Sinjuri Kardinali,

Għeżież ħuti,

 

Insellmilkom minn qalbi u nesprimi l-gratitudni tiegħi għall-impenn ġeneruż tagħkom għas-servizz tas-saċerdoti u tal-formazzjoni tagħhom. Nirringrazzja mill-qalb lill-Kardinal Beniamino Stella tal-kelmtejn tiegħu u tal-ħafna xogħol li qed jagħmel.

 

Nieħu gost li qed niddjaloga magħkom fuq id-don kbir tal-ministeru ordnat, ftit xhur biss wara l-promulgazzjoni tar-Ratio Fundamentalis il-ġdid. Dan id-Dokument jitkellem fuq formazzjoni integrali, jiġifieri waħda li kapaċi tinkludi l-aspetti kollha tal-ħajja; u hekk turina t-triq biex niffurmaw id-dixxiplu missjunarju. Triq mill-isbaħ imma wkoll esiġenti.

 

Jiena u nirrifletti fuq dawn iż-żewġ aspetti – il-ġmiel tas-sejħa u l-esiġenzi impenjattivi li ġġib magħha – ħsibt b’mod partikolari fis-saċerdoti żgħażagħ, li jgħixu l-ferħ tal-bidu tal-ministeru u, flimkien ma’ dan, iħossu t-toqol tiegħu. Il-qalb ta’ saċerdot żagħżugħ tgħix qalb l-entużjażmu tal-ewwel proġetti u t-tensjoni tat-taħbit appostoliku, li fihom hu jinxteħet b’ċertu biża’, li hu sinjal ta’ għerf. Hu jħoss f’qiegħ qalbu l-hena u l-qawwa tad-dilka li rċieva, imma spallejh jibdew bil-mod il-mod jittaqqlu mit-tagħbija tar-responsabbiltà, mill-għadd ta’ impenji pastorali u minn dak li jistenna minnu l-Poplu ta’ Alla.

 

Kif jgħixu dan kollu s-saċerdot żagħżugħ? Xi jġorr f’qalbu? X’għandu bżonn biex riġlejh, li jħaffu biex iwasslu l-aħbar it-tajba tal-Vanġelu, ma jeħlux quddiem il-biża’ u l-ewwel diffikultajiet? Biex ma jinħakimx jew jiġri wara t-tentazzjoni li jsib il-kenn fir-riġidità jew li jitlaq kollox u jispiċċa “mitluf”?

 

Irridu nammettu li, spiss, iż-żgħażagħ niġġudikawhom b’mod superfiċjali u faċli ħafna li nagħtuhom it-tikketta ta’ ġenerazzjoni “likwida”, nieqsa minn passjonijiet u ideali. Żgur li għandna żgħażagħ dgħajfa, diżorjentati, frammentati jew li ttieħdu mill-kultura tal-konsumiżmu u tal-individwaliżmu. Imma dan m’għandux iżommna milli nagħrfu li ż-żgħażagħ kapaċi jieħdu l-ħajja bis-serjetà u jingħataw b’ġenerożità; li jħarsu lejn il-futur u hekk ikunu antidotu kontra r-rassenjazzjoni u t-telfien tat-tama li qed jimmarkaw lis-soċjetà tagħna; li jkunu kreattivi u kollhom fantasija, kuraġġjużi fil-bidla, qalbhom kbira meta jiġu biex jingħataw għall-oħrajn jew għal ideali bħas-solidarjetà, il-ġustizzja u l-paċi. Bil-limiti kollha li għandhom, huma dejjem riżorsa kbira.

 

Mela nistgħu nistaqsu lilna nfusna: fil-presbiterji tagħna, kif inħarsu lejn is-saċerdoti żgħażagħ? Inħallu qabelxejn iddawwalna l-Kelma ta’ Alla, li turina kif il-Mulej isejjaħ liż-żgħar, jafda fihom, u jibgħathom f’missjoni.

 

Waqt li “l-kelma tal-Mulej kienet rari f’dak iż-żmien” (1 Sam 3:1), għax il-poplu kien ħżien u ma baqax jagħti widen għal leħen il-Mulej, Alla jdur fuq iż-żagħżugħ Samwel, daqsxejn ta’ “abbati tat-Tempju” li jsir profeta għall-poplu (ara 1 Sam 3:1-10). Imbagħad, il-ħarsa tal-Mulej, li tmur lil hemm mid-dehra ta’ barra, tagħżel lil David, l-iżgħar fost ulied Ġesse, u jidilku sultan ta’ Israel (ara 1 Sam 16:1-13). Lil Ġeremija, inkwetat li hu żgħir wisq għall-missjoni, il-Mulej joffrilu r-rassigurazzjoni tiegħu ta’ missier: “Tgħidx, ‘Għadni żgħir’ […] għax jien miegħek” (Ġer 1:7,8). Anki mill-Vanġeli nistgħu nifhmu li l-għażla tal-Mulej taqa’ fuq iċ-ċkejknin, u l-missjoni tax-xandir tal-Vanġelu, fdata lid-dixxipli, ma sserraħx fuq il-kobor tal-qawwa tal-bniedem, imma fuq id-disponibbiltà li jħalli jmexxih id-don tal-Ispirtu.

 

Dan hu li rrid ngħid lis-saċerdoti żgħażagħ: intom magħżulin, intom għeżież għall-Mulej! Alla jħares lejkom bi tjieba ta’ Missier u, wara li jħalli lil qalbkom tinnamra miegħu, ma jħallix il-passi tagħkom jogħtru. F’għajnejh intom importanti u hu għandu fiduċja li sa jirnexxilkom twettqu l-missjoni li għaliha sejħilkom. Kemm hu importanti li s-saċerdoti żgħażagħ isibu kappillani u isqfijiet li jagħmlulhom il-qalb f’din il-perspettiva, u mhux biss jistennewhom għax għandhom bżonn jibdlu u jimlew postijiet vojta!

 

Dwar dan, nixtieq ngħid żewġ affarijiet li qed jiġuni f’moħħi issa issa. Postijiet vojta: timlewx dawn il-postijiet b’persuni li ma ġewx imsejħin mill-Mulej, tabqdux minn fejn ġie ġie; għarbluha sew il-vokazzjoni ta’ żagħżugħ, l-awtentiċità, u jekk ġiex biex ifittex il-kenn jew għax tassew qed jisma’ s-sejħa tal-Mulej. Li nilqgħu biss għax għandna bżonn, għeżież isqfijiet, din hi ipoteka għall-Knisja! Ipoteka. It-tieni: tħalluhomx waħidhom. Il-qrubija: l-isqfijiet qrib tas-saċerdoti; l-isqfijiet qrib tal-qassisin. Kemm drabi smajt it-tgergir ta’ saċerdoti… Dan għidtu kemm-il darba – forsi smajtuh –: ċempilt lil isqof; ma kienx hemm, u s-segretarja qaltli li ma kienx hemm; tlabtha appuntament; “Mimli sa tliet xhur oħra…”. U dak is-saċerdot baqa’ maqtugħ mill-isqof. Imma jekk int, isqof, taf li fil-lista tat-telefonati li ħallielek is-segretarju jew is-segretarja tiegħek ċempel qassis u int għandek l-aġenda mimlija, dakinhar stess, filgħaxija jew l-għada – mhux iżjed tard minn hekk – ċempillu lura u għidlu kif inhuma l-affarijiet, iżnu flimkien, jekk hix ħaġa urġenti, jekk mhix… Imma l-importanti hu li dak is-saċerdot iħoss li għandu missier, missier qrib tiegħu. Qrubija. Qrubija lejn il-qassisin. Ma tistax tmexxi djoċesi bla qrubija, ma tistax tkabbar u tqaddes saċerdot bla qrubija paterna tal-isqof.

 

Nifraħ dejjem meta niltaqa’ ma’ saċerdoti żgħażagħ, għax fihom nilmaħ iż-żgħożija tal-Knisja. Għalhekk, meta naħseb fir-Ratio l-ġdida, li titkellem dwar is-saċerdot bħala dixxiplu missjunarju f’formazzjoni permanenti (ara n. 3), nixtieq nisħaq, fuq kollox għas-saċerdoti żgħażagħ, fuq xi atteġġjamenti importanti: nitolbu bla heda, nimxu dejjem u naqsmu bil-qalb.

 

Nitolbu bla heda. Għax nistgħu nkunu “sajjieda tal-bnedmin” biss jekk aħna l-ewwel nagħrfu li ġejna “mistada” mit-tjieba tal-Mulej. Il-vokazzjoni tagħna bdiet meta, wara li tlaqna l-art tal-individwaliżmu tagħna u tal-proġetti personali, imxejna tul il-“vjaġġ qaddis”, u ntlaqna f’idejn dik l-Imħabba li ħarġet tfittixna billejl u dak il-Leħen li mess lil qalbna. Hekk, bħas-sajjieda tal-Galilija, tlaqna x-xbieki tagħna biex naħtfu dawk li tana l-Mulej. Jekk ma nibqgħux marbuta fis-sod miegħu, is-sajda tagħna qatt ma jista’ jkollha suċċess. Nitolbu dejjem, isimgħu minni!

 

Matul is-snin tal-formazzjoni, is-sigħat tal-jiem tagħna kienu mqassma b’mod li kienu jħallulna ħin biżżejjed għat-talb; wara, ma jistax ikollok kollox ordnat – il-ħajja hi ħaġa oħra – kollox organizzat, ladarba tinxteħet fir-ritmi, xi drabi pressanti, tal-impenji pastorali. Madankollu, sewwa sew dak li ksibna fiż-żmien tas-Seminarju – l-armonija bejn talb, xogħol u mistrieħ – jirrappreżenta riżorsa prezzjuża biex nistgħu naffrontaw it-taħbit tal-appostolat. Kuljum għandna bżonn nieqfu, biex nagħtu widen lill-Kelma ta’ Alla u nintasbu quddiem it-Tabernaklu. “Jien kieku nipprova, imma… norqod quddiem it-Tabernaklu”. Orqod kemm trid, għax il-Mulej gost jieħu, imma ibqa’ hemm, quddiemu. U naraw li nisimgħu anki l-ġisem tagħna, li hu tabib tajjeb, u javżana meta l-għeja tkun qabżet il-limiti. It-talb, ir-relazzjoni ma’ Alla, il-kura tal-ħajja spiritwali jagħtu ruħ lill-ministeru, u l-ministeru, biex ngħidu hekk, jagħti ġisem lill-ħajja spiritwali: għax is-saċerdot iqaddes lilu nnifsu u lill-oħrajn fit-taħriġ konkret tal-ministeru, speċjalment meta jipprietka u jiċċelebra s-Sagramenti.

 

It-tieni: nimxu flimkien, għax is-saċerdot qatt ma “wasal”. Dejjem jibqa’ dixxiplu, pellegrin fit-toroq tal-Vanġelu u tal-ħajja, fuq l-għatba tal-misteru ta’ Alla u fuq l-art imqaddsa tal-persuni fdati f’idejh. Qatt ma jista’ jħossu sodisfatt u lanqas jitfi dak it-tħassib qaddis li jġagħlu jiftaħ idejh lill-Mulej biex iħallih jifformah u jimlih mill-ġdid. Għalhekk, naġġornaw ruħna dejjem u nibqgħu miftuħa għas-sorpriżi ta’ Alla! F’dan il-ftuħ għall-ġdid, is-saċerdoti żgħażagħ jistgħu jkunu kreattivi fl-evanġelizzazzjoni, jiffrekwentaw b’dixxerniment il-postijiet ġodda tal-komunikazzjoni, fejn jiltaqgħu ma’ wċuħ, stejjer u mistoqsijiet tal-persuni, jiżviluppaw ħiliet soċjali, ta’ relazzjoni u ta’ xandir tal-fidi. Fl-istess waqt, jistgħu “jibqgħu kkonnettjati” mal-presbiteri l-oħra u ma jħallux is-susa tal-awtoreferenzjalità żżomm lura l-esperjenza tal-komunjoni saċerdotali li kapaċi dejjem timliehom bil-ħajja. Fil-fatt, f’kull qasam tal-ħajja presbiterali importanti nimxu ’l quddiem, fil-fidi, fl-imħabba u fil-karità pastorali, bla ma ningħalqu f’dak li nkunu ksibna jew nissammru fl-iskemi tagħna.

 

Fl-aħħar nett, naqsmu bil-qalb, għax il-ħajja presbiterali mhix uffiċċju burokratiku u lanqas ġabra ta’ prattiċi reliġjużi jew liturġiċi li ngħaġġlu llestuhom. Tkellimna ħafna fuq il-“qassis burokrata”, li hu “kjeriku tal-Istat” u mhux ragħaj tal-poplu. Li tkun saċerdot ifisser tilgħab ħajtek għall-Mulej u għal ħutek, iġġorr f’ġismek stess il-ferħ u t-tbatija tal-Poplu, tqatta’ ħinek u s-smigħ tiegħek biex tfejjaq il-ġrieħi tal-oħrajn, u toffri lil kulħadd il-ħlewwa tal-Missier. Ibda mill-memorja tal-esperjenza personali tagħhom – meta kienu l-oratorju, fejn ixxettlu fihom ħolm u ħbiberiji mqanqla mill-imħabba żagħżugħa għall-Mulej –, is-saċerdoti novelli għandhom l-opportunità kbira li jgħixu dan il-qsim maż-żgħażagħ u l-adolexxenti. Iridu joqogħdu f’nofshom – anki hawn qrubija! – mhux biss bħal ħabib fost l-oħrajn, imma bħal min jaf jikkultiva bil-qalb il-ħajja tagħhom, jagħti widen għall-mistoqsijiet tagħhom u jieħu sehem konkret fid-diversi ġrajjiet ta’ ħajjithom. Iż-żgħażagħ m’għandhomx bżonn ta’ professjonista tas-sagru jew ta’ eroj li, mill-għoli u minn barra, iwieġbu għall-mistoqsijiet tagħhom; huma iktar jinġibdu lejn min jaf jidħol b’mod sinċier fil-ħajja tagħhom, jaffaċċjahom b’rispett u jismagħhom bi mħabba. Irid ikollok qalb mimlija passjoni u kompassjoni, fuq kollox għaż-żgħażagħ.

 

Nitolbu bla heda, nimxu dejjem u naqsmu bil-qalb ifisser ngħixu l-ħajja saċerdotali nħarsu fl-għoli u naħsbu kbir. Mhix ħidma faċli, imma nistgħu nafdaw b’mod sħiħ fil-Mulej għax hu dejjem jimxi qabilna! Marija Santissma, li talbet bla heda, imxiet wara Binha u qasmet ħajjitha sa taħt is-salib, tmexxina u tidħol għalina hi. Nitlobkom, itolbu għalija!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard