Għeżież żgħażagħ,

 

Grazzi li nġbartu hawn! Illejla qed nagħtu bidu doppju: il-bidu ta’ mixja lejn is-Sinodu – li għandu isem twil: “Iż-żgħażagħ, il-fidi u d-dixxerniment vokazzjonali”, imma ejja ngħidu: “is-Sinodu taż-żgħażagħ”, hekk jinftiehem iktar –; u anki t-tieni bidu, tal-mixja lejn il-Panama. Hawn magħna l-Arċisqof tal-Panama [idur lejh]: Insellimlek!

 

Smajna l-Vanġelu, tlabna, kantajna; ġibna l-ward lill-Madonna, lill-Omm tagħna; u ġibna s-Salib, li ġej minn Krakovja u għada sa jiġi mgħoddi liż-żgħażagħ tal-Panama. Minn Krakovja għall-Panama; u, fin-nofs, is-Sinodu. Sinodu li fih l-ebda żagħżugħ ma għandu jħossu eskluż! [Xi ħadd forsi jista’ jgħid:] “Imma… ejja nagħmlu s-Sinodu għaż-żgħażagħ Kattoliċi… għaż-żgħażagħ tal-għaqdiet Kattoliċi, iktar ikun b’saħħtu hekk…”. Le! Is-Sinodu hu s-Sinodu għaż- u taż-żgħażagħ kollha! Iż-żgħażagħ huma l-protagonisti. “Imma anki ż-żgħażagħ li jħossuhom anjostiċi?”. Iva! “Anki ż-żgħażagħ li birdu fil-fidi?”. Iva! “Anki ż-żgħażagħ li huma mbiegħda mill-Knisja?”. Iva! “Anki ż-żgħażagħ li – ma nafx hawnx xi ħadd… forsi hawn – iż-żgħażagħ li jħossuhom atej?”. Iva! Dan hu s-Sinodu taż-żgħażagħ, u aħna lkoll irridu nisimgħu lil xulxin. Kull żagħżugħ u żagħżugħa għandu xi ħaġa x’jagħti lill-oħrajn, għandu xi ħaġa x’jgħid lill-adulti, għandu xi ħaġa x’jgħid lill-qassisin, lis-sorijiet, lill-isqfijiet u lill-Papa! Kollha għandna bżonn li nisimgħu lilkom.

 

Niftakru naqra fi Krakovja; is-Salib ifakkarna f’dan. Hemm għidt żewġ affarijiet – forsi hawn min għadu jiftakar –: kemm hi ħaġa kerha tara żagħżugħ ta’ għoxrin sena diġà sejjer għall-pensjoni, kerha; u hi kerha wkoll tara żagħżugħ tal-pultruna. Mhux veru jew? La żgħażagħ “fil-pensjoni”, lanqas żgħażagħ “tal-pultruna”. Żgħażagħ li jimxu, żgħażagħ fit-triq, żgħażagħ li jimxu ’l quddiem, wieħed biswit l-ieħor, imma ħarsithom lejn il-futur.

 

Smajnieh il-Vanġelu (ara Lq 1:39-45). Meta Marija rċiviet dak id-don, dik il-vokazzjoni hekk kbira li twassal id-don ta’ Alla lilna, il-Vanġelu jgħid li, billi kienet semgħet ukoll li x-xwejħa kuġintha kienet qed tistenna tarbija u kienet bżonn l-għajnuna, marret “tħaffef” għandha. Tħaffef! Id-dinja tal-lum għandha bżonn ta’ żgħażagħ li jmorru “jħaffu”, li ma jegħjewx imorru jħaffu; ta’ żgħażagħ li għandhom dik il-vokazzjoni li jħossu li l-ħajja lilhom qed toffrilhom missjoni. U kif qalet tant drabi Maria Lisa [soru żagħżugħa] fix-xhieda tagħha, żgħażagħ f’mixja. Hi rrakkontat l-esperjenza kollha tagħha: kienet esperjenza f’mixja. Għandna bżonn ta’ żgħażagħ f’mixja. Id-dinja tista’ tinbidel biss jekk iż-żgħażagħ ikunu f’mixja. Imma t-traġedja ta’ din id-dinja hi li ż-żgħażagħ – u din hi t-traġedja taż-żgħożija tal-lum! – li ż-żgħażagħ spiss huma mormija. Bla xogħol, bla ideal xi jwettqu, bla edukazzjoni, bla integrazzjoni… Tant żgħażagħ ikollhom jaħarbu, jemigraw f’artijiet oħra… Iż-żgħażagħ, illum, iebsa tgħidha, imma spiss huma “materjal għar-rimi”. U dan aħna ma nistgħux nittollerawh! U rridu nagħmlu dan is-Sinodu biex ngħidu: “Aħna ż-żgħażagħ hawn qegħdin!”. U aħna se mmorru l-Panama biex ngħidu: “Aħna ż-żgħażagħ hawn qegħdin, mexjin. Ma rridux inkunu materjal għar-rimi! Aħna għandna valur x’noffru”.

 

Waqt li kien qed jitkellem Pompeo [fit-tieni xhieda], kont qed naħseb: darbtejn kien kważi wasal fit-tarf li jispiċċa materjal għar-rimi, ta’ tmien snin u ta’ tmintax. U rnexxielu jegħlibha. Irnexxielu. Kien kapaċi jerfa’ lilu nnifsu. U l-ħajja, meta nħarsu lejn ix-xefaq – dan qalitu wkoll Maria Lisa –, dejjem tissorprendina, dejjem. It-tnejn qaluha din.

 

Aħna ninsabu f’mixja, lejn is-Sinodu u lejn il-Panama. U din hi mixja riskjuża. Imma jekk żagħżugħ ma jirriskjax, jixjieħ. U aħna rridu nirriskjaw.

 

Maria Lisa qalet li wara s-sagrament tal-Griżma hi tbiegħdet mill-Knisja. Intom tafu sewwa li hawn l-Italja s-sagrament tal-Griżma tal-Isqof jissejjaħ “is-sagrament taċ-ċaw ċaw”! Wara l-Griżma ma jerġgħux jiġu l-knisja. U għaliex? Għax ħafna żgħażagħ ma jafux x’jaqbdu jagħmlu… Imma hi [Maria Lisa] qatt ma waqfet, dejjem baqgħet miexja: kultant f’toroq mudlama, f’toroq bla dawl, bla ideali jew b’ideali li ma fehmitx sew; imma fl-aħħar, anki hi rnexxielha. Intom iż-żgħażagħ tridu tirriskjaw fil-ħajja, tirriskjaw. Illum tridu tħejju għall-futur. Il-futur f’idejkom. Il-futur f’idejkom.

 

Fis-Sinodu, il-Knisja, kollha kemm hi, trid tisma’ liż-żgħażagħ: x’jaħsbu, xi jħossu, xi jridu, x’jikkritikaw u minn xiex jiddispjaċihom. Kollox. Il-Knisja għandha bżonn iktar tar-rebbiegħa, u r-rebbiegħa hi l-istaġun taż-żgħażagħ.

 

U barra minn hekk, nixtieq nistedinkom tagħmlu din il-mixja, din il-mixja lejn is-Sinodu u lejn il-Panama, u tagħmluha bil-ferħ, tagħmluha b’xewqa, bla biża’, bla mistħija, tagħmluha bil-kuraġġ. Trid il-kuraġġ. U tfittxu li tagħrfu l-ġmiel fil-ħwejjeġ iż-żgħar, kif qal Pompeo, dak il-ġmiel ta’ kuljum: tagħrfuh, titilfuhx. U trodd ħajr lil Alla għal dak li int: “Jien hekk: grazzi!”. Tant drabi, fil-ħajja, naħlu l-ħin nistaqsu lilna nfusna: “Imma jien min jien?”. Int tista’ toqgħod tistaqsi lilek innifsek min int u tgħaddi ħajtek kollha tfittex min int. Imma staqsi lilek innifsek: “Għal min jien?”. Bħall-Madonna, li kellha l-ħila tistaqsi lilha nfisha: “Għal min, għal liema persuna jien, bħalissa? Għall-kuġina tiegħi”, u marret. Għal min jien, mhux min jien: dan jiġi wara, iva, hi mistoqsija li rridu nagħmlu, imma [qabelxejn] “għaliex” tagħmel dan ix-xogħol, xogħol għal ħajtek kollha, xogħol li jġagħlek taħseb, li jġagħlek tħoss, li jġagħlek tmidd għonqok. It-tliet lingwaġġi: il-lingwaġġ tal-moħħ, il-lingwaġġ tal-qalb u l-lingwaġġ tal-idejn. U nibqgħu dejjem mexjin.

 

U ħaġa oħra li rrid ngħidilkom: is-Sinodu mhux “parlatorju”. Il-JDŻ mhux sa jkun xi “parlatorju” jew ċirklu jew xi ħaġa sabiħa, festa, u mbagħad “ċaw, insejt”. Le, konkretezzi! Il-ħajja qed titlob minna konkretezza. F’din il-kultura likwida, neħtieġu konkretezza, u l-konkretezza hi l-vokazzjoni tagħkom.

 

U rrid nagħlaq… – kelli diskors miktub, imma wara li rajt lilkom, li smajt iż-żewġ xhieda, ġieni f’moħħi ngħid dan kollu –: sa jkun hemm mumenti li fihom m’intom ħa tifhmu xejn, mumenti mudlama, koroh, mumenti sbieħ, mumenti mudlama, mumenti mdawlin… Imma hemm ħaġa li rrid nisħaq fuqha. Aħna qegħdin fil-preżent. Fl-età tiegħi, wasalna biex nitilqu… eħ le? [jidħak] Min jista’ jiggarantixxi l-ħajja? Ħadd. L-età tagħkom għandha futur sħiħ quddiemha. Liż-żgħażagħ, illum, liż-żgħażagħ il-ħajja qed titlobhom missjoni, il-Knisja titlob minnhom missjoni, u jien nixtieq nagħtikom din il-missjoni: morru lura u tkellmu man-nanniet. Illum iżjed minn qatt qabel għandna bżonn, għandna bżonn ta’ dan il-pont, tad-djalogu bejn in-nanniet u ż-żgħażagħ, bejn ix-xjuħ u ż-żgħażagħ. Il-profeta Ġoel, fil-kapitlu 3, vers 1, dan jgħidilna, bħal profezija: “Ix-xjuħ tagħkom ikollhom ħolm, iż-żgħażagħ tagħkom jaraw viżjonijiet”, jiġifieri bil-profeziji jmexxu ’l quddiem il-ħwejjeġ konkreti. Din hi l-ħidma li qed nagħtikom f’isem il-Knisja: tkellmu mal-anzjani. “Imma xi dwejjaq…, dejjem igedwdu l-istess affarijiet…”. Le. Isma’ lill-anzjan. Tkellem, staqsi. Għinhom joħolmu u minn dak il-ħolm ħu li għandek bżonn biex tibqa’ miexi ’l quddiem, biex tipprofetizza u biex tagħmel konkreta dik il-profezija. Din hi l-missjoni tagħkom illum, din hi l-missjoni li qed titlob minnkom illum il-Knisja.

 

Għeżież żgħażagħ, kunu kuraġġjużi! “Imma, Dun, jiena midneb, kemm drabi naqa’…”. Tiġini f’moħħi għanja tal-Alpi, sabiħa ħafna, li jkantaw fl-Alpi: “Fl-arti ta’ min jixxabbat, l-importanti mhux li ma naqgħux, imma li ma nibqgħux fl-art”. Imxi! Waqajt? Qum u ibqa’ miexi. Imma aħseb f’dak li ħolom in-nannu, li ħolom ix-xwejjaħ u x-xwejħa. Ħallihom ikellmuk, ħu dak li jagħtuk u ibni l-pont għall-ġejjieni. Dan hu x-xogħol u l-missjoni li llum qed tafdalkom il-Knisja.

 

Grazzi ħafna tal-kuraġġ tagħkom, u… niltaqgħu l-Panama! Ma nafx inkunx jien, imma jkun hemm il-Papa. U l-Papa, fil-Panama, sa jistaqsikom: “Tkellimtu max-xjuħ? Tkellimtu mal-anzjani? Ħadtu l-ħolm tal-anzjan u bdiltuh fi profezija konkreta?”. Dan hu xogħolkom. Il-Mulej iberikkom. Itolbu għalija, u flimkien ejjew nitħejjew għas-Sinodu u għall-Panama.

 

Grazzi.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard