Għeżież ħuti,

Wara nofsinhar it-tajjeb u merħba. Merħba wkoll lix-xita għax din għamilha il-Mulej. Napprezza ħafna t-tweġiba tagħkom għall-istedina li għamiltilkom f’Jannar meta ltqajna hawnhekk fi Pjazza San Pietru. Grazzi għal din it-tweġiba mimlija ħerqa u entużjażmu. Is-sena l-oħra qsamt xi riflessjonijiet ma’ dawk li kienu preżenti  għal-laqgħa li saret fl-istadjum u llum nixtieq li nerġa’ nfakkarhomkom – għax dejjem tajjeb li wieħed ifakkar mill-ġdid: kienu dwar l-identità tat-Tiġdid Kariżmatiku Kattoliku, li minnu twieldet l-assoċjazzjoni Tiġdid tal-Ispirtu. Ser nagħmel dan bil-kliem  li bih il-Kardinal Léon-Joseph Suenens, protettur kbir tat-Tiġdid Kariżmatiku, iddiskrivih fit-tieni ktieb tal-memorji tiegħu. L-ewwel ħaġa li għamel fakkar fil-figura straordinarja ta’ mara li tant ħadmet fil-bidu tat-Tiġdid Kariżmatiku; kienet kollaboratriċi tiegħu, u kienet tgawdi wkoll il-fiduċja u l-istima tal-Papa Pawlu VI. Qed nirreferi għal Veronica O’Brien: kienet hi li talbet lill-Kardinal biex imur l-Istati Uniti ħalli jara dak li kien qed jiġri, jara b’għajnejh dak li hi kienet qed tikkunsidrah bħala ħidma tal-Ispirtu s-Santu.  Hekk il-Kardinal sar jaf  it-Tiġdid Kariżmatiku, li ddeskrivih bħala “xmara ta’ grazzja”; u kien hu li ta  s-sehem l-aktar importanti biex dan jinżamm fil-Knisja. Fil-Quddiesa tat-Tnejn tal-Għid il-Ħamsin 1975, il-Papa Pawlu VI irringrazzjah b’dan il-kliem:  “F’isem il-Mulej, nirringrazzjak li wassalt it-Tiġdid Kariżmatiku biex ikun fil-qalb tal-Knisja”. It-Tiġdid tal-Ispirtu mhuwiex novità ta’ ftit snin ilu, imma għandu storja twila. Fl-omelija ta’ dik l-istess Quddiesa, il-Kardinal kien qal: “Bħali tali, it-Tiġdid  Kariżmatiku jista’  jisparixxi u jittrasforma ruħu fi grazzja pentikostali għall-Knisja kollha: biex xmara tkun fidila għall-oriġni tagħha, din trid tispiċċa fl-oċean”. Ix-xmara jeħtieġ li tispiċċa fl-oċean. Iva, għax jekk ix-xmara tieqaf miexja, l-ilma jsir ilma qiegħed; jekk it-Tiġdid, jekk dan il-kurrent ta’ grazzja ma jsibx ruħu fl-oċean t’Alla, fl-imħabba t’Alla, dan jaħdem għalih innifsu u din ma tkunx ħidma ta’ Ġesù Kristu, imma tkun ħidma tal-ispirtu tal-ħażen, ta’ missier il-gideb. It-Tiġdid jiġi minn Alla u jrid imur għand Alla.

Il-Papa Pawlu VI bierek dan. U l-Kardinal kompla jgħid: “L-ewwel żball li għandu jiġi evitat hu li ma ninkludux it-Tiġdid Kariżmatiku fil-kategorija ta’ moviment. Mhuwiex moviment speċifiku; it-Tiġdid mhuwiex moviment fis-sens soċjoloġiku komuni; m’għandux fundaturi, mhux omoġenju u fih hemm varjetà kbira ta’ realtajiet; hu kurrent ta’ grazzja, nifs  tal-Ispirtu s-Santu li jġedded il-membri kollha tal-Knisja, lajċi, reliġjużi, saċerdoti u isqfijiet. Hu sfida għalina lkoll.  Aktar milli nkunu parti mit-Tiġdid, it-Tiġdid isir parti minna, bil-patt li naċċettaw il-grazzja li joffrilna”. Hawnhekk il-Kardinal tkellem dwar il-ħidma sovrana tal-Ispirtu, li  fl-1967 qajjem dan il-kurrent ta’ grazzja mingħajr ma kien hemm fundaturi umani. Wara li rċevew il-grazzja tal-Ispirtu fil-Magħmudija, nisa u rġiel imġedda taw il-ħajja, bħala frott ta’ dan il-kurrent ta’ grazzja, lill-assoċjazzjonijiet, komunitajiet ta’ alleanza, skejjel ta’ formazzjoni, skejjel ta’ evanġelizzazzjoni, kongregrazzjonijiet reliġjużi, komunitajiet ekumeniċi, komunitajiet li jagħtu għajnuna lill-foqra u lil dawk fil-bżonn.

Jien stess mort inżur il-komunità ta’ Kkottongnae meta għamilt il-vjaġġ fil-Korea u mort inżurhom anki fil-Filippini. Dan il-kurrent ta’ grazzja għandu żewġ organiżmi internazzjonali li huma rikonoxxuti mis-Santa Sede u li huma għas-servizz tiegħu  u tal-espressjonijiet tiegħu kollha fid-dinja: “ICCRS” ul-Fraternità Kattolika”. Dan hu ftit mill-istorja, mill-għeruq.

Is-sena l-oħra fl-istadjum tkellimt ukoll dwar l-unità fid-diversità. Tajt l-eżempju tal-orkestra. Fl-Evangelii gaudium tkellimt dwar il-globu u l-priżma. Mhux biżżejjed li nitkellmu fuq unità, din mhijiex unità kwalunkwe. Mhijiex uniformità. Jekk nitkellmu fuqha b’dan il-mod nistgħu nkunu qed naħsbu fuq l-unità ta’ globu fejn kull punt hu mbiegħed indaqs miċ-ċentru u fejn m’hemmx differenzi bejn punt u ieħor. Il-mudell hu l-priżma, li tirrifletti l-għaqda tal-partijiet kollha flimkiem li jżommu l-oriġinalità tagħhom; u dawn huma l-kariżmi f’unità imma bid-diversità propja tagħhom.  Unità fid-diversità. Id-distinzjoni hi importanti għax qed nitkellmu fuq opra tal-Ispirtu s-Santu, mhux fuq opra tagħna.  Qed nitkellmu fuq unità fid-diversità li hi espressjoni ta’ realtajiet li l-Ispirtu s-Santu għoġbu jwaqqaf.  Jeħtieġ niftakru wkoll li kollox, jiġifieri din l-unità, hu aktar minn parti, u parti ma tistax tippretendi li tkun kollox. Per eżempju ma nistgħux ngħidu: “Aħna dak il-kurrent msejjaħ Tiġdid Kariżmatiku Kattoliku u intom le”. Dan ma nistgħux ngħiduh.    Kunu afu, ħuti,  li dan ma jiġix mill-Ispirtu s-Santu; l-Ispirtu s-Santu jonfoħ fejn irid, meta jrid u kif irid.  Din hi unità fid-diversità u fil-verità li hi Ġesù stess. Xinhu s-sinjal komuni f’dawk kollha li twieldu mill-ġdid minn dan il-kurrent ta’ grazzja?  Hu li jikkonvertu u jsiru rġiel u nisa ġodda; din hi l-Magħmudija fl-Ispirtu. Nitlobkom taqraw San Ġwann Kap 3, versi 7-8: Ġesù  lil Nikodemu, it-twelid fl-Ispirtu.

Hemm punt ieħor f’dan il-kurrent ta’ grazzja li importanti niċċarawh: hu dwar dawk li jmexxu. Għeżież ħuti, il-liders – nerġa’ ngħid li nippreferi jissejħu qaddejja, dawk li jaqdu – jista’ jkollhom tentazzjoni. Din it-tentazzjoni għall-qaddejja tiġi mix-xitan; hu xinhu l-inkarigu tagħhom dawn jistgħu jaħsbu li huma indispensabbli. Ix-xitan inissel fihom ix-xewqa li jikkmandaw, li jkunu fiċ-ċentru u hekk, bil-mod il-mod, jaqgħu fl-awtoritariżmu, fil-personaliżmu u jxekklu l-ħajja tal-komunitajiet imġedda mill-Ispirtu.  Dawk li jaħsbu li m’hemm ħadd li jista’ jieħu posthom, ikollhom  it-tentazzjoni li jżommu din il-pożizzjoni “eterna” , pożizzjoni li dejjem għandha xi forma ta’ poter jew ta’ ħakma fuq l-oħrajn. Għandu jkollna ċar quddiem għajnejna li l-uniku wieħed li ħadd ma jista’ jieħu postu fil-Knisja hu l-Ispirtu s-Santu, u li  Ġesù waħdu hu l-Mulej. Nistaqsikom: Min hu dak li ħadd ma jista’ jieħu postu fil-Knisja? ( In-nies fil-pjazza: l-Ispirtu s-Santu). U min hu l-Mulej waħdieni? (In-nies fil-pjazza: Ġesù). Ngħidu li Ġesù hu l-Mulej, infaħħru lil Ġesù b’mod qawwi! Ġesù hu l-Mulej! M’hemm ħadd ieħor ħliefu. F’dan is-sens kien hemm każijiet ta’ dieqa. L-inkarigi, li fir-realta’ huma servizz, għandu jkollhom żmien limitat.  Liders, liders lajċi iridu jagħtu servizz importanti:dan hu li jkabbru u jrawmu lil dawk li jkunu ser jieħdu posthom meta jtemmu s-servizz tagħhom biex jimmaturaw spiritwalment u pastoralment. Kull servizz fil-Knisja għandu jkun għal żmien li jiskadi; fil-ħajja tal-Knisja m’hemmx liders għal għomorhom. Dan iseħħ f’xi pajjiżi fejn hemm dittatura. “Tgħallmu minni, jien ta’ qalb ħelwa u umli” jgħid Ġesù. Din it-tentazzjoni li tiġi mix-xitan ma tħallikx tibqa’ qaddej, tagħmlek sid; issir is-sid ta’ dik il-komunità, ta’ dak il-grupp. Din it-tentazzjoni twasslek ukoll għall-vanità.  Hemm tant nies – smajna  dawn iż-żewġ esperjenzi, ix-xhieda tal-koppja u ta’ Ugo, - u hemm ħafna  tentazzjonijiet li jwasslu komunità biex tbati u  biex ma jsirx il-ġid,  isiru organizzazzjoni daqs li kieku kienet xi NGO. Il-poter iwassalna..... - skużawni, imma ser ngħidha: kemm liders jiftaħru b’rixhom? Il-poter iwassal għall-vanità! Imbagħad għax tħossok kapaċi li tagħmel kollox,  jista’ jiġri li tiżloq fejn jidħlu l-flus, għax ix-xitan dejjem ideffes denbu fejn jidħol il-portafoll: dan hu l-bieb li minnu jidħol ix-xitan.

Imbagħad hemm il-fundaturi li rċevew il-kariżma ta’ fondazzjoni mingħand l-Ispirtu s-Santu.   Għax irċevew dan id-don, huma għandhom id-dmir li jieħdu ħsiebu u jwassluh biex jimmatura fil-komunitajiet u l-assoċjazzjonijiet tagħhom.  Il-fundaturi jibqgħu fundaturi matul ħajjiethom kollha, u dan ifisser li huma dawk li jispiraw, li jagħtu l-ispirazzjoni, imma mbagħad iħallu l-affarijiet mexjin ‘l quddiem.  Fi Buenos Aires iltqajt ma’ fundatur tassew bravu; kien hemm waqt meta b’mod spontanju  dan il-fundatur sar il-kunsillier; ħalla lill-oħrajn ikunu l-liders.

Dan il-kurrent ta’ grazzja jmexxina ‘l quddiem fil-mixja tagħna ta’ Knisja, u nirringrazzjakom għax fl-Italja dan ta ħafna frott. Inħeġġiġkom tkomplu mexjin ‘l quddiem. Nitlobkom b’mod speċjali li tagħtu  b’impenn is-sehem importanti tagħkom billi taqsmu ma’ kulħadd il-Magħmudija  li rċevejtu. Għextuha din l-esperjenza, allura aqsmuha fil-Knisja. Dan hu s-servizz l-aktar importanti li jista’ jingħata lil kulħadd fil-Knisja. Għinu lill-poplu t’Alla fil-laqgħa personali tiegħu ma’ Ġesù Kristu, li jibdilna u jagħmilna rġiel u nisa ġodda; għinuhom fi gruppi żgħar, umli imma effikaċi għax hu l-Ispirtu li jaħdem fihom. Toqogħdux tfittxu li tagħmlu laqgħat kbar, li spiss jispiċċaw hemm, imma fittxu relazzjonijiet “artiġjanali” li jiġu mix-xhieda fil-familja, fuq ix-xogħol, fil-ħajja soċjali, fil-parroċċi, fil-gruppi ta’ talb, ma’ kulħadd! U hawnhekk nitlobkom tieħdu l-inizjattiva biex jinħolqu rabtiet ta’ fiduċja u ta’ koperazzjoni mal-Isqfijiet, li għandhom ir-responsabbilta’ pastorali li jiggwidaw il-ġisem ta’ Kristu, inkluż it-Tiġdid kariżmatiku. Ibdew ħudu l-inizjattivi neċessarji biex ir-realtajiet kariżmatiċi kollha fl-Italja, li twieldu minn dan il-kurrent ta’ grazzja, jkunu jistgħu jinkanalaw ruħhom f’dawn ir-rabtiet ta’ fiduċja u ta’ koperazzjoni  direttament mal-Isqfijiet tagħhom fil-postijiet fejn jinsabu.

Sinjal qawwi ieħor tal-Ispirtu fit-Tiġdid kariżmatiku hu t-tfittxija għall-għaqda tal-Ġisem mistiku. Intom il-kariżmatiċi għandkom grazzja speċjali biex titolbu u taħdmu għall-għaqda tal-Insara, għax dan il-kurrent ta’ grazzja jinsab fil-Knejjes Insara kollha. L-għaqda bejn l-Insara hi opra tal-Ispirtu s-Santu u hemm bżonn nitolbu flimkien. L-ekumeniżmu spiritwali, l-ekumeniżmu tat-talb. “Imma, Dun, nista’ nitlob ma’ wieħed Evanġeliku, ma’ wieħed Ortodoss, ma’ wieħed Luteran?” “ Dan hu li għandek tagħmel, dan hu li trid tagħmel! Intom irċvejtu l-istess Magħmudija”. Ilkoll irċvejna l-istess magħmudija, ilkoll mexjin fit-triq ta’ Ġesù, ilkoll irridu lil Ġesù.  U lkoll wettaqna dawn il-firdiet  matul l-istorja, minħabba ħafna raġunijiet, imma ma kinux tajbin. Issa wasal iż-żmien meta l-Ispirtu s-Santu qed jurina li dawn il-firdiet m’għandhomx ikunu, li dawn il-firdiet mhux qed ikunu ta’ xhieda u li jeħtieġ nagħmlu minn kollox biex nimxu flimkien: l-ekumeniżmu spiritwali, l-ekumeniżmu tat-talb, l-ekumeniżmu tal-ħidma, tal-karità mgħejxa flimkien, l-ekumeniżmu tal-qari flimkien tal-Bibbja ...... Nimxu flimkien lejn l-unità. “Imma, Dun, biex nagħmlu hemm bżonn li niffirmaw  xi dokument?” – “Ejjew inħallu l-Ispirtu s-Santu jmexxina; nitolbu, naħdmu, inħobbu u mbagħad il-bqija jagħmlu Hu!”

Dan il-kurrent ta’ grazzja jinsab f’dawk kollha li jistqarru t-twemmin nisrani; ilkoll nemmnu fi Kristu.  L-ewwelnett irridu nkunu magħqudin fit-talb; il-ħidma tal-għaqda fost l-insara tibda bit-talb; nitolbu flimkien.

Unità għax id-demm tal-martri tal-lum jagħmilna ħaġa waħda. Hemm l-ekumeniżmu tad-demm. Nafu li dawk li jobogħdu lil Ġesù Kristu qabel ma joqtlu nisrani ma jistaqsuhx; “Int Luteran, int Ortodoss, int Evanġeliku, int Battista, int Metodista?”  Int Nisrani!  U jaqtgħulu rasu. Dawn ma jitħawdux; jafu  li hemm għerq li jagħti l-ħajja lilna lkoll u li dan jismu Ġesù Kristu, u li hemm l-Ispirtu s-Santu li jmexxina lejn l-unità! Dawk li jobogħdu lil Ġesù Kristu u li huma ggwidati mill-ispirtu tal-ħażen ma jiżbaljawx, jafu u allura joqtlu mingħajr ma joqogħdu jistaqsu.

Ser ngħidilkom xi ħaġa, storja vera, li forsi ġa rrakkuntajthielkom. F’belt fil-Ġermanja, f’Hamburg, kien hemm kappillan li kien qed jistudja xi kitbiet minħabba l-kawża ta’ beatifikazzjoni ta’ wieħed saċerdot maqtul min-Nażi, li tawh il-giljottina. Għaliex? Għax kien jgħallem il-katekiżmu lit-tfal. Waqt li kien qed  jagħmel dan l-istudju  sab li ħames minuti wara li qatlu lil dan is-saċerdot, kienu qatlu pastor Luteran għall-istess raġuni. Id-demm ta’ dawn it-tnejn tħallat: it-tnejn kienu martri, it-tnejn kienu martri. Dan hu l-ekumeniżmu tad-demm. Jekk l-għadu jgħaqqadna fil-mewt, ser inkunu aħna li nifirdu lil xulxin fil-ħajja? Ejjew inħallu l-Ispirtu s-Santu jidħol, ejjew nitolbu biex nimxu ‘l quddiem ilkoll flimkien. “Imma hemm id-differenzi!” Ejjew inwarrbuhom u nimxu flimkien f’dak li jgħaqqadna; hemm ħafna affarijiet li huma komuni għalina lkoll: hemm it-Trinità Qaddisa, hemm il-Magħmudija. Ejjew nimxu ‘l quddiem bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

Ftit xhur ilu, kien hemm ukoll dawk it-tlieta u għoxrin Eġizzjan Kopti li ġew maqtula fuq ix-xatt tal-Libja; dak il-ħin huma lissnu l-isem ta’ Ġesù. “Imma ma kinux Kattoliċi....” Kienu Nsara, kienu ħutna, kienu martri tagħna! L-ekumeniżmu tad-demm.  50 sena ilu, fil-kanonizzazzjoni taż-żgħażagħ martri tal-Uganda, il-Beatu Pawlu VI kien qal li  ma’ dawn iż-żgħażagħ kien hemm ukoll sħabhom katekisti Anglikani li xerrdu demmhom għall-istess ħaġa. Kienu Nsara, kienu martri. Skużawni, tiskandalizzawx ruħkom, dawn huma l-martri tagħna! Għax fetħu t-triq għal Kristu, u dan hu l-ekumeniżmu tad-demm. Ejjew nitolbu filwaqt li niftakru fil-martri komuni tagħna.

Naħdmu lkoll flimkien għall-foqra u għal dawk fil-bżonn, li wkoll jeħtieġu l-Magħmudija tal-Ispirtu. Tkun ħaġa sabiħa li jiġu organizzati seminars tal-ħajja fl-Ispirtu flimkien ma’ realtajiet kariżmatiċi Nsara oħra għal ħutna li jgħixu fit-triq: huma wkoll għandhom l-Ispirtu fihom li jħabbat biex xi ħadd jiftaħ il-bieb minn barra.

Milli jidher ix-xita waqfet. Is-sħana spiċċat. Il-Mulej hu twajjeb, l-ewwel tana s-sħana, imbagħad tana doċċa sew! Hu magħna. Ħallu l-Ispirtu s-Santu jmexxikom  permezz ta’ dan il-kurrent ta’ grazzja li jmexxi ‘l quddiem u dejjem ifittex l-għaqda. Ħadd mhu s-sid. Wieħed biss hu l-Mulej. Min hu? (in-nies fil-pjazza: Ġesù ) Ġesù hu l-Mulej! Infakkarkom: li t-Tiġdid kariżmatiku hu grazzja pentikostali għall-Knisja kollha. Taqblu? ( in-nies fil-pjazza: Iva!) Jekk xi ħadd ma jaqbilx jgħolli idejh!

Ftakru li rridu ngħixu l-unità fid-diversità tal-Ispirtu s-Santu u mhux unità kwalunkwe, ftakru fil-globu u l-priżma.  Semmejna l-esperjenza komuni tal-Magħmudija fl-Ispirtu s-Santu u r-rabta fraterna u diretta mal-isqof djoċesan,  għax il-kollox hu aktar mill-parti. Imbagħad  l-unità tal-Ġisem ta’ Kristu: nitolbu flimkien ma’ Nsara oħra, naħdmu flimkien ma’ Nsara oħra għall-foqra u għal dawk fil-bżonn. Ilkoll irċevejna l-istess Magħmudija. Norganizzaw seminars ta’ ħajja fl-Ispirtu għal ħutna li jgħixu fit-triq, anki għal ħutna mwarrbin minħabba tant tbatijiet fil-ħajja. Ippermettuli nfakkar ix-xhieda ta’ Ugo. Il-Mulej sejjaħlu propju għax l-Ispirtu s-Santu wasslu biex jara l-ferħ ta’ min jimxi wara Ġesù.  Norganizzaw seminars ta’ ħajja fl-Ispirtu għall-persuni li jgħixu fit-triq.

Imbagħad, jekk il-Mulej iħallina ħajjin, nistenniekom ilkoll u  nistenna wkoll lil dawk kollha li jixtiequ jiġu  għal-laqgħa tal-ICCRS u tal-Fraternita Kattolika. Ġa bdiet l-organizzazzjoni tagħha; ser issir hawnhekk fi Pjazza San Pietru fil-Pentekoste 2017 – mhux  ‘l bogħod ħafna! – biex niċċelebraw il-Ġublew tad-deheb ta’ dan il-kurrent ta’ grazzja. Bħalma kien qal il-Beatu Pawlu VI fil-Bażilika ta’ San Pietru fl-1975, din  ser tkun opportunità  għall-Knisja.  Ser ningħaqdu biex nirringrazzjaw lill-Ispirtu s-Santu għal dan il-kurrent ta’ grazzja  mogħti  għall-Knisja u għad-dinja, u biex niċċelebraw il-meravilji li l-Ispirtu s-Santu wettaq matul dawn il-50 sena bil-bidla li ġab fil-ħajja ta’ miljuni ta’ nsara.

Nerġa nirringrazzjakom talli weġibtu  bil-ferħ għall-istedina tiegħi. Jalla Ġesù jberikkom u l-Verġni Mqaddsa tħariskom. U jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija għax għandi bżonn,  grazzi!

Morru u  xandru n-novità li tana Ġesù, bil-Bibbja, bil-Kelma t’Alla: ippridkaw lill-foqra, lill-imwarrbin, lill-għomja, lill-morda, lill-ħabsin, lill-irġiel u lin-nisa kollha. F’kull persuna hemm l-Ispirtu s-Santu, li jridna ngħinuh biex il-bieb jinfetaħ beraħ ħalli Hu jkun jista’  jgħix mill-ġdid. Il-Mulej jakkumpanjakom f’din il-missjoni, dejjem bil-Bibbja f’idejkom, dejjem bil-Vanġelu fil-but, bil-Kelma t’Alla.

 [Barka tal-Papa]


Talba tal-Papa:

Nadurawk Alla li tista’ kollox, Missier, Iben u Spirtu s-Santu.

Missier, ibagħtilna l-Ispirtu s-Santu mwiegħed lilna minn Ġesù.  Hu jmexxina lejn l-għaqda.  Hu Dak li jagħti l-kariżmi, li jopera l-varjetà  fil-Knisja, u huwa Hu li jagħmel l-unità. Ibagħtilna l-Ispirtu s-Santu biex jgħallimna u jfakkarna f’dak li qal Ġesù.  Mulej, Ġesù, int tlabt għalina lkoll il-grazzja li nkunu magħqudin ħaġa waħda f’dil-Knisja li hi tiegħek, u mhux tagħna.  L-istorja firditna.  Għinna Ġesù,  nimxu fit-triq tal-unità  jew f’dik ta’ din id-diversità rikonċiljata. Mulej, int dejjem twettaq dak li twiegħed, agħmel li l-Insara kollha  jkunu magħqudin  ħaġa waħda bejniethom. Ammen.

[Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Vivienne Attard]