Għeżież ħuti,

Qed nitlaqa’ magħkom fi tmiem ix-xogħol tas-sessjoni plenarja li kelkom; insellmilkom minn qiegħ qalbi u rrodd ħajr lill-Kardinal Prefett għall-kliem ta’ kortesija li ndirizzali.

Ninsabu fis-Sena Mqaddsa tal-Ġublew tal-Ħniena.  Nittama li f’dal-Ġublew il-membri kollha tal-Knisja jġeddu l-fidi tagħhom f’Ġesù Kristu li hu l-wiċċ tal-ħniena tal-Missier, it-triq li tgħaqqad lil Alla u l-bniedem.  Għalhekk il-ħniena hi l-blata li fuqha tistrieħ il-ħajja tal-Knisja: l-ewwel verità tal-Knisja, infatti hija l-imħabba ta’ Kristu.

Allura kif jista’ jkun li ma nixtiqux li l-poplu Nisrani kollu – rgħajja u fidili – jiskopru mill-ġdid u, matul il-Ġublew, jerġgħu jqiegħdu fiċ-ċentru l-opri tal-ħniena tal-ġisem u tar-ruħ?  U meta, fl-għabex tal-ħajja, niġu mistoqsija jekk tajniex jiekol lil min kien bil-ġuħ u xorb lil min hu bil-għatx, niġu nistoqsija wkoll jekk għenniex lil  xi persuni joħorġu mid-dubju, jekk impenjajniex ruħna biex nilqgħu lill-midinbin, billi wissejniehom jew ikkoreġejniehom, jekk kellniex ħila nikkumbattu l-injoranza, fuq kollox dik dwar il-fidi Nisranija u l-ħajja tajba.  Din l-attenzjoni lejn l-opri tal-ħniena hija importanti: dawn mhumiex devozzjoni.  Hi l-konkretezza ta’ kif l-Insara għandhom imexxu ‘l quddiem l-ispirtu tal-ħniena.  Darba waħda, matul dawn is-snin, fis-sala Pawlu VI mimlija bin-nies, iltqajt ma’ moviment importanti ħafna.  U tkellimt dwar l-opri tal-ħniena.  Waqaft, u staqsejt: “Min minnkom jiftakar sewwa liema huma l-opri tal-ħniena tar-ruħ u tal-ġisem?  Min jiftakarhom, jerfa’ idu.”  Ma kienx hemm aktar minn sebgħa, f’sala fejn kien hemm 7000 ruħ.  Jeħtieġ li dan, li hu tant importanti, nerġgħu nibdew ngħallmuh lill-fidili.

Bil-fidi u bil-karità aħna nuru relazzjoni ta’ għarfien u ta’ għaqda mal-misteru tal-Imħabba, li hi Alla nnifsu.  U minkejja li Alla jibqa’ misteru fih innifsu, il-ħniena ta’ Alla saret effettiva f’Ġesù, ħniena effettiva għaliex Hu sar bniedem għas-salvazzjoni tal-bnedmin.  F’dan isib il-pedament aħħari tiegħu u l-ġustifikazzjoni li tixraqlu x-xogħol li għandkom bħala Dikasteru.  Infatti, il-fidi Nisranija mhix biss għarfien li rridu nikkonservawh fil-memorja, imma verità li rridu ngħejxuha fl-imħabba.  Għalhekk, flimkien mad-duttrina tal-fidi, hemm bżonn inħarsu wkoll l-integrità tal-użanzi, partikolarment fl-ambiti delikati tal-ħajja.  Li nwaħħdu l-fidi mal-persuna ta’ Kristu jimplika kemm l-att tar-raġuni kif ukoll it-tweġiba morali għar-rigal tiegħu.  Rigward dan, irroddilkom ħajr għall-impenn tagħkom u għar-responsabbiltà li ġġorru meta tkunu qed tittrattaw każi ta’ abbuż fuq il-minuri minn kjeriċi.

Il-ħarsien tal-integrità tal-fidi u tal-użamzi hija biċċa xogħol delikata.  Biex din il-missjoni titwettaq tajjeb importanti ħafna l-impenn kolleġġjali.  Il-Kongregazzjoni tagħkom tagħti valur kbir lill-kontribut tal-Konsulenti u tal-Kummissarji, li rrid irrodilhom ħajr għax-xogħol prezzjuż u umli tagħhom; u nħeġġiġkom tkomplu bid-drawwa li għandkom li teżaminaw il-kwistjonijiet waqt il-Kungress li jsir kull ġimgħa u waqt is-Sessjonijiet aktar importanti, Ordinarji u Plenarji.  Jeħtieġ li nippromwovu, fil-livelli kollha tal-ħajja ekkleżjali, is-sinodalità xierqa.  F’das-sens, is-sena li għaddiet intom organiżżajtu laqgħa f’waqtha mar-rappreżentanti tal-Kummissjonijiet dottrinali tal-Konferenzi Episkopali Ewropej, biex, kolleġġjalment, tiddiskutu dwar sfidi dottrinali u pastorali.  B’hekk intom qed tagħtu kontribut biex tqanqlu fil-fidili entużjażmu missjunarji ġdid u ftuħ akbar għad-dimensjoni traxxendentali tal-ħajja, li mingħajrha l-Ewropa qed tirriskja li titlef dak l-ispirtu umanistiku li fil-fatt hi tħobb u tiddefendi.  Nistedinkom tkomplu u żżidu aktar il-kollaborazzjoni ma’ dawk l-organiżmi li jgħinu lill-Konferenzi Episkopali u lill-Isqfijiet individwalment fil-ħeġġa tagħhom għad-duttrina mqaddsa, fi żmien ta’ tibdil mgħaġġel u żjieda fil-kumplessità tal-problemi.

Kontribut importanti ieħor tagħkom lejn it-tiġdid tal-ħajja ekkleżjali hu l-istudju dwar il-komplimentrajetà bejn id-doni ġerarkiċi u kariżmatiċi.  Skont il-loġika tal-għaqda fid-differenza leġittima – loġika karatteristika ta’ kull għamla ta’ komunjoni fi ħdan il-Poplu t’Alla -, id-doni ġerarkiċi u kariżmatiċi huma mitlubin jikkollaboraw f’sinerġija għall-ġid tal-Knisja u tad-dinja.  Ix-xhieda ta’ din il-komplimentarjetà, illum hi aktar meħtieġa minn qatt qabel, u tirrappreżenta espressjoni ta’ tifsir kbir ta’ dik il-pluriformità ordnata li tikkaratteriżża n-nisġa ekkleżjali, bħala rifless tal-komunjoni armonjuża li tgħammar fil-qalb ta’ Alla wieħed Trinitarju.  Ir-relazzjoni bejn id-doni ġerarkiċi u kariżmatiċi, infatti, toħodna lejn l-għerq Trinitarju, fir-rabta bejn ­il-Logos divin inkarnat u l-Ispirtu s-Santu, li hu dejjem rigal tal-Missier u tal-Iben.  Propju dan l-għerq, mogħti għarfien u milqugħ bl-umiltà, jippermetti lill-Knisja li tiġġedded f’kull żmien bħala «poplu li jislet l-għaqda tiegħu mill-għaqda bejn il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu».  L-għaqda u l-pluriformità huma s-siġill ta’ Knisja li, mmexxija mill-Ispirtu , tagħraf timxi b’pass ċert u fidil lejn dawk il-miri li l-Mulej Irxoxt juriha tul il-medda tal-istorja.  Hawnhekk jidher ċar kif id-dinamkia sinodali, jekk mifhumha tajjeb, tinbet mill-komunjoni u tmexxi lejn għaqda dejjem aktar effettiva, profonda u mifruxa, għas-servizz tal-ħajja u tal-missjoni tal-Poplu t’Alla.

Għeżież ħuti, niżgurakom mit-talb tiegħi u għandi fiduċja li intom titolbu għalija wkoll.  Il-Mulej iberikkom u l-Madonna tħariskom.

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber