Għeżież ħuti,

Nagħtikom merħba lkoll, lilkom li qed tieħdu sehem fil-kungress organiżżat mis-Soċjetà Taljana tal-Kirurġija Onkoloġika, promoss mill-università La Sapienza ta' Ruma u mill-isptar Sant Andrija.  Jien u nagħtikom merħba ħsiebi jmur fuq l-irġiel u n-nisa kollha li għandkom taħt il-kura tagħkom u nitlob għalihom.

 

Ir-riċerka xjentifika kabbret il-possibiltajiet ta' prevenzjoni u fejqan, irnexxilha ssib terapiji li huma indikati għall-kura ta' mard differenti.  Dan hu x-xogħol tagħkom ukoll: impenn ta' valur kbir li għandu l-għan li jagħti tweġiba għall-aspettattivi u t-tamiet ta' bosta nies morda madwar id-dinja.
 

Imma biex nitkellmu dwar saħħa sħiħa ma rridux nitilfu minn quddiem għajnejna lill-persuna umana, maħluqa xbieha t'Alla, f'għaqda bejn il-ġisem u l-ispirtu.  Il-Griegi kienu aktar preċiżi: ġisem, ruħ u spirtu.  Il-bniedem hu unità.  Hu possibbli li tagħżel dawn iż-żewġ elementi minn xulxin imma ma tistax tifridhom għax il-persuna umana hi ħaġa sħiħa.  Għalhekk il-mard, l-esperjenza tal-uġigħ, ma jolqtux biss id-dimensjoni korporali imma lill-bniedem kollu.    Minn dan toħroġ il-ħtieġa tal-kura integrali li tħares lejn il-bniedem sħiħ, li tgħaqqad il-kura medika – il-kura teknika – sapport uman, psikoloġiku u soċjali għax it-tabib irid jieħu ħsieb kollox: il-ġisem bid-dimensjoni psikoloġika, soċjali u spiritwali kif ukoll l-akkumpanjament spiritwali tal-membri tal-familja tal-marid.

 

Dan ifisser li hu indipsensabbli li l-operaturi mediċi jitmexxew minn viżjoni umana integrali tal-marda u, bħala konsegwenza,  jkollhom ħila jeżerċitaw approċċ kompletament uman lejn il-persuna marida (Beatu Ġwanni Pawlu II, Motu Proprio Dolentium Hominum - It-Tbatija tal-Bnedmin -11 ta' Frar 1985).

 

Meta naqsmu l-fraternità mal-persuna marida ninfetħu għall-veru ġmiel tal-ħajja umana, għall-fraġilità tagħha u tgħinna ngħarfu d-dinjità u l-valur ta' kull persuna umana tkun xi tkun il-kundizzjoni li tinsab fiha, mill-konċepiment sal-mewt.


Ħbieb tiegħi, għada tibda' l-Ġimgħa Mqaddsa.  Issib il-milja tagħha fit-tridu tal-Għid tal-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien mill-Imwiet ta' Ġesù.  Hawnhekk hu jieħu fuqu t-tbatijiet tal-bniedem kollha, li mbagħad ikunu redenti minn Alla.  Minn Alla-imħabba.  Kristu biss jagħti tifsira lill-iskandlu tat-tbatija tal-innoċenti.  Kemm jiġu f'moħħna mistoqsijiet bħal ta' Dostoyevsky: għaliex it-tfal ibatu?

Kristu biss jista' jagħti tfisira għal dan l-”iskandlu”.
 

Anki intom tistgħu tħarsu lejH, imsallab u mqajjem mill-imwiet fix-xogħol tagħkom ta' kuljum.  U f'riġlejn is-Salib ta' Ġesù aħna niltaqgħu ukoll ma' Marija Addolorata.  Hi Omm l-umanità kollha u dejjem qrib tat-tfal morda u batuti tagħha.  Jekk il-fidi tagħna tiddgħajjef, tagħha le.  Jalla Marija tagħtikom sapport fl-impenn tagħkom fir-riċerka u x-xogħol.  Nitlob lill-Mulej għalikom ilkoll.  Grazzi.

 

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.