Għeżież ħuti, merħba.

 

Grazzi tal-laqgħa tagħkom u minn qalbi nsellem lil kulħadd.  Naf li l-Catholic Fraternity ġa żammet il-laqgħa ma’ l-eżekuttiv u l-kunsill u li l-lejla sa tiftħu s-XVI-il Konferenza Internazzjonali flimkien ma’ l-għażiż Patri Raniero.

 

Kontu ġentili biżżejjed li għaddejtuli l-programm minn qabel u qed nara li kull laqgħa tiftaħ bid-diskors li għamilt lit-Tiġdid Kariżmatiku fl-okkażjoni tal-laqgħa fl-Istadju Olimpiku f’Ġunju li għadda.

 

Nixtieq qabel xejn nifirħilkom għax tajtu bidu għal dak li dak in-nhar kien għadu biss xewqa.  Diġà sa minn xi xahrejn ilu l-Catholic Fraternity u l-ICCRS bdew jaħdmu mill-istess uffiċċju fil-Palazz ta’ San Kallistu, fl-“Arka ta’ Noè”.  Nista’ nimmaġina li ma kienx faċli tieħdu din id-deċiżjoni u nirringrazzjakom minn qalbi għal din ix-xhieda ta’ għaqda, tal-kurrent tal-Grazzja, li qegħdin tagħtu quddiem id-dinja kollha.

 

Nixtieq ninżel fil-fond ta’ xi temi li nħosshom importanti.

 

L-għaqda fid-diversità.  L-uniformità m’hix ħaġa Kattolika, m’hix Kristjana.  L-għaqda fid-diversità.  L-għaqda Kattolika hi diversa, imma hi waħda.  Ħaġa kurjuża din!  L-istess ħaġa li toħloq id-diversità hi dik li mbagħad iġġib l-għaqda: l-Ispirtu s-Santu.  Dan jagħmel it-tnejn li huma: l-għaqda fid-diversità.  L-għaqda m’hix uniformità, ma tfissirx li tagħmel kollox flimkien bilfors, u la li taħsibha bl-istess mod, u lanqas li titlef l-identità tiegħek.  L-għaqda fid-diversità hi preċiżament il-kuntrarju, tfisser li nagħrfu u naċċettaw bil-ferħ id-diversi doni li l-Ispirtu s-Santu jagħti lil kull wieħed u waħda minna u npoġġuhom għas-servizz ta’ kulħadd fil-Knisja.

 

Il-lum fis-silta tal-Vanġelu li għadna kemm qrajna fil-Quddiesa, kien hemm din l-uniformità ta’ dawk il-persuni li qalbhom marbuta wisq ma’ l-ittra: “M’għandux isir hekk…”, sal-punt li l-Mulej kellu jistaqsi: “Imma, għidli, tista’ tagħmel ftit ġid nhar ta’ Sibt jew le?”.  Dan hu l-periklu ta’ l-uniformità.  L-għaqda tfisser li tagħraf tisma’, taċċetta d-differenzi, ikollok il-libertà li taħsiba differenti u turiha din il-fehma tiegħek!  Bir-rispett kollu lejn l-ieħor li hu ħija.  Tibżgħux mid-differenzi!  Kif għidt fl-Eżortazzjoni Evangelii gaudium: “Il-mudell mhux il-globu – li mhux aqwa mill-partijiet – fejn kull punt hu mbiegħed indaqs miċ-ċentru u m’hemmx differenzi bejn punt u l-ieħor.  Il-mudell hu l-priżma, li tirrifletti l-għaqda flimkien tal-partijiet kollha li fiha jżommu xorta l-oriġinalità tagħhom (236), imma jagħmlu l-għaqda.

 

Qrajt fil-fuljett, fejn hemm l-ismijiet tal-Komunitajiet, li l-frażi li għażiltu li tqiegħdu fil-bidu tgħid hekk: “…naqsmu ma’ kulħadd fil-Knisja l-Magħmudija fl-Ispirtu s-Santu”.  Il-Knisja għandha bżonn ta’ l-Ispirtu s-Santu, bla dubju!  Kull Nisrani, f’ħajtu, għandu bżonn jiftaħ qalbu għall-ħidma li tqaddes ta’ l-Ispirtu s-Santu.  L-Ispirtu, imwiegħed mill-Missier, hu Dak li jurina lil Ġesù Kristu, li jagħtina l-possibbiltà li llissnu: Ġesù!  Mingħajr l-Ispirtu s-Santu ma nistgħux illissnuh.  Hu jurina lil Ġesù Kristu, iwassalna għal-laqgħa personali tagħna miegħU u hekk jibdlilna ħajjitna.  Mistoqsija: Qed tgħixuha din l-esperjenza?  Aqsmuha!  U biex taqsmuha, jeħtieġ tgħixuha, tkunu xhieda ta’ dan!

 

It-tema li għażiltu għall-Kungress hi “Ġieħ u Qima għal evanġelizzazzjoni ġdida”.  Fuq dan għandu jitkellem Patri Raniero, mgħallem tat-talb.  It-tifħir lil Alla hu n-nifs ’il ġew li jagħtina l-ħajja, għax hu l-intimità ma’ Alla, li tikber mal-ġieħ li nagħtuh ta’ kuljum.  Xi żmien ilu smajt dan l-eżempju li jidhirli li jixraq ħafna: in-nifs għall-bniedem.  In-nifs hu magħmul minn żewġ fażijiet: tieħu n-nifs ’il ġewwa, jiġifieri tieħu l-arja ġo fik, u tieħu n-nifs ’il barra, jiġifieri tħalliha toħroġ.  Il-ħajja spiritwali tikber, titmantna bit-talb u tidher fil-missjoni: nifs ’il ġewwa – it-talb – u nifs ’il barra.  Meta nieħdu n-nifs ’il ġewwa, fit-talb, nirċievu l-arja ġdida ta’ l-Ispirtu, u meta neħduh ’il barra, inkunu nħabbru lil Ġesù Kristu mqajjem mill-Ispirtu nnifsu.

 

Ħadd ma jista’ jgħix mingħajr ma jieħu n-nifs.  L-istess għan-Nisrani: mingħajr tifħir u mingħajr missjoni ma jkunx jgħix ta’ Nisrani.  U bit-tifħir lil Alla, l-adorazzjoni.  Ftit li xejn nitkellmu dwar adorazzjoni.  “X’tagħmel meta titlob?” – “Nitlob dak li jkolli bżonn lil Alla, nirringrazzjah, irressaqlu persuni oħra…”.  L-adorazzjoni, tqim lil Alla.  Din hi parti min-nifs li rridu nieħdu: il-ġieħ u l-qima.

 

Kien it-Tiġdid Kariżmatiku li lill-Knisja fakkarha fil-ħtieġa u l-importanza tat-talb ta’ tifħir.  Meta nitkellmu fuq it-talb ta’ tifħir fil-Knisja jiġuna f’moħħna l-Kariżmatiċi.  Meta tkellimt dwar it-talb ta’ tifħir waqt Quddiesa li kelli f’Santa Marta, jien għidt li dan m’hux biss it-talb tal-Kariżmatiċi imma tal-Knisja kollha!  Hu l-għarfien li Alla hu l-Mulej u s-Sid tagħna u tal-ħolqien kollu, u dan nesprimuh biż-żfin, bil-mużika u l-kant.

 

Issa nixtieq naqbad xi siltiet minn dik l-omelija: “It-talb ta’ tifħir hu talb Nisrani għalina lkoll.  Fil-Quddiesa, kuljum, meta nkantaw u ntennu ‘Qaddis, Qaddis, Qaddis…, din hi talba ta’ tifħir, infaħħru lil Alla għall-kobor tiegħu għax hu kbir.  U ngħidulu ħwejjeġ sbieħ, għax jogħġobna li hu hekk…  It-talb ta’ tifħir jagħmilna għammiela.  Sara żifnet fil-waqt kbir ta’ meta nisslet fi ħdanha ta’ disgħin sena!  Min jagħmel il-frott, ifaħħar lil Alla.  Ir-raġel jew il-mara li jfaħħru lill-Mulej, li jitolbu billi jweġġħu lill-Mulej – u meta jagħmlu dan, jagħmluh bil-ferħ – u jithennew meta jkantaw is-Sanctus fil-Quddiesa, huma raġel jew mara għammiela.  Ejjew naħsbu f’kemm hi ħaġa sabiħa li titlob billi tfaħħar lil Alla.  Din għandha tkun it-talba tagħna ta’ tifħir u, meta ngħolluha quddiem il-Mulej, għandna ngħidu lill-qalb tagħna: ‘Intrefa’, ruħ tiegħi, għax int qiegħda quddiem is-Sultan tal-glorja’” (Quddiesa f’Santa Marta, 28 ta’ Jannar 2014).

 

Flimkien mat-talba ta’ tifħir, it-talba ta’ interċessjoni l-lum hi karba lill-Missier għal ħutna Nsara ppersegwitati u maqtula u għall-paċi fid-dinja mħabbta tagħna.

 

Faħħru dejjem lill-Mulej, tieqfu qatt tfaħħruh, faħħruh dejjem iżjed, bla waqfien.  Qaluli bi gruppi ta’ talb tat-Tiġdid Kariżmatiku fejn flimkien jgħidu r-Rużarju.  It-talb lill-Madonna m’għandu qatt jonqos, qatt!  Imma meta intom tinġabru flimkien, faħħru lill-Mulej!

 

Qed nilmaħ fostkom ħabib għażiż, il-Pastor Giovanni Traettino, li m’ilux wisq mort inżuru.  Catholic Fraternity, tinsa qatt l-għeruq tiegħek, tinsiex li t-Tiġdid Kariżmatiku hu mill-istess natura tiegħu ekumeniku.  Fuq dan is-suġġett, il-Beatu Pawlu VI, fl-Eżortazzjoni mill-isbaħ u attwalissma tiegħu fuq l-Evanġelizzazzjoni, jgħid: “Il-forza ta’ l-evanġelizzazzjoni tonqos sewwa kemm-il darba dawk li jxandru l-Vanġelu jkunu mifrudin bejniethom b’xi mod jew ieħor.  Mhux din forsi waħda mill-markiet kbar ta’ l-evanġelizzazzjoni l-lum?  It-testment spiritwali tal-Mulej jgħidilna li l-għaqda bejn id-dixxipli tiegħU mhix biss il-prova li aħna tiegħu, iżda wkoll il-prova li Hu mibgħut mill-Missier.  Din hi l-qofol tal-kredibbiltà ta’ l-Insara u ta’ Kristu nnifsu.  Iva, il-futur ta’ l-evanġelizzazzjoni hu ċertament marbut max-xhieda ta’ l-għaqda li l-Knisja tagħti.  Din hija għajn ta’ responsabbiltà u anki ta’ faraġ” (Evangelii nuntiandi, 77).  Sa hawn, il-Beatu Pawlu VI.

 

Ekumeniżmu spiritwali, nitolbu flimkien u nxandru flimkien li Ġesù hu l-Mulej u nindaħlu flimkien biex ngħinu lill-foqra, fil-faqar kollu tagħhom.  Dan għandna nagħmlu u ma ninsewx li l-lum id-demm ta’ Ġesù, imxerred mill-għadd ta’ martri Nsara tiegħu fid-diversi partijiet tad-dinja, qed isejħilna u jimbuttana għall-għaqda.  Għall-persekuturi, aħna m’aħniex mifruda, m’aħniex Luterani, Ortodossi, Evanġeliċi, Kattoliċi…  Le!  Aħna ħaġa waħda!  Għall-persekuturi aħna Nsara!  Ma jinteressahomx iżjed minn hekk.  Dan hu l-Ekumeniżmu tad-demm li qed ngħixu l-lum.

 

Ftakru: fittxu l-għaqda li hi opra ta’ l-Ispirtu s-Santu u tibżgħux mid-diversità.  In-nifs tan-Nisrani li jħalli tidħol l-arja dejjem ġdida ta’ l-Ispirtu s-Santu u jerġa’ jitfgħu fid-dinja.  Talb ta’ tifħir u missjoni.  Aqsmu l-Magħmudija fl-Ispirtu s-Santu ma’ kulħadd fil-Knisja.  Ekumeniżmu spiritwali u ekumeniżmu tad-demm.  L-għaqda tal-Ġisem ta’ Kristu.  It-tħejjija ta’ l-Għarusa għall-Għarus li ġej!  Għarusa waħda!  Ilkoll. (Apok 22:17).

 

U fl-aħħar nett, barra li rrid nirringrazzjahom, irrid insemmi b’mod speċjali lil dawn iż-żgħażagħ mużiċisti li ġejjin mit-tramuntana tal-Brażil u li daqqew fil-bidu, u nittama li sa jkomplu jdoqqu xi ftit.  Laqgħuni b’tant imħabba bil-kant “Sidi Ġesù huwa ħaj”.  Naf li ħejjew xi ħaġa iżjed u nistedinkom ilkoll tisimgħuhom qabel insellmu lil xulxin.  Grazzi.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard