Sinjuri Kardinali,

għeżież ħuti isqfijiet u saċerdoti,

ħuti,

 

Insellem lil kull wieħed u waħda minnkom u nirringrazzjakom minn qalbi tal-kollaborazzjoni tagħkom fl-attenzjoni li turi s-Santa Sede għall-ministri ordnati u l-ħidma pastorali tagħhom.  Nirringrazzja lill-Kardinal Beniamino Stella għall-kelmtejn li bihom fetaħ din il-laqgħa.  Dak li nixtieq ngħidilkom il-lum idur ma’ tliet temi, li jikkorrispondu mal-finalitajiet u l-attivitajiet ta’ dan id-Dikasteru: vokazzjoni, formazzjoni, evanġelizzazzjoni.

 

Nerġa’ naqbad l-immaġni tal-Vanġelu ta’ Mattew, għax nieħu gost inqabbel is-sejħa għall-ministeru ordnat mat-“teżor moħbi f’għalqa” (13:44).  Hu tassew teżor li Alla sa minn dejjem qiegħed fil-qalb ta’ xi bnedmin, minnU magħżula u msejħa biex jimxu warajh f’dan l-istat speċjali ta’ ħajja.  Dan it-teżor, li hemm bżonn jiġi mikxuf u miġjub għad-dawl, m’hux magħmul biex “jistagħna” minn fuqu biss xi ħadd.  Min hu msejjaħ għall-ministeru m’hux “sid” tal-vokazzjoni tiegħu, imma amministratur ta’ don li Alla fdalu għall-ġid tal-poplu kollu, anzi, tal-bnedmin kollha, anki ta’ dawk li tbiegħdu mill-prattika reliġjuża jew ma jistqarrux il-fidi fi Kristu.  Fl-istess waqt, il-komunità Nisranija hi ħarriesa tat-teżor ta’ dawn il-vokazzjonijiet, iddestinati għall-qadi tagħha, u għandha tħossha dejjem iżjed fid-dmir li tippromovihom, tilqagħhom u sseħibhom bi mħabba.

 

Alla ma jieqaf qatt isejjaħ lil xi wħud biex jimxu warajh u jaqduh fil-ministeru ordnat.  Anki aħna, imma, jeħtieġ nagħmlu l-parti tagħna, permezz tal-formazzjoni, li hi t-tweġiba tal-bniedem, tal-Knisja għad-don ta’ Alla, dak id-don li Alla jagħmlilha permezz tal-vokazzjonijiet.  Hawn qed nitkellmu fuq li nħarsu u nrawmu l-vokazzjonijiet, biex jagħmlu frott tajjeb fi żmienu.  Huma “djamant għadu mhux maħdum”, li rridu nonġruh b’attenzjoni, b’rispett lejn il-kuxjenza tal-persuni u sabar, biex dawn jibbrillaw qalb il-poplu ta’ Alla.  Għalhekk il-formazzjoni m’hix att unilaterali, li bih xi ħadd jittrasmetti kunċetti, teoloġiċi jew spiritwali.  Ġesù, lil dawk li sejħilhom, ma qalilhomx: “Ejja, issa nispjegalek”, “imxi warajja, ħa ngħallmek”: le!; min-naħa l-oħra, il-formazzjoni li jagħti Kristu lid-dixxipli tiegħu seħħet permezz ta’ “ejja warajja”, “agħmel kif nagħmel jien”, u dan hu l-metodu li anki l-lum il-Knisja tixtieq tadotta għall-ministri tagħha.  Il-formazzjoni li fuqha hekk nitkellmu hi esperjenza ta’ dixxiplu, li tressaqna lejn Kristu u tippermettilna li nitwaħħdu dejjem iżjed miegħU.

 

Propju għalhekk, din ma tistax tkun ħidma li xi darba tiskadi, għax is-saċerdoti ma jieqfu qatt ikunu dixxipli ta’ Ġesù, li jimxu warajh.  Xi kultant nimxu mgħaġġlin, drabi oħra l-pass tagħna jkun inċert, nieqfu u nistgħu anki naqgħu, imma dejjem nibqgħu mexjin.  Għalhekk, il-formazzjoni fid-dixxipulat issieħeb il-ħajja kollha tal-ministru ordnat u tolqot il-persuna sħiħa tiegħu, intellettwalment, umanament u spiritwalment.  Il-formazzjoni tal-bidu u dik permanenti huma distinti minn xulxin għax jitolbu modalitajiet u żminijiet differenti, imma huma ż-żewġt uċuħ ta’ realtà waħda, il-ħajja tad-dixxiplu kjeriku, innamrat mill-Mulej tiegħu u miexi kontinwament warajh.

 

Mixja ta’ skoperta u valorizzazzjoni tal-vokazzjoni bħalma hi din għandha għan preċiż: l-evanġelizzazzjoni.  Kull vokazzjoni qiegħda hemm għall-missjoni u l-missjoni tal-ministri ordnati hi l-evanġelizzazzjoni, f’kull xejra tagħha.  Hi titlaq qabel xejn minn dak li “jien”, biex imbagħad tinbidel f’dak li “nagħmel”.  Is-saċerdoti huma magħqudin flimkien fi fraternità sagramentali, u għalhekk l-ewwel forma ta’ evanġelizzazzjoni hi x-xhieda tal-fraternità u tal-komunjoni bejniethom u ma’ l-Isqof tagħhom.  Minn komunjoni bħal din jista’ joħroġ żelu missjunarju qawwi, li jeħles lill-ministri ordnati mit-tentazzjoni komda li jkunu iżjed moħħhom fil-kunsens ta’ l-oħrajn u f’li jkunu sew huma, milli mħeġġa mill-karità pastorali, għax-xandir tal-Vanġelu, sa l-aktar turf imbiegħda.

 

F’din il-missjoni ta’ evanġelizzazzjoni, il-presbiteri huma msejħa jikbru fl-għarfien tagħhom infushom bħala rgħajja, mibgħuta biex ikunu qalb il-merħla tagħhom, biex jagħmlu preżenti lill-Mulej permezz ta’ l-Ewkaristija u biex iqassmu l-ħniena tiegħu.  Irridu “inkunu” qassisin, u mhux nillimitaw ruħna għal li “nagħmluha” ta’ qassisin, u nkunu ħielsa minn kull mondanità spiritwali, konxji li hi ħajjitna li qed tevanġelizza, qabel l-istess opri li nagħmlu.  Kemm hi ħaġa sabiħa tara saċerdoti ferħana fil-vokazzjoni tagħhom, b’bħal serenità fil-qalb tagħhom, li tweżinhom anki fil-mumenti ta’ għeja u niket!  U dan ma jista’ jseħħ qatt jekk mhux bit-talb, dak tal-qalb, dak id-djalogu mal-Mulej… li, biex ngħidu hekk, hu l-qalb tal-ħajja saċerdotali.  Għandna bżonn ta’ saċerdoti, naqsu l-vokazzjonijiet.  Il-Mulej isejjaħ, imma dan m’hux biżżejjed.  U aħna l-isqfijiet għandna t-tentazzjoni li naċċettaw mingħajr dixxerniment ta’ xejn liż-żgħażagħ li jersqu quddiemna.  Dan hu ħażin għall-Knisja!  Jekk jogħġobkom, jixraq nistudjaw tajjeb il-mixja ta’ vokazzjoni!  Neżaminaw tajjeb jekk hix ġejja mill-Mulej, jekk dak ir-raġel hux mentalment b’saħħtu, jekk dak ir-raġel hux ibbilanċjat, jekk dak ir-raġel hux kapaċi jagħti l-ħajja, jevanġelizza, jekk dak ir-raġel hux kapaċi jifforma familja imma lest jiċċaħħad minn dan biex jimxi wara Ġesù.  Il-lum għandna wisq problemi, u f’ħafna djoċesijiet, minħabba f’dan l-iżball ta’ xi isqfijiet li, għax għandhom bżonn tal-qassisin, jaċċettaw lil dawk li jiġu għandhom, xi drabi mkeċċija minn seminanarji jew minn djar reliġjużi.  Nitlobkom!  Irridu naħsbu fil-ġid tal-poplu ta’ Alla.

 

Għeżież ħuti, it-temi li qed tittrattaw f’dawn il-jiem ta’ Assemblea huma rilevanti ħafna.  Vokazzjoni kkurata permezz ta’ formazzjoni permanenti, fil-komunjoni, issir għodda qawwija ta’ evanġelizzazzjoni, għas-servizz tal-poplu ta’ Alla.  Il-Mulej idawlilkom ħsiebkom fir-riflessjonijiet tagħkom, u sseħibkom ukoll il-barka tiegħi.  U nitlobkom, itolbu għalija u għas-servizz tiegħi lill-Knisja.  Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard