaliżmu komdu u rgħib”; u fl-Amoris lætitia tgħid li hemm bżonn noħolqu xbieki ta’ relazzjoni bejn il-familji. Tuża espressjoni li fit-Taljan ma tantx iddoqq: “il-familja wiesgħa”. Familja wiesgħa, xbieki ta’ relazzjonijiet bejn il-familji, mhux biss fil-Knisja imma anki fis-soċjetà, fejn l-iżjed ċkejknin, l-iżjed foqra, in-nisa waħidhom, l-anzjani jistgħu jiġu milqugħa. Hemm bżonn tar-rivoluzzjoni tal-ħlewwa, fraternità mistika. Isma’, anki aħna fil-komunitajiet tagħna nħossuha l-marda tal-individwaliżmu; anki aħna wlied dan iż-żmien. Allura neħtieġu l-għajnuna biex noħolqu din ix-xibka ta’ relazzjoni bejn il-familji, li għandha l-ħila tkisser l-għeluq biex nerġgħu nsibu fejn aħna. Forsi dan jista’ jfisser nibdlu tant affarijiet fil-parroċċi tagħna, tant affarijiet li forsi maż-żmien saru parti mill-istrutturi tagħna: ostilità, firdiet, rabja antika għal xulxin. Din hi l-mistoqsija.

 

Il-Papa Franġisku:

Hu minnu li l-individwaliżmu sar ir-rotta ta’ din il-kultura. U dan l-individwaliżmu għandu ħafna ismijiet, ħafna ismijiet b’għeruq egoistiċi: ifittxu dejjem lilhom infushom, ma jħarsux lejn l-ieħor, ma jħarsux lejn il-familji l-oħra… Xi kultant naslu għal veri kefrijiet pastorali. Ngħidu aħna, ħa nitkellem mill-esperjenza tiegħi stess meta kont Buenos Aires: fi djoċesi fil-qrib, xi kappillani ma ridux jgħammdu t-trabi ta’ tfajliet-ommijiet. Imma ara naqra! Qishom kienu annimali. U dan hu individwaliżmu. “Le, aħna l-perfetti, din hi t-triq…”. Hu individwaliżmu li jfittex ukoll il-pjaċir, hu edonista. Kont ħa ngħid kelma oħra iktar qawwija, imma ħa npoġġiha bejn il-virgoletti: dak il-“misħut benessri” li għamlilna tant ħsara. Il-benessri. Illum fl-Italja r-rata tat-twelid niżlet b’mod terribbli: jidhirli taħt iz-zero. Imma dan beda b’dik il-kultura tal-benessri, minn xi għaxriet ta’ snin ilu… Iltqajt ma’ ħafna familji li kienu jippreferu – imma nitlobkom, takkużawanix, intom li intom favur id-drittijiet tal-annimali, għax ma rrid inweġġa’ lil ħadd – kienu jippreferu li jkollhom żewġt iqtates jew tlieta, kelb, milli l-ulied. Għax li jkollok tifel jew tifla mhix ħaġa ħafifa, u mbagħad, biex trabbih… Imma l-ikbar sfida ta’ tifel jew tifla hi li int iġġib fid-dinja persuna li ssir libera. Il-kelb, il-qattus, iħobbuk, imma l-imħabba tagħhom hi “pprogrammata”, sa ċertu punt, mhix libera. Int għandek iben, żewġt ulied, tlieta, erbgħa, li jkunu liberi, u fil-ħajja jridu jgħixu bir-riskji li ġġib magħha. Din hi l-isfida li tbeżżagħna: il-libertà. U lura għall-individwaliżmu: jien nemmen li aħna nibżgħu mil-libertà. Anki fil-pastorali: “Imma x’jgħidu jekk nagħmel hekk?… U tista’?…”. U nibżgħu. Imma int tibża’: tirriskja! Fil-mument li fih tinsab hemm, u trid tiddeċiedi, irriskja! Jekk tiżbalja, hemm il-konfessur, hemm l-isqof, imma int irriskja! Bħal dak il-Fariżew: il-pastorali tal-idejn indaf, kollox nadif, kollox f’postu, kollox sabiħ. Imma barra minn dan l-ambjent, kemm miżerja, kemm tbatija, kemm faqar, kemm nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ żvilupp! Hu individwaliżmu edonista, hu individwaliżmu li jibża’ mil-libertà. Hu individwaliżmu – ma nafx jekk il-grammatika Taljana hix perfetta – ħa ngħid hekk “ingaġġanti”: iqiegħdek ġo gaġġa, ma jħallikx ittir ħieles.

 

U mbagħad, il-familja wiesgħa. Dan hu minnu, hi kelma li mhux dejjem iddoqq tajjeb, imma skont il-kulturi; jien l-Eżortazzjoni ktibtha bl-Ispanjol… Ngħidu aħna, jien iltqajt ma’ familji… Propju l-aħħar darba, ġimgħa jew tnejn ilu, ġie jippreżenta l-kredenzjali tiegħu l-Ambaxxatur ta’ pajjiż. Kien hemm l-Ambaxxatur, il-familja u s-sinjura li minn ħafna snin ilu ilha tnaddaf id-dar tagħhom: din hi familja wiesgħa. U din il-mara kienet meqjusa ta’ ġewwa: mara waħidha, u mhux biss kienu jħallsuha tajjeb, kienu jħallsuha kif suppost, imma meta messhom jiġu għand il-Papa biex jippreżentaw il-kredenzjali: “Int ejja magħna, għax int ta’ ġewwa”. Dan hu eżempju. Hekk ifisser tagħti post lin-nies. U fost in-nies sempliċi, bis-sempliċità tal-Vanġelu, dik is-sempliċità twajba, hemm eżempji bħal dan, li nwessgħu l-familja…

 

U mbagħad il-kelma-muftieħ l-oħra li għidt int, barra l-individwaliżmu, barra l-biża’ mil-libertà u r-rabta mal-pjaċir, int semmejt kelma oħra: il-ħlewwa. Hi ż-żegħila ta’ Alla, il-ħlewwa. Darba, waqt Sinodu, ħareġ dan il-kliem: “Jeħtieġ nagħmlu r-rivoluzzjoni tal-ħlewwa”. U xi Padri – snin ilu – qalu: “Imma ma nistgħux ngħidu hekk, xejn ma ddoqq tajjeb”. Imma llum nistgħu ngħiduha: hi nieqsa l-ħlewwa, nieqsa l-ħlewwa. Inżiegħlu mhux biss bit-tfal, bil-morda, imma nżiegħlu b’kulħadd, il-midinbin… U għandna eżempji tajbin, ta’ ħlewwa… Il-ħlewwa hi lingwaġġ li jgħodd għaċ-ċkejknin nett, għal dawk li m’għandhom xejn: tarbija tagħraf lil missierha u lil ommha min kif iżiegħlu biha, imbagħad mill-vuċi, imma dejjem mill-ħlewwa tagħhom. Nieħu gost nisma’ missier jew omm ikellmu lit-tarbija tagħhom li għadha kemm bdiet titkellem, anki l-missier u l-omm li jsiru qishom tfal [jimita], jitkellmu hekk… Kollha għaddejna minn dan, le? Din hi l-ħlewwa. Tfisser li nitbaxxa għal-livell tal-ieħor. Hi t-triq li mexa Ġesù. Ġesù ma qisux xi privileġġ li kien Alla: tbaxxa (ara Fil 2:6-7). U tkellem bil-lingwa tagħna, tkellem bil-ġesti tagħna. U t-triq ta’ Ġesù hi t-triq tal-ħlewwa. Araw: l-edoniżmu, il-biża’ mil-libertà, dan hu l-individwaliżmu ta’ żmienna. Jeħtieġ noħorġu u ngħaddu mit-triq tal-ħlewwa, tas-smigħ, tat-tisħib, bla ma noqogħdu nistaqsu ħafna… Iva, b’dan il-lingwaġġ, b’dan l-atteġġjament jikbru l-familji: hemm il-familja ċkejkna, imbagħad il-familja kbira tal-ħbieb u ta’ dawk li jiġu… Ma nafx jekk weġibtekx, imma jidhirli li iva, hekk ġieni li ngħid.

 

(It-tieni mistoqsija)

Santità, il-lejla t-tajba. Nerġa’ lura fuq argument li int diġà aċċennajt għalih. Aħna nafu li bħala komunitajiet Insara ma rridux nirrinunċjaw għall-esiġenzi radikali tal-Vanġelu tal-familja: iż-żwieġ bħala Sagrament, l-indissolubbiltà, il-fedeltà taż-żwieġ; u min-naħa l-oħra, li nilqgħu kollna ħniena s-sitwazzjonijiet kollha, anki dawk l-iżjed diffiċli. Kif nevitaw li fil-komunitajiet tagħna tinħoloq morali doppja, waħda esiġenti u l-oħra permessiva, waħda rigorista u l-oħra laxkista?

 

Il-Papa Franġisku:

L-ebda mit-tnejn mhi verità: la r-rigoriżmu u lanqas il-laxkiżmu mhu verità. Il-Vanġelu jagħżel triq oħra. Għalhekk, dawk l-erba’ kelmiet – nilqgħu, insieħbu, nintegraw, niddixxernu – bla ma ndeffsu mneħirna fil-ħajja morali tan-nies. Għas-serħan il-moħħ tagħkom, irrid ngħidilkom li dak kollu li hemm miktub fl-Eżortazzjoni – u nerġa’ naqbad kliem teologu kbir li kien Segretarju tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, il-Kardinal Schönborn, li ppreżentaha – hu kollu tomista, mill-bidu sat-tmiem. Hi d-duttrina ċerta. Imma aħna ħafna drabi rridu li d-duttrina ċerta jkollha dik iċ-ċertezza matematika li ma teżistix, la bil-laxkiżmu, tal-komma wiesgħa, lanqas bir-riġidità. Ejja naħsbu f’Ġesù: l-istorja hi l-istess, tirrepeti ruħha. Ġesù, meta kien jitkellem man-nies, in-nies kienet tgħid: “Dan ma jitkellimx bħall-imgħallmin tal-liġi tagħna, jitkellem bħal wieħed li għandu l-awtorità” (ara Mk 1:22). Dawn l-imgħallmin kienu jafuha l-liġi, u għal kull każ kellhom liġi speċifika, biex fl-aħħar jaslu għal xi 600 preċett. Kollox irregolat, kollox. U l-Mulej – il-korla ta’ Alla jien naraha f’dak il-kapitlu 23 ta’ Mattew, terribbli dak il-kapitlu – fuq kollox lili jimpressjonani meta jitkellem dwar ir-raba’ kmandament u jgħid: “Imma intom, li flok ma tagħtu x’jieklu lill-ġenituri anzjani tagħkom, tgħidulhom: ‘Le, għamilt il-wegħda, aħjar l-altar minnkom’, tkunu tikkontradixxu ruħkom” (ara Mk 7:10-13). Ġesù hekk kien, u ġie kkundannat b’mibegħda, għax dejjem kienu jagħmlulu n-nases quddiemu: “Tista’ tagħmel hekk jew ma tistax?”. Naħsbu fix-xena tal-adultera (ara Ġw 8:1-11). Hemm miktub: għandha tiġi mħaġġra. Hekk tgħid il-morali. Hi ċara. U mhux riġida, din mhix riġida, hi morali ċara. Għandha tiġi mħaġġra. Għaliex? Għall-qdusija taż-żwieġ, il-fedeltà. Ġesù hu ċar f’dan. Il-kelma hi adulterju. Ċara. U Ġesù jagħmilha xi ftit tat-trux, iħalli l-ħin jgħaddi, jikteb fit-trab… U mbagħad jgħidilhom: “Ibdew: l-ewwel fostkom li hu bla dnub, iwaddab l-ewwel ġebda”. Hemm Ġesù naqas kontra l-liġi. Telqu, ibda mill-ixjeħ fosthom. “Mara, ħadd ma kkundannak? Lanqas jien”. X’inhi l-morali? Hi li tiġi mħaġġra. Imma Ġesù jonqos, naqas kontra l-morali. Dan iġagħalna naħsbu li ma tistax titkellem fuq “riġidità”, fuq iċ-“ċertezza”, li tkun matematiku fil-morali, bħala l-morali tal-Vanġelu.

 

Imbagħad, inkomplu bin-nisa: meta dik is-sinjura jew sinjorina [is-Samaritana, ara Ġw 4:1-27], ma nafx x’kienet, bdiet tagħmilha xi ftit tal-“katekista” u tgħidlu: “Imma lil Alla rridu nqimuh fuq din il-muntanja jew fuq dik?…”. Ġesù qalilha: “U żewġek?…”. “M’għandix żewġi”. “Għidt is-sewwa”. U fil-fatt hi kellha tant medalji ta’ adulterju, tant “onorifiċenzi”… U safrattant kienet hi, qabel ġiet maħfura, kienet l-“appostlu” tas-Samarija. U allura x’għandna nagħmlu? Immorru għall-Vanġelu, immorru għand Ġesù! Dan ma jfissirx narmu l-ilma maħmuġ bit-tarbija b’kollox, le, le. Dan ifisser infittxu l-verità; u li l-morali hi att ta’ mħabba, dejjem: imħabba lejn Alla, imħabba lejn il-proxxmu. Hi wkoll att li jħalli spazju għall-konverżjoni tal-ieħor, ma jikkundannax dritt, iħalli spazju.

 

Darba – hawn ħafna qassisin, hawn, imma skużawni – il-predeċessur tiegħi, le, l-ieħor, il-Kardinal Aramburu, li miet wara l-predeċessur tiegħi, meta jien kont ġejt maħtur Arċisqof, tani parir: “Meta tara saċerdot xi ftit inċert, jiżloq, int għajjatlu u għidlu: ‘Ejja ħa nitkellmu ftit, qaluli li int tinsab f’din is-sitwazzjoni, kważi ħajja doppja, ma nafx…’; u int tara kif dak is-saċerdot jibda jgħidlek: ‘Le, mhux veru, le…’; int waqqfu u għidlu: ‘Ismagħni: mur id-dar, aħsibha, u erġa’ ejja ħmsitax oħra, u nerġgħu nitkellmu’; u f’dawk il-ħmistax dak is-saċerdot – hekk kien jgħidli hu – kellu ż-żmien jaħseb, jerġa’ jaħsibha quddiem Ġesù u jiġi lura: ‘Iva, veru. Għinni!’”. Dejjem trid iż-żmien. “Imma, Dun, dak il-qassis għex, u ċċelebra l-Quddiesa, fid-dnub il-mejjet f’dawk il-ħmistax, hekk tgħid il-morali, u int xi tgħid?”. X’l-aħjar? X’kien l-aħjar? Li l-Isqof għax qalbu tajba tah ħmistax biex jerġa’ jaħsibha, bir-riskju li jiċċelebra l-Quddiesa fid-dnub il-mejjet, aħjar hekk jew il-mod l-ieħor, il-morali riġida? U dwar il-morali riġida, se ngħidilkom fatt li assistejt għalih jien stess. Meta konna studenti tat-Teoloġija, l-eżami biex inqarru “ad audiendas” kienu jsejħulu kien isir fit-tielet sena, imma aħna, tat-tieni sena, kellna l-permess immorru nassistu biex nipprepraw ruħna; u darba, lil wieħed ħabib tagħna ressqulu każ, ta’ persuna li tmur tqerr, imma każ veru kumpless, dwar is-seba’ kmandament, “de justitia et jure”; imma kien propju każ tant irreali…; u dan il-ħabib, li kien persuna normali, qal lill-professur: “Imma, Dun, din ma tiġrix fil-ħajja normali” – “Veru, imma fil-kotba qiegħda!”. Dan rajtu b’għajnejja.

 

(It-tielet mistoqsija)

Santità, il-lejla t-tajba. Kull fejn immorru, illum nisimgħu lil min jitkellem fuq kriżi fiż-żwieġ. U allura ridt nistaqsik: X’nistgħu nagħmlu llum biex nedukaw liż-żgħażagħ fl-imħabba, b’mod partikulari lejn iż-żwieġ sagrament, u nirbħu r-reżistenzi, ix-xettiċiżmu, id-diżillużjonament, il-biża’ tagħhom minn dak li hu defenittiv? Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku:

Ħa naqbad mal-aħħar kelma tiegħek: aħna qed ngħixu f’kultura tal-proviżorju. Wieħed isqof, smajt lil min jgħid, xi xhur ilu, ġie quddiemu żagħżugħ li kien għadu kemm temm l-istudji universitarji, żagħżugħ bravu, u qallu: “Jien nixtieq insir saċerdot, imma għal għaxar snin”. Hi l-kultura tal-proviżorju. U dan qed jiġri kullimkien, anki fil-ħajja saċerdotali, fil-ħajja reliġjuża. Il-proviżorju. U għalhekk parti miż-żwiġijiet sagramentali tagħna huma nulli, għax huma [il-miżżewġin] jgħidu: “Iva, għall-ħajja kollha”, imma ma jafux x’inhuma jgħidu, għax għandhom kultura oħra. Jgħiduh, u jkollhom rieda tajba, imma ma jkollhomx l-għarfien tal-ħaġa. Darba, waħda sinjura fi Buenos Aires ċanfritni: “Intom il-qassisin moħħkom jilħqilkom, għax biex issiru saċerdoti tistudjaw għal tmien snin, u mbagħad, jekk l-affarijiet imorru ħażin u l-qassis isib tfajla togħġbu… fl-aħħar tagħtuh il-permess jiżżewweġ u jibni familja. U lilna l-lajċi, li rridu nagħmlu s-sagrament għal ħajjitna kollha u hu indissolubbli, jagħmlulna erba’ konferenzi, u dan għal ħajjitna kollha!”. Għalija, waħda mill-problemi hi din: it-tħejjija għaż-żwieġ.

 

U mbagħad il-kwistjoni hi marbuta ħafna mal-fatt soċjali. Niftakar, ċempilt – hawn l-Italja, is-sena l-oħra – ċempilt lil żagħżugħ li kont sirt nafu żmien ilu Ciampino, u kien sa jiżżewweġ. Ċempiltlu u għidtlu: “Ommok qaltli li ħa tiżżewweġ ix-xahar id-dieħel… Fejn se tiżżewweġ?…” – “Ma nafux, għax qed infittxu knisja li tkun adatta għal-libsa tat-tieġ tal-għarusa tiegħi… U mbagħad fadlilna nagħmlu ħafna affarijiet: il-konfetti, u mbagħad ristorant li ma jkunx imbiegħed…”. Dawn huma l-preokkupazzjonijiet! Fatt soċjali. Kif nibdluh dan? Ma nafx. Fatt soċjali fi Buenos Aires: jien ma ħallejthomx jagħmlu żwiġijiet reliġjużi, fi Buenos Aires, fil-każi li aħna nsejħulhom “matrimonios de apuro”, żwiġijiet “mgħaġġla” [biex jgħattu], meta tkun ġejja tarbija. Issa qed jinbidlu l-affarijiet, imma hemm dan: soċjalment kollox irid ikun f’postu, ġejja tarbija, allura niżżewġu. Jien dan ma ħallejthomx jagħmluh, għax ma jkunux liberi, ma jkunux liberi! Forsi jinħabbu. U rajt każi ħelwin, fejn imbagħad, wara sentejn jew tlieta, iżżewġu, u rajthom deħlin il-knisja: omm, missier, u t-tifel jaqbdilhom idejhom. Imma kienu jafu sew x’qed jagħmlu. Il-kriżi taż-żwieġ hi għaliex ma nafux x’inhu s-sagrament, il-ġmiel tas-sagrament: ma nafux li hu indissolubbli, ma nafux li hu għal ħajjitna kollha. Diffiċli. Esperjenza oħra li kelli fi Buenos Aires: il-kappillani, meta kienu jagħmlu l-korsijiet ta’ tħejjija, kien ikun hemm dejjem xi tnax sa tlettax-il koppja, mhux iżjed, ma jaslux għal iżjed minn tletin persuna. L-ewwel mistoqsija li kienu jagħmlu: “Kemm minnkom diġà qed jgħixu flimkien?”. Il-parti l-kbira kienu jgħollu jdejhom. Jippreferu jgħixu flimkien, u din hi sfida, titlob xogħol kbir. Ma jgħidulhomx mill-ewwel: “Għaliex ma tiżżewwiġx fil-knisja?”. Le. Jakkumpanjawhom: jistennewhom jimmaturaw. U jimmaturaw fil-fedeltà. Fil-kampanja Arġentina, fiz-zona tal-grigal, hemm superstizzjoni: jekk l-għarajjes għandhom tarbija, jikkonvivu. Fil-kampanja hekk jiġri. Imbagħad, meta t-tifel jasal biex imur l-iskola, jiżżewġu ċivilment. U mbagħad, bħala nanniet, jagħmlu ż-żwieġ reliġjuż. Hi superstizzjoni, għax jgħidu li jekk jiżżewġu dritt bil-knisja, lir-raġel ibeżżgħuh! Irridu niġġieldu anki kontra dawn is-superstizzjonijiet. Madankollu ngħidilkom verament li rajt ħafna fedeltà f’dawn il-konvivenzi, ħafna fedeltà; u jiena ċert li dan hu żwieġ veru, għandhom il-grazzja taż-żwieġ, propju minħabba l-fedeltà li għandhom. Imma hemm superstizzjonijiet lokali. Hi l-pastorali l-iżjed iebsa, dik taż-żwieġ.

 

U mbagħad, il-paċi fil-familja. Mhux biss meta jiddiskutu bejniethom, u l-parir hu dejjem li ma nispiċċawx il-ġurnata bla ma nagħmlu paċi, għax il-gwerra bierda tal-ġurnata ta’ wara hi agħar. Hi agħar, iva, hi agħar. Imma meta jindaħlu l-ġenituri, il-kunjati, għax mhux faċli tkun kunjatu jew kunjata! Mhux faċli. Smajt ħaġa sabiħa, li lin-nisa ħa togħġobhom: meta mara mill-ekografija tisma’ li ħarġet tqila b’tifel, minn dak il-ħin stess tibda tistudja biex issir kunjata!

 

Lura għas-serjetà: it-tħejjija għaż-żwieġ, hemm irridu naħdmu billi nkunu qribhom, bla biża’, bil-mod. Hi mixja ta’ konverżjoni, ħafna drabi. Hemm, hemm żgħażagħ li huma safja, għandhom imħabba kbira u jafu x’qed jagħmlu. Imma dawn huma l-ftit. Il-kultura tal-lum tippreżentalna dawn iż-żgħażagħ, huma tajbin, u jeħtieġ noqorbu lejhom u nakkumpanjawhom, nakkumpanjawhom, sal-mument tal-maturità. U hemm li jersqu għas-sagrament, imma hienja, hienja! Trid ħafna sabar, ħafna sabar. Hu l-istess sabar li trid għall-pastorali tal-vokazzjonijiet. Tisma’ l-istess affarijiet, tisma’: l-appostolat tal-widna, tisma’, issieħeb… Ma nibżgħux, nitlobkom, ma nibżgħux. Ma nafx jekk weġibtekx, imma qed inkellmek mill-esperjenza, minn dak li għext jien bħala kappillan.

 

[Fl-aħħar]

 

Grazzi ħafna u itolbu għalija!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard