Sinjuri Kardinali,

Għeżież ħuti Isqfijiet u saċerdoti,

Ħuti,

 

Minn qalbi nsellem lil kull wieħed minnkom u nesprimi l-ħajr sinċier tiegħi lileK, Kardinal Stella, u lill-Kongregazzjoni għall-Kleru, li stednuni nieħu sehem f’dan il-Konvenju, ħamsin sena wara l-promulgazzjoni tad-Digrieti konċiljari Optatam totius u Presbyterorum ordinis.

 

Skużawni li kelli nibdel il-pjan oriġinali, li kien li niġi jien għandkom, imma stajtu taraw li ma kienx hemm żmien u anki hawn wasalt tard!

 

M’aħniex nitkellmu fuq “rievokazzjoni storika”.  Dawn iż-żewġ Digrieti huma żerriegħa, li l-Konċilju xeħet fl-għalqa tal-ħajja tal-Knisja; matul dawn il-ħames deċennji din kibret, saret xitla li twarrad, ċertament b’xi werqa niexfa, imma fuq kollox b’ħafna ward u frott li jsebbħu l-Knisja tal-lum.  Hu u jħares lura lejn il-mixja li saret, dan il-Konvenju wera x’kien dan il-frott u serva ta’ riflessjoni ekkleżjali f’waqtha fuq il-ħidma li jonqos issir f’dan il-qasam hekk essenzjali għall-Knisja.  Għad fadal ħafna xi jsir!

 

Optatam totius u Presbyterorum ordinis ġew imfakkra flimkien, bħaż-żewġ partijiet ta’ realtà waħda: il-formazzjoni tas-saċerdoti, li naqsmuha f’inizjali u permanenti, imma li hi għalihom esperjenza unika ta’ dixxipulat.  Mhux ta’ b’xejn, il-Papa Benedittu, f’Jannar 2013 (Motu propju Ministrorum institutio) ta forma konkreta, ġuridika, lil din ir-realtà, u ħalla f’idejn il-Kongregazzjoni għall-Kleru l-kompetenza fuq is-seminarji wkoll.  Hekk, l-istess Dikasteru jista’ jibda jieħu ħsieb il-ħajja u l-ministeru tal-presbiteri sa mill-mument li fih jidħlu fis-seminarju, u jħabrek biex issir promozzjoni tal-vokazzjonijiet u jiġu kkurati, u hekk tista’ twarrad fil-ħajja ta’ saċerdoti qaddisa.  Il-mixja ta’ qdusija ta’ saċerdot tibda fis-seminarju!

 

Ladarba l-vokazzjoni għas-saċerdozju hi don li Alla jagħmel lil xi wħud għall-ġid ta’ kulħadd, nixtieq naqsam magħkom xi ħsibijiet, u nibda propju mir-relazzjoni bejn is-saċerdoti u l-persuni l-oħra, skond dak li naqraw f’nru 3 tal-Presbyterorum ordinis, fejn insibu kompendju ċkejken ta’ teoloġija tas-saċerdozju, meħud mill-Ittra lil-Lhud: “Il-Presbiteri, meħudin minn fost il-bnedmin u mqegħdin għall-bnedmin f’dak li jmiss lil Alla biex joffru doni u sagrifiċċji għad-dnubiet, jgħaddu ħajjithom bħal aħwa mal-bqija tal-bnedmin”.

 

Ejjew naħsbu fuq dawn it-tliet mumenti: “meħudin minn fost il-bnedmin”, “mqegħdin għall-bnedmin”, preżenti “mal-bqija tal-bnedmin”.

 

Is-saċerdot hu bniedem li jitwieled f’kuntest uman partikulari; hemm hu jirċievi l-ewwel valuri, jixrob l-ispiritwalità tal-poplu, jidra r-relazzjonijiet.  Anki s-saċerdoti għandhom storja, m’humiex “fungi” li jitfaċċaw fid-daqqa u l-ħin fil-Katidral dak in-nhar ta’ l-Ordinazzjoni tagħhom.  Importanti li dawk responsabbli mill-formazzjoni u l-istess saċerdoti jiftakru u jagħrfu jżommu f’moħħhom din l-istorja personali matul il-mixja ta’ formazzjoni.  F’jum l-ordinazzjoni dejjem ngħid lis-saċerdoti, lis-saċerdoti ġodda: Ftakru mnejn ġejtu magħżula, minn qalb il-merħla, tinsewx lil ommkom u lil nannitkom!  Dan qalu Pawlu lil Timotju, u ngħidu jiena l-lum ukoll.  Dan ifisser li ma tistax tkun qassis u taħseb li l-formazzjoni tiegħek ħadtha f’xi laboratorju, le; tibda  mill-familja bit-“tradizzjoni” tal-fidi u bl-esperjenza kollha tal-familja.  Jeħtieġ li tiġi personalizzata, għax hi l-persuna konkreta li qed tiġi msejħa għad-dixxipulat u għas-saċerdozju, u f’kull każ trid iżżomm f’moħħha li Kristu waħdu hu l-Imgħallem li warajh għandha timxi u bħalu għandha ssir.

 

F’dan is-sens, nieħu gost niftakar f’dak iċ-“ċentru ta’ pastorali vokazzjoni” fundamentali li hi l-familja, knisja tad-dar u l-ewwel post fundamentali ta’ formazzjoni umana, fejn tista’ titnissel fiż-żgħażagħ ix-xewqa għal ħajja bħala mixja vokazzjonali, li wieħed jimxi b’impenn u ġenerożità.

 

Fil-familja u fil-kuntesti l-oħra kollha komunitarji – skola, parroċċa, għaqdiet, gruppi ta’ ħbieb – nitgħallmu ngħixu f’relazzjoni ma’ persuni konkreti, inħallu tagħġinna r-relazzjoni tagħna magħhom, u nsiru dak li aħna anki grazzi għalihom.

 

Saċerdot tajjeb, mela, hu qabel xejn bniedem bl-umanità tiegħu, li jaf x’inhi l-istorja tiegħu, bl-għana u l-ġrieħi tagħha, u li tgħallem jagħmel paċi magħha, u laħaq is-serenità fil-fond tal-qalb tiegħu, li għandu jkollu d-dixxiplu tal-Mulej.  Il-formazzjoni umana għalhekk hi meħtieġa għas-saċerdoti, biex jitgħallmu ma jħallux il-limiti tagħhom jitilgħu fuq rashom, imma pjuttost jaraw li t-talenti tagħhom jagħtu l-frott.

 

Saċerdot li qalbu hi fil-paċi jagħraf ixerred is-serenità madwaru, anki fil-mumenti ta’ wġigħ, u jgħaddi l-ġmiel tar-relazzjoni ma’ Alla.  Min-naħa l-oħra, m’hix ħaġa normali li saċerdot ikun spiss imdejjaq, nervuż jew żorr; m’hux sew u ma jagħmilx ġid, la lill-qassis, lanqas lill-poplu tiegħu.  Imma jekk int marid, nervuż, mur għand it-tabib!  Għand it-tabib spiritwali u għand it-tabib tal-klinika: jagħtuk il-pilloli li jagħmlulek tajjeb, it-tnejn li huma!  Imma ħudu paċenzja, ejjew ma nħallux li l-fidili jispiċċaw iħallsu qares għan-nervi tal-qassisin!  Issawtux lill-fidili; kunu qrib tagħhom.

 

Aħna s-saċerdoti aħna appostli tal-ferħ, inħabbru l-Vanġelu, jiġifieri l-“bxara t-tajba” per eċċellenza; żgur li m’aħniex aħna li qed nagħtu lill-Vanġelu l-qawwa li għandu – xi wħud hekk jaħsbu –, imma nistgħu ngħinu jew infixklu l-laqgħa bejn il-Vanġelu u l-persuni.  L-umanità tagħna hi l-“ġarra tal-fuħħar” li fiha nħarsu t-teżor ta’ Alla, ġarra li rridu nieħdu ħsiebha, biex ngħaddu kif jixraq il-kontenut prezzjuż tagħha.

 

Saċerdot ma jistax jitlef l-għeruq tiegħu, jibqa’ dejjem bniedem tal-poplu u tal-kultura li għamluh; l-għeruq tagħna jgħinuna niftakru min aħna u mnejn sejħilna Kristu.  Aħna s-saċerdoti ma naqgħux mis-sema, imma aħna msejħin, imsejħin minn Alla, li jagħżilna “minn fost il-bnedmin”, biex iqegħidna “għall-bnedmin”.  Ippermettuli nirrakkontalkom dan l-aneddotu.  Fid-djoċesi tiegħi, xi snin ilu…  Mhux fid-djoċesi, le, fil-Kumpanija kien hemm saċerdot bravu, bravu, żagħżugħ, ilu xi sentejn qassis.  Daħal fi kriżi, tkellem mad-direttur spiritwali, mas-superjuri tiegħu, mat-tobba u qal: “Ħa nitlaq, ma niflaħx iżjed, tlaqt”.  U jien u naħseb fuq dan – kont naf lil ommu, nies twajba u sempliċi – għidtlu: “Għax ma tmurx għand ommok u tkellimha fuq dan?”.  Mar, għadda l-ġurnata kollha ma’ ommu, u ġie lura mibdul.  Ommu tatu żewġ “daqqiet ta’ ħarta” spiritwali, tarrfitlu tliet veritajiet jew erbgħa, poġġietu f’postu, u minn hemm baqa’ miexi.  Għaliex?  Għax mar lura lejn l-għeruq tiegħu.  Għalhekk hu importanti li ma naqtgħux l-għeruq li minnhom ġejjin.  Fis-seminarju trid tagħmel it-talba mentali…  Iva, daż-żgur, din trid tagħmilha, titgħallem…  Imma qabel xejn itlob kif għallmitek ommok, u mbagħad imxi.  Imma l-għeruq dejjem hemm qegħdin, l-għeruq tal-familja, kif tgħallimt titlob ta’ tifel, anki bl-istess kliem, ibda itlob hekk.  Imbagħad tibqa’ miexi ’l quddiem fit-talb tiegħek.

 

U issa niġu għat-tieni kelma: “imqegħdin għall-bnedmin”.

 

Hawn jistrieħ punt fundamentali tal-ħajja u tal-ministeru tal-presbiteri.  Meta nwieġbu għas-sejħa ta’ Alla, insiru saċerdoti biex naqdu lil ħutna.  Ix-xbihat ta’ Kristu li nużaw bħala riferiment għall-ministeru tas-saċerdoti huma ċari: Hu l-“Qassis il-Kbir”, qrib ta’ Alla u fl-istess ħin qrib tal-bnedmin; hu l-“Qaddej”, li jaħsel ir-riġlejn u hu qrib ta’ l-iżjed dgħajfa; hu r-“Ragħaj it-Tajjeb”, li dejjem ħsiebu kif ħa jieħu ħsieb tal-merħla.

 

Huma t-tliet xbihat li għandna nħarsu lejhom, u naħsbu fil-ministeru tas-saċerdoti, mibgħuta biex jaqdu lill-bnedmin, biex iwasslulhom il-ħniena ta’ Alla, biex iħabbru l-Kelma tiegħu li tagħti l-ħajja.  M’aħniex saċerdoti għalina nfusna u l-qdusija taħgna hi strettament marbuta ma’ dik tal-poplu tagħna, id-dilka tagħna mad-dilka tiegħu: int ġejt midluk għall-poplu tiegħek.  Li jagħrfu u jiftakru li huma “imqegħdin għall-poplu” – poplu qaddis, poplu ta’ Alla –, jgħin lis-saċerdoti biex ma jaħsbux fihom infushom, biex ikunu awtorevoli u mhux awtoritarji, sodi imma mhux iebsin, ferrieħa imma mhux superfiċjali, insomma, ragħajja, mhux funzjonarji.  Il-lum, fiż-żewġ Qari tal-Quddiesa naraw ċar kemm il-poplu kapaċi jifraħ, meta jiġi mwaqqaf mill-ġdid u msoffi t-Tempju, u min-naħa l-oħra kemm m’humiex kapaċi jifirħu l-kapijiet tal-qassisin u l-kittieba quddiem kif Ġesù jkeċċi lill-bejjiegħa mit-Tempju.  Saċerdot għandu jitgħallem jifraħ, qatt m’għandu jitlef, aħjar ngħidu hekk, il-kapaċità li jifraħ: jekk jitlifha, hemm xi ħaġa m’hix sew.  U ngħidilkom sinċerament, jien nibża’ li nibbies, nibża’.  Mis-saċerdoti riġidi…  Tbiegħdu!  Jigdmukom!  U tiġini f’moħħi dik l-espressjoni ta’ Sant’Ambroġ, tas-seklu erbgħa: “Fejn hemm il-ħniena, hemm l-ispirtu tal-Mulej; fejn hemm ir-riġidità, hemm biss il-ministri tiegħu”.  Il-ministru mingħajr il-Mulej isir riġidu, u dan hu periklu għall-poplu ta’ Alla.  Ragħajja, mhux funzjonarji.

 

Il-poplu ta’ Alla u l-umanità kollha huma destinatarji tal-missjoni tas-saċerdoti, li lejha timmira l-ħidma kollha tal-formazzjoni.  Il-formazzjoni umana, dik intellettwali u dik spiritwali jixxebilku b’mod naturali f’dik pastorali, li għaliha jfornu għodda u virtujiet u dispożizzjonijiet personali.  Meta dan kollu jidħol f’armonija u jitħallat b’żelu ġenwin missjunarju, tul il-mixja ta’ ħajja sħiħa, is-saċerdot jista’ jwettaq il-missjoni fdata minn Kristu lill-Knisja tiegħu.

 

Fl-aħħar nett, dak li ġie mill-poplu, għandu jibqa’ mal-poplu; is-saċerdot hu dejjem “mal-bqija tal-bnedmin”, m’hux professjonista tal-pastorali jew ta’ l-evanġelizzazzjoni, li jasal fuq il-post u jagħmel dak li għandu jagħmel – forsi tajjeb ħafna, imma bħallikieku kien xi mestier – u mbagħad jitlaq biex jibqa’ għaddej bil-ħajja tiegħu.  Insiru saċerdoti biex nibqgħu qalb in-nies: inkunu qrib tagħhom.  U ppermettuli, ħuti Isqfijiet, anki aħna bħala Isqfijiet irridu nkunu qrib tas-saċerdoti tagħna.  Dan jgħodd għalina wkoll!  Kemm drabi nisimgħu t-tgemgim tal-qassisin: “Ċempilt lill-Isqof għax kelli problema…  Is-segretarju, is-segretarja, qaluli li għandu ħafna x’jagħmel, li qiegħed xi mkien barra, li ma jistax jilqagħni għandu qabel tliet xhur oħra…”.  Żewġ affarijiet.  L-ewwel.  Isqof dejjem għandu x’jagħmel, għall-grazzja ta’ Alla, imma jekk int Isqof u tirċievi telefonata minn saċerdot u ma tistax tarah għax għandek ħafna x’tagħmel, ta’ l-inqas aqbad it-telefon u ċempillu u għidlu: “Urġenti?  M’hux urġenti?  Mela ejja dak in-nhar…”, hekk iħoss li int qrib tiegħu.  Hemm isqfijiet li donnhom iħobbu jitbiegħdu mill-qassisin…  Kunu qrib, ta’ l-inqas telefonata!  U din hi l-imħabba ta’ missier, fraternità.  U l-ħaġa l-oħra.  “Le, għandi konferenza f’dik il-belt u mbagħad irrid immur fuq vjaġġ fl-Amerika, u mbagħad…”.  Imma isma’, id-digriet ta’ residenza ta’ Trento għadu jgħodd!  U jekk int ma tħossx li għandek tibqa’ fid-djoċesi tiegħek, irriżenja, u mur dur mad-dinja agħmel appostolat ieħor tajjeb ħafna.  Imma jekk int Isqof ta’ dik id-djoċesi, residenza.  Dawn iż-żewġ affarijiet: qrubija u residenza.  Dan jgħodd l-ewwel għalina l-Isqfijiet!  Insiru saċerdoti biex inkunu qrib tan-nies.

 

Il-ġid li s-saċerdoti jistgħu jagħmlu jiġi fuq kollox minn kemm huma qrib tan-nies u mill-imħabba ħelwa tagħhom mal-persuni.  M’humiex filantropi jew funzjonarji, is-saċerdoti huma missirijiet u aħwa.  Il-paternità ta’ saċerdot tagħmel ħafna ġid.

 

Kunu qrib, araw li l-ħniena tiġri fil-vini tagħkom, u li jkollkom ħarsa ta’ mħabba: dewqu l-ġmiel ta’ ħajja skond il-Vanġelu u ta’ l-imħabba ta’ Alla li titlaħħam anki fil-ministri tiegħu.  Alla li qatt ma jirrifjuta lil ħadd.  U hawn jiġini f’moħħi l-konfessjonarju.  Dejjem tistgħu ssibu toroq biex tagħtu l-assoluzzjoni.  Ilqgħu kif għandu jkun.  Imma xi drabi ma tkunx tista’ tagħti l-assoluzzjoni int.  Hemm saċerdoti li jgħidu: “Le, għal din ma nistax nagħtik l-assoluzzjoni, mur”.  M’hix din it-triq.  Jekk int ma tistax tagħti l-assoluzzjoni, fisser u għid: “Alla jħobbok ħafna, Alla jixtieqlek il-ġid.  Biex tasal għand Alla hemm ħafna toroq.  Jien  ma nistax nagħtik l-assoluzzjoni, imma nagħtik il-barka tiegħi.  Imma erġa’ ejja, ejja dejjem hawn, biex kull darba li terġa’ lura nagħtik il-barka bħala sinjal li Alla jħobbok”.  U dak ir-raġel jew dik il-mara jitilqu mimlijin bil-ferħ għax ikunu sabu l-ikona tal-Missier, li qatt ma jirrifjuta; b’xi mod jew ieħor għannaqhom miegħu.

 

Eżami tajjeb tal-kuxjenza għal qassis hu dan ukoll; li kieku kellu jerġa’ jiġi l-Mulej il-lum, fejn kien isibni?  “Għax fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tinsab qalbek ukoll” (Mt 6:21).  U qalbi fejn hi?  Qalb in-nies, nitlob man-nies u għan-nies, parti mill-ferħ u t-tbatija tagħhom, jew pjuttost qalb il-ħwejjeġ tad-dinja, il-ħwejjeġ ta’ din l-art, l-“ispazji” privati tiegħi?  Saċerdot ma jistax ikollu spazju privat, għax hu dejjem jinsab jew mal-Mulej jew mal-poplu.  Jiġuni f’moħħi dawk il-qassisin li sirt naf fil-belt tiegħi, meta ma kienx hemm is-segreterija telfonika, imma konna norqdu bit-telefon fuq il-komodina, u ċċempel x’ħin iċċempel in-nies, kienu jqumu biex imorru jagħtu l-Griżma tal-Morda: ħadd ma kien imut mingħajr sagramenti!  Lanqas waqt il-mistrieħ ma kellhom spazju privat.  Dan hu ż-żelu appostoliku.  It-tweġiba għal din il-mistoqsija: Fejn hi qalbi?, tista’ tgħin lil kull saċerdot biex jorjenta ħajtu u l-ministeru tiegħu lejn il-Mulej.

 

Il-Konċilju ħalla lill-Knisja “ġawhar prezzjuż”.  L-istess bħall-bejjiegħ tal-Vanġelu ta’ Mattew (13:45), ejjew il-lum noħorġu nfittxuh, biex insibu dik il-qawwa ġdida u l-għodda ġdida għall-missjoni li l-Mulej qed jafdalna.

 

Ħaġa oħra li nixtieq inżid mat-test – skużawni! – hi dwar id-dixxerniment vokazzjonali, l-ammissjoni għas-seminarju.  Fittxu s-saħħa ta’ dak il-ġuvni, is-saħħa spiritwali, is-saħħa materjali, fiżika, psikika.  Darba, kont għadni kemm sirt mastru tan-novizzi, fis-sena 1972, mort nagħti lill-psikologa r-riżultati tat-test fuq il-personalità, test sempliċi li kien isir bħala wieħed mill-elementi tad-dixxerniment.  Kienet mara tajba, u anki tabiba tajba.  Qaltli: “Dan għandu problema imma jista’ jidħol jekk jimxi hekk…”.  Kienet ukoll Nisranija tajba, imma f’xi każi ma kinitx flessibbli: “Dan ma jistax” – “Imma Dottoressa, hu daqshekk twajjeb dan il-ġuvni” – “Issa jidher twajjeb, imma kun af li hemm żgħażagħ li jafu inkonxjament, m’humiex konxji, imma inkonxjament iħossu li huma psikikament morda u jfittxu għal ħajjithom strutturi b’saħħithom li jiddefenduhom, biex jistgħu jibgħu mexjin.  U jimxu sew, sal-mument li fih iħossuhom stabbiliti biżżejjed u hemm jibdew il-problemi” – “Tidher ħaġa stamba…”.  U t-tweġiba ma ninsieha qatt, l-istess waħda tal-Mulej lil Eżekjel: “Dun, int qatt ma ħsibt għaliex hawn daqshekk pulizija li jittorturaw?  Jidħlu żgħażagħ, jidhru f’posthom, imma meta jħossuhom fiż-żgur, tibda tgħolli rasha l-marda.  Dawk huma l-istituzzjonijiet b’saħħithom li jfittxu dawn il-morda inkonxji: il-pulizija, l-armata, il-kleru…  U mbagħad joħorġu ħafna mardiet li lkoll nafu x’inhuma”.  Kurjuża.  Meta nintebaħ li żagħżugħ hu wisq riġidu, hu wisq fundamentalista, ma jkollix fiduċja fih; wara jkun hemm moħbija xi ħaġa li hu stess ma jafx.  Meta jħossu fiż-żgur…  Eżekjel 16, ma niftakarx il-versett, imma meta l-Mulej jgħid lill-poplu tiegħu dak kollu li għamel għalih: sabu meta kien għadu kemm twieled, imbagħad libbsu, tgħarras miegħu…  “U mbagħad, meta int ħassejtek fiż-żgur, begħt ġismek”.  Hi regola, regola tal-ħajja.  Għajnejna miftuħa fuq il-missjoni fis-seminarji.

 

Nittama li l-frott tal-ħidmiet ta’ dan il-Konvenju – b’ħafna relaturi awtorevoli, ġejjin minn reġjuni u kulturi differenti – tistgħu toffruh lill-Knisja bħala twettiq siewi tat-tagħlim tal-Konċilju, biex hekk tagħtu kontribut lill-formazzjoni tas-saċerdoti, dawk li għandna u dawk li l-Mulej għad irid jagħtina, biex, huma u jixbhu iżjed lilU, ikunu saċerdoti tajbin skond il-qalb tal-Mulej, mhux funzjonarji!  U grazzi tal-paċenzja.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard